L-istennija tal-mewt

Print Friendly, PDF & Email

Waħda mill-aktar ħwejjeġ li tiġri meta persuna tkun qed toqrob sewwa lejn tmiem ħajjitha hi meta dan il-waqt ikun se jseħħ. L-istennija tal-mewt hi punt importanti kemm fil-mixja ta’ persuna marida li minn din il-ħajja tkun se tgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem u anki tal-familjari tagħha stess.

Mhux l-ewwel darba li kelli nassisti għal dawn il-mumenti tassew iebsa. Ġieli, il-persuna konċernata, f’qiegħ ta’ sodda, tgħidli: Patri! Meta ħa mmut! Ma niflaħx inbati aktar! Filwaqt li drabi oħra, meta t-tbatija tibda’ titqawwa u tidħol aktar ‘il ġewwa, il-familjari tal-persuna jafu jitilfuha. L-aktar meta jkunu taw l-elf fil-mija ta’ dak li jistgħu jwettqu għall-għażiż u l-għażiża tagħhom.

Ma ninsa qatt xi esperjenzi li bihom il-Mulej ġabni aktar konxju ta’ dan. Immaġina mara iddur b’żewġha, li għadu fl-aħjar tiegħu, lejl u nhar. Tagħmel kull sagrifiċċju biex iżżommu komdu. U, dan ir-raġel, filli se jħallina u filli le. U, din il-povra mara, jiġrilha eżattament bħall-laqxa fil-baħar. Li tidħol ‘il ġewwa u toħroġ ‘il barra kulfejn joħodha l-mewġ. Ara ftit xi tbatija emozzjonali u anki fiżika ikun hemm għal din il-persuna. Għax filli se tidħol fil-mument tan-niket l-għaliex tilfet lil xi ħadd għażiż u filli donnu bħal terġa’ tibda tittama li dan se joħroġ mill-qagħda kritika li jinsab fiha għax deher jirpilja f’daqqa.

F’dawn il-mument tassew ta’ tbatija wieħed irid iħalli lill-persuna tiżvoga. M’hemmx xejn agħar ħbieb minn meta persuna ma titħalliex toħroġ l-imrar li hemm imburġat ġewwa fiha. Għalhekk hu importanti li nħallu lill-persuna tesprimi ruħha. Anki jekk, waqt li qed tagħmel dan, jaħarbulha xi żewġ kelmiet. L-esperjenza tiegħi dejjem għallmittni li l-persuna li tkun, sfinita mill-għejja, ma tkunx f’sensieha f’dak il-waqt ta’ uġiegħ. U meta issib lil xi ħadd li jħalliha tkun hi, jismagħha u jimxi magħha l-affarijiet malajr iduru.

Mhux l-ewwel darba li persuni stess, waqt li jkunu għaddew minn dawn il-waqtiet tal-biża, jibgħatu għalija u jgħiduli: Patri aħfirli! Jew inkella, ġieli f’dak il-ħin stess, wara li jiġu f’tagħhom, jgħiduli: Skużani Patri! M’hemmx għalxiex titlobni niskużak ħija u oħti! Dawn affarijiet li jiġru. U dawn ifakkruna f’ħaġa tassew meħtieġa fil-ħajja: ilkoll inġorru l-kunjom LIMITED fuq rasna! Ħallieha li dan ma jidhirx. Imma l-effetti tiegħu nħossuhom sewwa!

Din l-esperjenza tabilħaqq diffiċli tfakkarni meta xi drabi nkun rieqed raqda tajba, fil-fond, u l-iżverjalin idoqqli ħa mmur inqaddes il-quddiesa tas-6.30 am fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija għall-membri tal-istaff. Ġismi jgħidli: “Strieħ!” Imma d-dover pastorali jgħidli: “Qum minn hemm għax jinħtieġuk!” U fejn tkun dik l-għejja mhux imħollija li toħroġ mill-ġisem? Mhux tiġi stivata mal-għejja kollettiva li diġà tkun ilha tinħema tul is-snin?

Għalhekk, lill-persuni bħal dawn, li jkunu taw elf fil-mija għall-għeżież tagħhom, inħobb inħeġġiġhom biex jieħdu ħsieb saħħithom. Akkost li meta jkunu jistrieħu l-persuna li jħobbu taf tgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem. Dawn l-aħwa sehemhom ikunu ilhom li tawh. U tawh tajjeb ħafna. Tant li ma jkunux jifilħu jagħtu aktar.

Issa, dan il-fatt tal-ħajja ifakkarni f’tagħlima oħra kbira: X’differenza kbira hemm bejn dak li nixtieq nagħmel u dak li niflaħ nagħmel. Moħħi jgħidli: “Ibqa’ miegħu u magħha! Lejl u nhar! Torqodx! Ħalli jekk jitlaq tkun ħdejh! U ħdejha! Imma r-rejaltà ta’ saħħti qed tgħidli mod ieħor. Jekk moħħi jilludi ruħu ġismi żgur li dan ma jagħmlux! Anzi! Meta ġismi jgħidli: “S’hawn tista’ tasal!” tassew li s’hemm inkun wasalt! Mhux l-ewwel darba li rajt persuni li, sforz kemm jisfurzaw ħa jibqgħu hemm mal-familjari tagħhom li jkunu waslu, jispiċċaw iħosshom ħażin huma.

Le ħbieb! Fil-ħajja, kif jgħid prinċipju qadim imma dejjem ġdid, ħadd m’hu obbligat li jwettaq l-impossibbli. Kulħadd hu fl-obbligu li jagħmel dak li hu possibbli. Anki jekk għal uħud din il-frażi hi perikoluża u forsi aqta’ kemm isawtu lilhom infushom b’sens ta’ ħtija bla bżonn, aħna mhux dak li noħolmu. Aħna naslu fejn naslu daqskemm il-Mulej jgħinna permezz tas-saħħa li jagħtina. Jekk għandna limitu importantissmu li dan ma jinqabiżx. Inkella ħalel ta’ problemi kbar ikun hemm lesti għalina.

Minn naħa l-oħra, aħna s-saċerdoti u operaturi pastorali lil dawn l-aħwa irridu nissapportjawhom billi nassigurawhom li mal-għeżież tagħhom diġà għamlu fuq li għamlu. Jekk ikun hemm xi ħadd minn dawn il-persuni li xorta waħda jkun irid jibqa’ għaddej jassisti lill-persuna għażiża tiegħu li tkun qed tmut anki jekk ma jkunx jiflaħ, għax fil-kuxjenza tiegħu jħoss li għandu jagħmel hekk, dak imbagħad f’idejh. Madankollu aħna, minn naħa tagħna, nies bħal dawn irridu nissapportjawhom u nwasslulhom il-messaġġ li xogħolhom wettquh tajjeb ħafna.

Dan is-suġġett jissokta ifakkarni wkoll fir-realtà li l-ħajja hi eżami kontinwu. L-eżami ma jsirx darba imma kull waqt u ħin. Il-ħajja hi bħall-barriera li minnha qed inqattu l-ġebel ħalli bihom nibnu darna fis-sema. Xi ġmiel meta ma naħlux ħin u nużawha bil-għaqal! Bħalma jużawha tant tajjeb dawn il-familjari li joqgħodu ma’ nieshom waqt li qegħdin imutu.

U hawn Ommna Marija u San Leopoldu jistgħu jagħtuna daqqa t’id ukoll f’din il-biċċa xogħol! Ħa nitolbuhom ara!

San Leopoldu u l-Imqaddsa Verġni Marija żuruhom spiritwalment u oqgħodu ħdejhom tul ilħafna sigħat fl-isptar u matul l-iljieli fejn fihom ma jagħlqux għajn m’għajn. Glorja lill-Missier …

Patri Mario Attard OFM Cap