San Ġużepp jgħallimna r-rispett

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 20 ta’ Ottubru 2021: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna u tnedija tal-ktieb ‘Sliem Għalik Ġużeppi Bin David’ miktub minn Patri Martin Mamo. Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużpepp, il-Kalkara.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jitkellem fuq qaddej fidil u għaqli. Il-Papa Franġisku, meta tana dokument sabiħ fuq San Ġużepp għal din is-sena ddedikata lilu, ħin minnhom jgħidilna li Ġesù tgħallem xi tfisser il-fedeltà u xi jfisser l-għaqal li hu nnota kif kienu jgħixu Marija u Ġużeppi. Kif tgħallem ukoll il-bżulija, l-onestà, is-sens tal-ġustizzja li jmur lil hemm mil-liġi. U nimmaġinah meta kiber u qed jipprova jgħallem lid-dixxipli tiegħu kif tkun qaddej fil-komunità, nimmaġinah jaħseb f’ommu u f’dak li għad-dinja kollha kien missieru: San Ġużepp, il-qaddej fidil u għaqli.

U nistgħu ngħidu li bħalma jfakkarna San Bernard, San Ġużepp ingħata responsabbiltà kbira u speċjali li jieħu ħsieb lill-Iben t’Alla magħmul bniedem waqt li qed jikber u jimmatura bħala bniedem. Responsabbiltà kbira. ‘Iżjed ma jingħatalek,’ jgħid, ‘iżjed jippretendu mingħandek’. X’responsabbiltà ikbar jista’ jkollu bniedem li jissejjaħ minn Alla biex jieħu ħsieb, jindokra, jiproteġi u jgħajjex lill-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.

Ħin minnhom il-Papa jgħidilna: “Taħsbux li l-Mulej qagħad joqgħod jieħu ħsieb lill-Iben tiegħu b’xi mirakli. Għażel lil Ġużeppi u ħalla f’idejh iħokk rasu darba iva u darba le, ixammar il-kmiem kuljum u apparti dawk l-erba’ ħolmiet li fihom San Ġużepp ingħata indikazzjoni ċara x’għandu jagħmel għax kien f’diffikultajiet kbar: l-ewwel biex jilqa’ lil Marija, imbagħad biex imorru lejn l-Eġittu, imbagħad biex jirritornaw u mbagħad biex imur Nazaret. Apparti dawk l-interventi li fuqhom jitkellem l-Evanġelju ta’ San Mattew, il-Mulej ħalla f’idejn San Ġużepp. Issa jien afdajtlek lil ommu u lit-tifel, ħu ħsiebhom. Hekk jagħmel magħna, hekk jagħmel magħna.

Aħna rridu nieħdu ħsieb xulxin. Kull min il-Mulej ilaqqagħna miegħu jew magħha, hu responsabbiltà, hu opportunita li aħna nuru l-fedelta u l-għaqal. Nitolbu ħafna l-interċessjoni ta’ San Ġużepp biex aħna wkoll, skont ir-responsabbiltà li tingħatalna: isqof, saċerdot, mara tad-dar, raġel tad-dar, politiku, persuna li għandha responsabbiltà fil-Knisja, fil-komunità, f’assoċċazzjoni, fil-kummerċ – tant oqsma. Aħna lkoll afdati fi rwol li jolqot in-nies.

Nitolbu l-interċessjoni ta’ San Ġużepp li aħna u nwettqu r-responsabbiltajiet tagħna nkunu qaddejja fidili u għaqlin.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Rum 6:12-18
Salm: 123 (124):1-3.4-6.7-8
Evanġelju: Lq 12:39-48


Id-diskors tat-tnedija tal-Arċisqof

Hu ta’ pjaċir kbir għalija li ninterpreta s-sentimenti ta’ kull wieħed u waħda minna billi ngħidulek grazzi għażiż Patri Martin Mamo, ta’ din il-biċċa xogħol li llum qed tara d-dawl, li llum nistgħu nibdew ingawdu. Nixtieq nirringrazzja wkoll mhux biss lilek Fr Martin imma wkoll lilek Mons. Hector tar-riflessjonijiet straordinarjament sbieħ u attwali li nqasmu magħna.

L-isqof x’jista’ jżid wara li smajna dan kollu? L-awgurju li niżviluppaw il-vera devozzjoni lejn San Ġużepp li hi l-imitazzjoni. Kien iħobb jirrepetiha ħafna San Ġorġ Preca din: il-vera devozzjoni hi li inti timita lill-qaddis. Xi tfisser? Timxi fuq l-eżempji tiegħu. Mhux kulħadd se jkun San Ġużepp ieħor għax il-missjoni ta’ San Ġużepp kienet waħda u unika imma x’nitgħallmu minn San Ġużepp? L-ewwel nett nitgħallmu nisimgħu ħafna u mmiddu jdejna. San Ġużepp ma jgħidx kelma waħda fl-Evanġelju imma jisma’ u jobdi.

San Ġużepp ukoll hu bniedem ta’ qalb safja. Il-Papa Franġisku għandu meditazzjoni straordinarja fuq dan it-titlu sabiħ ta’ San Ġużepp: San Ġużepp ta’ qalb safja. Xi tfisser din? Mhux biss fil-kwistjoni tal-użu tajjeb tas-sesswalità imma l-libertà interna fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna li l-bniedem ma jkunx posssessiv. Jekk inti omm, jekk inti missier, uliedek ġibthom fid-dinja, imma tiegħek u mhumiex. Tgħidli: “Misshom mhux tiegħi, batejt għalihom jien!” Imma mhux se jibqgħu ma’ djulek għal dejjem. Inti l-qalb safja tiegħek hi meta tħallihom jikbru, jiżviluppaw.

Il-Papa Franġisku għandu riflessjonijiet sbieħ ħafna – nissuġġerilkom ilkoll taqraw il-kitba tiegħu, mhix twila ħafna ‘Qalb ta’ Missier – Patris Corde’ li ġiet ippubblikata bil-Malti f’edizzjoni sabiħa ħafna u li fiha wkoll dokumenti oħra tal-papiet dwar San Ġużepp, u jgħid: “Il-paternità, u kemm il-maternità, spiritwali hi dik li tagħti d-don tal-ħajja imma wkoll id-don tal-libertà”, il-kapaċità li l-persuna l-oħra ssib postha, ir-responsabbiltà tagħha f’ambjent protett imma mhux possessiv.

X’nitgħallmu minn San Ġużepp? L-ewwel nett nitgħallmu nisimgħu ħafna u mmiddu jdejna. San Ġużepp ma jgħidx kelma waħda fl-Evanġelju imma jisma’ u jobdi.

Imbagħad San Ġużepp jgħallimna r-rispett. Fil-fatt il-Papa kważi jikkommwovi ruħu meta jgħid: “San Ġużepp ingħata l-missjoni li jħares ’l omm u ’l binha u aħna ukoll qegħdin nagħtu, qegħdin ningħataw l-istess missjoni: li nħarsu l-Iben li qal: “kulma tagħmlu lill-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi”. ‘Mela jien,’ jgħid il-Papa, ‘meta ngħin lil għajri, nipproteġi lil ħuti, huma min huma, qied inħares lil Ġesù bħalma ħares ’l Ġesù l-għażiż San Ġużepp’.

Nixtieq nirringrazzjak ħafna mill-ġdid, Fr Martin, nirringrazzja lil kull min attenda, anke l-kor li anima l-quddiesa li s-saċerdoti kkonċelebraw u nsellem lilek ukoll, għażiża president emeritu tal-preżenza ġentili tiegħek, ir-respettabbli Sindku u permezz tiegħek lil kull membru ta’ din il-komunità tal-Kalkara, u lilek għażiż Fr Brian kappillan, li inti r-ragħaj mibgħut mill-isqof biex tkun il-preżenza sabiħa ta’ Ġesù fost il-poplu tiegħek, bil-qalb ta’ San Ġużepp, nawguralkom ħafna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: