Dawl ġdid fil-pastorali tal-Onkoloġija

Print Friendly, PDF & Email

Sibt il-Għid tas-sena 2021 jibqa’ jum tabilħaqq li ma ninsieh qatt fl-istorja ta’ ħajti bħala kappillan fl-isptar tal-onkoloġija. Kien jum fejn il-Mulej tani għarfien qawwi ta’ x’jiġifieri tkun kappillan fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.

F’dan il-jum hekk għażiż, bħala Knisja, nkunu fi stennija għall-qawmien ta’ Ġesù minn bejn l-imwiet. F’dan il-mument jiġuni f’moħħi l-kelmiet tant sbieħ li kien qal Papa Benedittu XVI dwar Sibt qaddis tal-Għid: “Aktar ma naħseb fuqu aktar jidher f’loku għan-natura tal-ħajja umana tagħna: aħna għadna nistennew l-Għid. M’aħniex qegħdin fil-milja tad-dawl iżda mexjin lejh mimlija fiduċja”.

Mela, għal dan il-Papa kbir Sibt qaddis tal-Għid hu mixja ta’ fiduċja lejn id-dawl qawwi u sħiħ tal-qawmien mill-imwiet. Hu mixja. Ħsieb wara ħsieb. Għemil wara għemil. Talba wara talba. Karba wara karba. Imma mixja li għandha destinazzjoni li tintemm. Abbli għalija u għalik, li nħobbu l-fidi tagħna u rridu nitgħallmu fuqha biex twassalna, bil-grazzja dejjem tal-Mulej, sabiex ngħixuha, dejjem weħlet ma’ moħħna l-kurżità: X’għamel Ġesù bejn il-mewta u l-qawmien tiegħu mill-imwiet?

Għal din it-tweġiba personalment ma nsibx aħjar mill-kliem tant sabiħ li nsibu fl-Omilija antika fuq is-Sibt qaddis tal-Għid il-Kbir li jgħid hekk: X’inhu dan li ġara? Illum fid-dinja waqa’ skiet kbir; skiet kbir, imbagħad solitudni; skiet kbir, għax is-Sultan raqad; l-art twerwret u siktet, għaliex Alla magħmul bniedem raqad, u qajjem lil dawk li kienu ilhom ħafna reqdin. Alla bħala bniedem miet, u heżheż art l-imwiet. Għax tassew, hu mar ifittex l-ewwel missier tagħna, li kien qisu n-nagħġa l-mitlufa. Iva, ried iżur lil dawk li kienu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt; iva, Alla, u Ibnu, mar iħoll mill-irbit tat-tbatija lil Adam l-imjassar, flimkien ma’ Eva l-imjassra. U l-Mulej daħal ħdejhom, bl-arma rebbieħa tas-salib f’idejh. Kif rah Adam, l-ewwel missier tagħna, kollu mistagħġeb beda jħabbat fuq sidru u jgħid lil kulħadd: “Il-Mulej Sidi ma’ kulħadd”. U wieġeb Kristu u qal lil Adam: “U miegħek ukoll”. Mbagħad qabdu minn idu, qajjmu u qallu: “Stenbaħ int, li rieqed, u qum mill-mewt, ħa jiddi fuqek Kristu. “Jien hu Alla tiegħek, li minħabba fik sirt ibnek; minħabba fik u l-imnissla minnek kollha, issa bis-setgħa tiegħi qiegħed nordna u ngħid lil dawk li kienu marbuta fil-jasar, ‘Oħorġu’; lil dawk li kienu fid-dlamijiet, ‘Ħa jiddi fuqkom id-dawl’; u lil dawk li kienu mitlufa fin-ngħas, ‘Qumu’.“Jien qiegħed nordnalek: Stenbaħ, int, li rieqed; għax jien ma għamiltekx biex tibqa’ marbut f’art l-imwiet. Qum mill-imwiet; jiena l-ħajja tal-mejtin.

L-awtur qed jitħaddet mis-skiet kbir. Imbagħad solitudni. Dawn iż-żewġ rejaltajiet jiena ngħixhom kuljum mal-għeżież ħuti l-pazjenti fl-onkoloġija. Hemm is-skiet. Għax il-ħajja raqdet. Raqdu l-jiem sbieħ tad-divertiment. Raqdet ir-rutina. Raqad il-ħin tax-xogħol. Raqdu l-ħafna affarijiet li l-persuna marida kienet tgħum fihom. Bħalma raqdet ukoll il-ħajja tal-familja. Tant li, minn mument għall-ieħor, waqt li l-persuna tkun fl-isptar għall-kura, tispunta minn ma nafx fejn is-solitudni. Fejn qegħdin tal-familja? Min jaf x’inhuma jagħmlu? Min jaf jekk veru humiex tajbin? Tgħid qed jgħiduli li huma tajbin biex ma jinkwetawnix? L-aktar issa minħabba r-restrizzjonijiet tal-covid-19? Mhux ilkoll dawn il-mistoqsijiet jitfaċċaw fuq is-sodda tal-mard!

Madankollu, u quddiem din l-esperjenza tassew iebsa, ta’ solitudni u inkwetudni, fejn mhux l-ewwel darba li kelli nagħti s-sarvetti tal-karti ħalli d-dmugħ jintmesaħ, il-persuna tibda’ tara linja gwida f’ħajjitha. Jew aħjar, u kif għallimni pazjent, il-guideline li bih tista’ timxi ‘il quddiem f’dan l-għar mudlam li donnu ma jispiċċa qatt. Ħafna kienu l-pazjenti li, minħabba li jkunu tassew iltaqgħu mal-Mulej, bil-preżenza tagħhom ifakkruni fil-kliem li jgħid Ġesù lil Adam li qiegħed f’art l-imwiet: Qum, għemil idejja; qum, xbieha tiegħi, int li kont magħmul fuq ix-xebħ tiegħi. Qum, noħorġu minn hawn; għax inti fija, u jiena fik, aħna persuna waħda mhix mifruda…  Qum, nitilqu minn hawn. L-għadu ġagħlek toħroġ mill-Għeden; imma jien se nqiegħdek mhux fi ġnien tal-art, imma fuq tron fis-sema. L-għadu firdek minn siġra li kienet biss xbieha tal-ħajja; imma ara, jien, il-ħajja, issa ninsab ħaġa waħda miegħek. Fl-imgħoddi qegħedtlek il-kerubini, b’mod li jixraq lil Alla, jagħtuk il-qima tagħhom. “Jien ħejjejtlek it-tron tal-kerubini; dawk li se jwassluk hemm huma lesti u qegħdin jistennewk: bnejtlek il-post fejn se toqgħod; għandek l-ikel imħejji; it-tinda tiegħek ta’ dejjem mgħammra u mżejjna; it-teżori ta’ kull ġid huma miftuħa għalik; is-saltna tas-sema tħejjietlek sa minn dejjem”.

Meta noqgħod naħseb fuq il-ħafna pazjenti li illum m’għadhomx magħna u l-Mulej tani l-grazzja li nimxi magħhom lejn Ġerusalemm tas-Sema aktar nara kemm dan il-kliem jagħmel sens! Quddiem it-tbatija, l-uġiegħ, l-għejja, l-eżawriment, l-iljieli twal bla rqad, l-agunija fit-tul, b’dak in-nifs li dejjem nieżel għax-xejn xejn, x’jibqa’ l-aħwa jekk mhux l-istennija tal-qawmien mill-imwiet għall-ħajja? In-numru mhux żgħir ta’ esperjenzi ta’ mwiet li għexthom f’dawn il-jiem mqaddsa tal-Għid aktar ikkonvinċewni li l-pastorali mal-morda fl-onkoloġija hi l-ispiritwalità ta’ nhar Sibt qaddis tal-Għid. Is-Sibt tal-istennija mill-mewt għall-ħajja. Is-Sibt fejn Kristu sar ħaġa waħda ma’ dawk li kienu f’art l-imwiet. Daqshekk waslet imħabbtu għalihom billi sar wieħed minnhom sakemm qajjimhom miegħu għall-ħajja!

U jekk Ġesù wettaq dan kollu għalihom jien min jien biex ma nagħtix il-mija fil-mija għal ħuti l-pazjenti fl-onkoloġija? Minix jien ukoll pazjent bħalhom?

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: