X’intom tgħidu?

Print Friendly, PDF & Email

ITTRA PASTORALI
MILL-E.T. MONS. ANTON TEUMA
ISQOF TA’ GĦAWDEX
FIL-FTUĦ TAS-SENA PASTORALI
2021-2022
X’INTOM TGĦIDU?

“X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” (Lq 24:17), staqsa Ġesù lid-dixxipli meta ltaqa’ magħhom fit-triq li tieħu minn Ġerusalemm għal Għemmaws.

Nerġgħu nibdew nattendu

Għeżież ħuti saċerdoti, reliġjużi u lajċi, iż-żmien tas-sajf wasal fit-tmiem tiegħu. Mal-bidu tal-iskola jerġgħu jibdew l-attivitajiet, kemm għat-tfal u ż-żgħażagħ, kemm għall-adulti. Minkejja l-pandemija, anki fil-Knisja jerġgħu jibdew l-inizjattivi pastorali, bħalma huma l-gruppi tal-katekiżmu tat-tfal, il-gruppi taż-żgħażagħ, tal-għarajjes, u l-gruppi tal-għaqdiet u tal-formazzjoni tal-adulti.

Waqt li nkomplu nsegwu r-regoli li jagħtuna dawk li jieħdu ħsieb saħħitna, inħeġġiġkom biex ilkoll nieħdu sehem bi ħġarna fil-quddiesa tal-Ħadd fil-knejjes tagħna, u nerġgħu lura fil-gruppi u l-għaqdiet li għandna fil-parroċċi u l-komunitajiet. Inħeġġeġ fuq kollox lilkom ġenituri biex tibagħtu lil uliedkom għat-tagħlim tad-duttrina; mhux biss lil dawk li qed iħejju ruħhom għall-Ewwel Tqarbina jew il-Griżma tal-Isqof, imma l-ulied kollha: tfal, adolexxenti u żgħażagħ.

Imsejħin inwieġbu għall-mistoqsija ta’ Ġesù

Nixtiequ li matul din is-sena ta’ ħidma li qed nibdew, nippruvaw inwieġbu lkoll kemm aħna, żgħar u kbar, għall-mistoqsija li Ġesù għamel lid-dixxipli ta’ Għemmaws: “X’intom tgħidu?” (Lq 24:17). Fi kliem ieħor, Ġesù qiegħed jgħidilna li jinteressah minn dak li aħna ngħidu bejnietna, dak li jħassibna u jinkwetana. Ġesù jinteressah minn dak li nixtiequ, kemm għalina u kemm għan-nies ta’ madwarna. Ġesù jixtieq li aħna ngħidulu dak li nixtiequ fil-Knisja, fil-parroċċa tagħna, u dak li nixtiequ fid-dinja b’mod ġenerali.

Mingħajr ma nindunaw, aħna l-Insara spiss nifirdu l-ħajja tal-fidi mill-ħajja ta’ kuljum. Matul il-ġimgħa jkollna ħafna taħbit ta’ xogħol fid-dar u barra mid-dar, ħafna ħsibijiet u problemi, tagħna u ta’ dawk li nħobbu; imbagħad il-Ħadd immorru l-knisja biex nieħdu sehem fil-quddiesa u nieħdu kelma ta’ ġid. Imma mhux dejjem jirnexxilna ngħaqqdu l-esperjenza tal-quddiesa tal-Ħadd mal-bqija tal-ħajja ta’ kuljum, tant li jista’ jiġrilna li ma nibqgħux nifhmu għaliex għandna mmorru l-quddiesa.

Ibqgħu ċerti li Ġesù jsejħilna għall-Ewkaristija ta’ nhar ta’ Ħadd għax jixtieq jgħinna nagħmlu esperjenza u nisimgħu Kelma li tagħtina enerġija u dawl għall-ġimgħa kollha.

Ġesù jinteressah mill-ħajja tagħna kollha kemm hi… “X’intom tgħidu fil-familja, l-iskola, fuq ix-xogħol? X’intom tgħidu bejnietkom mal-ħbieb?”. Liema huma l-biżgħat tagħna, liema huma x-xewqat tagħna għalina u għall-oħrajn? X’nixtiequ verament fil-fond tal-qalb tagħna? Żgur li l-Ispirtu ta’ Alla li jinsab fina lkoll għax mgħammda, iqanqal fina mistoqsijiet u xewqat importanti li jqanqluna biex infittxu tweġibiet mingħand Ġesù.

Kemm l-Ewwel Qari (Num 11:25-29) u kemm il-Vanġelu (Mk 9:38-43,45,47-48) tal-lum juruna li Alla jinqeda b’kulħadd biex iwassal it-tajjeb, mhux bil-qassisin jew bil-patrijiet biss. Għalkemm għandna ħidma differenti fil-Knisja, aħna lkoll – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – quddiem Alla għandna l-istess valur. Hu jistmana lkoll l-istess u jista’ jitkellem permezz ta’ kulħadd.

Matul is-Sena Pastorali li ġejja, aħna l-membri tal-Knisja f’Għawdex ser nippruvaw inwasslu lil Ġesù dak li ngħidu bejnietna, b’fiduċja kbira li hu jkellimna u jweġibna lura, kif kellem u wieġeb lid-dixxipli fit-triq lejn Għemmaws.

Inħallu lil Alla jkun qrib tagħna permezz tat-talb

Nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġej, 2 u 3 ta’ Ottubru, ser nagħtu bidu flimkien għal din is-Sena li fiha ser ngħidu lil Ġesù dak li hu l-aktar fuq moħħna, dak li jtaqqal u jferraħ lil qalbna. Ser nibdew niftħu qalbna ma’ Ġesù billi matul ix-xhur ta’ Ottubru u ta’ Novembru nikkomunikaw miegħu bit-talb.

It-talb huwa importanti ħafna fil-ħajja tagħna l-Insara. Ma nistgħux inħossu li aħna wlied ta’ Alla jekk ma nidħlux f’relazzjoni miegħu permezz tat-talb. Mingħajr it-talb inħossuna waħedna, mitluqin għal rasna qalb it-taħbit tal-ħajja, kull wieħed u waħda minna jisforza biex bil-ħila tiegħu waħdu jaffronta l-isfidi tal-ħajja. Bit-talb inħossuna f’relazzjoni ma’ Alla u ma’ ħutna li jemmnu. It-talb jgħinna npoġġu l-fiduċja tagħna f’Alla u kull darba jġeddidna u jqawwina fit-tama.

Ix-xahar ta’ Ottubru huwa x-xahar tar-Rużarju. Din it-talba, sempliċi u li jista’ jgħidha kulħadd, se sservina biex immiddu l-ewwel pass ħalli nħabbtu l-bieb ta’ Alla. Fi tmiem il-ġimgħa li ġejja f’kull parroċċa ser issir Velja ta’ talb li fiha tingħad din it-talba għażiża. Imbagħad, din it-talba tingħad ukoll qabel jew wara l-quddies tal-Ħadd. Fi żmien fejn kulħadd għandu ħafna x’jagħmel u fejn il-ħajja saret mgħaġġla wisq, ser ikollna ċ-ċans nerġgħu niggustaw is-sbuħija ta’ din it-talba. Ir-ripetizzjoni tas-Sliema u l-Qaddisa flimkien mal-meditazzjoni fuq il-Misteri jgħinuna nikkalmaw u nikkomunikaw ma’ Alla flimkien ma’ Marija, Ommu u Ommna.

Matul ix-xahrejn ta’ Ottubru u Novembru, kbar u żgħar ser niġu mistiedna u megħjuna biex nitolbu. It-tfal u l-adolexxenti, fil-katekiżmu u fl-iskejjel, ser ikollhom mumenti li jgħinuhom jitkellmu ma’ Ġesù. Hekk ukoll iż-żgħażagħ u l-adulti ser ikollhom diversi għajnuniet biex jidħlu f’kuntatt ma’ Alla, li hu l-oriġni u l-enerġija tal-ħajja.

Permezz ta’ din l-Ittra nixtieq nappellalkom u nħeġġiġkom biex ilkoll kemm intom – adulti, żgħażagħ u tfal – tieħdu sehem fl-inizjattivi ta’ talb li ser jiġu offruti fil-parroċċa, fil-gruppi, fil-katekiżmu u fl-iskejjel.

Dawn l-ewwel xahrejn iddedikati għat-talb jilħqu l-qofol tagħhom fis-Solennità ta’ Kristu Re fuq is-Salib. ’Il quddiem nagħtukom aktar informazzjoni dwar din l-okkażjoni li tfakkarna li aħna merħla ta’ Ragħaj li, għax iħobbna, ma ddejjaqx imut hu biex ninħelsu aħna.

Ix-xewqa tal-Papa Franġisku

Il-mixja ta’ din is-Sena fil-Knisja f’Għawdex ser tingħaġen mal-mixja li qed jitlob minna l-Papa Franġisku permezz ta’ ħuna l-Kardinal Mario Grech. Il-Papa qiegħed jitlobna biex kollha kemm aħna, membri tal-Knisja ta’ Ġesù, nieqfu nirriflettu u naqsmu flimkien il-ħsibijiet tagħna dwar kif nistgħu ngħixu l-Vanġelu ta’ Ġesù fid-dinja tal-lum. Fi kliem ieħor, il-Papa qiegħed jgħidilna li l-Ispirtu ta’ Alla jitkellem f’kulħadd, u li kulħadd għandu sehem pożittiv x’jagħti lill-Knisja.

Għalhekk, filwaqt li nħeġġiġkom ilkoll biex tieħdu sehem fl-inizjattivi ta’ talb tax-xahrejn li ġejjin, nawguralkom minn qalbi l-paċi ta’ Ġesù fil-familji tagħkom u nitlob fuqkom il-barka ta’ Alla.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, fl-14 ta’ Settembru 2021, Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes.

L-Eċċ Tiegħu Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex

Mons. Eddie Zammit. Kanċillier

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.