Inwasslu lill-proxxmu tagħna għand Ġesù 

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 14 ta’ Ottubru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tat-Tifkira ta’ San Kallistu. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dak li smajna fl-Evanġelju tal-lum hija preokkupazzjoni kbira li dejjem qiegħda mal-Knisja u Ġesù jesprimiha f’din ix-xbieha tal-muftieħ li l-għorrief tal-liġi — illum ngħidulhom il-kanonisti (dawk li jistudjaw il-liġi tal-Knisja wkoll) — jgħidilhom: “Intom ħtaftu l-muftieħ tal-għerf, biex imbagħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol!” (Lq 11:52) Il-muftieħ jiftaħlek l-għerf imma l-għerf jibda mill-qalb tal-bniedem.

Mhix il-ġebla li ngara lil xi ħadd forsi għax midneb jew għax żbalja? Niftakru fil-Papa Kallistu. Aħna nafu ħafna dwar x’ħawwad il-Papa Kallistu permezz tal-għedewwa tiegħu għaliex kollox kienu jaqilgħulu. Dawn huma mniżżla fil-famuż ktieb li għadu jeżisti sal-lum, Elencus, li huwa huwa l-kundanna u l-kritika ħarxa kontra Kallistu.

Imma l-ilment ta’ Ġesù quddiem min jaħseb li hu għandu r-risposti ta’ kollox u dak li jaħseb u jagħmel hu biss tajjeb, huwa proprju dan: li inti ma tidħolx fil-qalba tal-għerf u t-traġedja hi li żżomm lura lil min irid jidħol. Għax minflok tilqa’ u twassal lill-proxxmu lejn Ġesù, twarrbu.

Jien ninkwieta, pereżempju, meta aħna l-qassisin naħtfu lin-nies. Tgħidli, din x’għandha x’taqsam mal-għerf? Mhux kulħadd taqbiżlu xi darba? Veru, nieħdu paċenzja b’xulxin. Imma kemm ħsara nagħmlu meta minħabba l-attitudni tagħna nbiegħdu lil xi ħadd u nitilfulu ċ-ċans li jersaq lejn Ġesù. Mhux ħasra kbira tkun din?

Ir-risposta għal din il-kritika lil Ġesù, jagħmluhielu billi jippruvaw jaqbduh f’xi nasba. Ħafna mistoqsijiet fuq ħafna ħwejjeġ biex imbagħad ikollhom biex jakkużawh bħalma fil-fatt għamlu. Resquh quddiem Pilatu u qalu: “Dan qal li jwaqqa’ t-tempju u jibnih fi tlitt ijiem” (Mt 26:61). Bil-gideb u bil-kalunja. Din hija arma li sfortunatament nużaw ukoll fil-Knisja; ma naqblux ma’ xi ħadd u naqilgħulu mhux biss li għandu imma li m’għandux.

Nitolbu ħafna l-interċessjoni tal-Papa Kallistu li ma ħatfux l-għerf. Meta taqra l-kritika li saret lill-Papa Kallistu, tirrealizza li kien bniedem li l-ħajja umiljatu ħafna drabi. Dan ma kienx ikkundannat joqgħod ġo ċella jimmedita fuq it-tmiem ta’ ħajtu iżda kien ikkundannat joqgħod f’minjiera ibaqqan għall-metall. Ara x’xogħol iebes bħala kundanna! San Kallistu kien papa ħanin u l-atteġġjament tiegħu lejn il-midinbin kien l-atteġġjament ta’ Ġesù: fetaħ il-bieb tal-għerf, daħal hu, u ħalla ’l min jidħol ukoll.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Rum 3:21-30
Salm: 129 (130), 1-2,3-4b,4ċ-6
Evanġelju: Lq 11:47-54

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply