Nhar it-Tlieta 5 ta’ Ottubru ġie ċċelebrat il-ftuħ tas-sena tal-formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria. Il-letturi tas-Seminarju Maġġuri ltaqgħu għal-laqgħa tal-bidu tas-sena li tmexxiet mir-Rettur il-Kan. Richard-Nazzareno Farrugia u mill-Prefett tal-Istudji Dun Noel Debono, fil-preżenza tal-Isqof Anton Teuma.

Wara kelmtejn ta’ merħba mir-Rettur li fihom sellem lil-letturi l-ġodda, Dun Noel Debono għamel preżentazzjoni tal-kriterji li l-Kostituzzjoni appostolika Veritatis gaudium (8 ta’ Diċembru 2017) issemmi għat-tiġdid u t-tnedija mill-ġdid tal-kontribut tal-istudji ekkleżjastiċi. Il-letturi ddiskutew bejniethom il-modi kif tista’ ssir ir-rabta bejn it-tagħlim fil-klassi u l-mistoqsijiet tal-bniedem u tas-soċjetà kontemporanja. Fl-aħħar, Mons. Isqof għamel keltmejn li fihom irringrazzja lil-letturi kollha għas-sehem tagħhom fil-ħidma tal-formazzjoni akkademika tas-seminaristi, filwaqt li kellimhom fuq il-kunċett ta’ “teaching from the inside out” li jsemmi l-psikjatra Daniel J. Siegel (1957- ).
Wara l-laqgħa saret Konċelebrazzjoni fil-Kappella tas-Seminarju mmexxija mill-Isqof flimkien mal-formators u l-letturi tas-Seminarju, fil-preżenza tas-seminaristi u tal-familjari tagħhom. Ġiet iċċelebrata l-Quddiesa tal-Ispirtu s-Santu u wara t-tqarbin tkanta l-Veni Creator.
Din is-sena ta’ formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex fetħet bl-irtir fid-Dar ta’ Talb Lunzjata f’Malta bejn it-22 u s-26 ta’ Settembru. Matulha l-komunità tas-Seminarju hija magħmula minn sitt seminaristi u djaknu flimkien ma’ tliet seminaristi li qed jagħmlu s-sena intermedjarja fl-Italja u l-Kanada. Hemm ukoll student li qed jibda s-Sena Propedewtika.
Min jixtieq jgħin lis-Seminarju ta’ Għawdex b’xi inizjattiva ta’ karità, jista’ jgħaddilhom bottijiet tal-ikel u preserves.
It-test sħiħ tal-omelija tal-Isqof ...
Ritratt: Seminarju ta’ Għawdex