Qari tat-Tnejn tas-Seba’ Ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Is-Seba’ Ġimgħa tal-Għid – It-Tnejn

Qari I

Ħadtu intom l-Ispirtu s-Santu meta emmintu?

Atti 19, 1-8

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Meta Apollu kien Korintu, Pawlu għadda mill-inħawi ta’ fuq u wasal Efesu, fejn sab xi dixxipli u staqsiehom: “Ħadtu intom l-Ispirtu s-Santu meta emmintu?”. Iżda huma weġbuh: “Le, anqas biss smajna li hemm l-Ispirtu s-Santu!”. “Mela x’magħmudija ħadtu?”, staqsiehom Pawlu. “Il-magħmudija ta’ Ġwanni!” weġbuh huma. Imbagħad Pawlu qalilhom: “Ġwanni għammed bil-magħmudija tal-indiema; imma lin-nies kien jgħidilhom biex jemmnu f’dak li kellu jiġi warajh, jiġifieri, f’Ġesù”.

Xħin semgħu dan, tgħammdu f’isem il-Mulej Ġesù. Imbagħad, kif Pawlu qegħdilhom idejh fuqhom, niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna u jħabbru. B’kollox kienu madwar tnax-il raġel. Għal tliet xhur Pawlu kien imur fis-sinagoga, jitkellem bi qlubija kbira u jfittex li jipperswadihom fuq is-Saltna ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 67 (68), 2-3.4-5aċ.6-7ab

R/. (33a): Slaten tal-art, għannu lil Alla

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Iqum Alla! Jixxerrdu l-għedewwa tiegħu;

jaħarbu minn quddiemu dawk li jobogħduh.

Bħalma d-duħħan mar-riħ jixtered,

bħalma jdub ix-xama’ quddiem in-nar,

hekk jinqerdu l-ħżiena quddiem Alla. R/.

Imma l-ġusti jithennew quddiem Alla,

jifirħu u jaqbżu bil-ferħ.

Għannu lil Alla, faħħru ismu.

Tgħaxxqu fil-Mulej, aqbżu bil-ferħ quddiemu. R/.

Missier l-iltiema u difensur tar-romol,

hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu.

Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom,

u lill-ħabsin bir-riżq joħroġhom. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Kol 3, 1

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu,

fittxu l-ħwejjeġ tas-sema,

fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!

Ġw 16, 29-33

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, id-dixxipli qalu lil Ġesù: “Ara, issa qiegħed titkellem bil-miftuħ, u ebda tixbiha ma inti tgħid. Issa nafu li int taf kollox, u ma għandekx bżonn li wieħed jistaqsik. Għalhekk aħna nemmnu li inti ħriġt mingħand Alla”. Weġibhom Ġesù: “Temmnu issa? Ara, għad tiġi siegħa, u ġa waslet, meta tixterdu kull wieħed lejn daru, u lili tħalluni waħdi. Iżda waħdi m’iniex, għax il-Missier huwa miegħi. Dawn il-ħwejjeġ għedthomlkom ħalli bija jkollkom is-sliem. Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!”

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu