Venezja … storja tal-familja sabiħa u mimlija ħajja Franġiskana

Print Friendly, PDF & Email

Il-vapurett li kellu jwassalni fil-waqfa ta’ Celestia ġie. Ħallejt lil mara xwejħa Russa tgħaddi qabli bil-kelb bil-kwiet kollu. Insomma! Kienet from Malta with love! U wara intasabt barra, ħdejn id-daħla, minfejn jidħlu n-nies fuq il-vapurett.

Il-kaptan daħħal il-gear u hekk qsamna mill-Gżira ta’ Giudecca lejn in-naħa l-oħra u bqajna sejrin dritt għall-waqfa ta’ Zaccaria. Fuq il-vapurett konna qisna sardin bin-nies li kien hemm fuqu. Niftakar li t-temp ma kienx xi wieħed minn dawk l-iffavoriti tiegħi. Kien pjuttost temp ċombi. F’kelma waħda, minn dawk li fihom jħobb jaqbadni dak l-uġiegħ ta’ ras u tqalliegħ fl-istonku.

Wara li waqafna fil-waqfa ta’ Zaccaria bdejt inħossni skomdu noqgħod barra. Sadanittant il-vapurett beda jitbattal mhux ħażin. Għalhekk, x’ħin sibt ftit tal-ispazzju ġewwa mill-ewwel dħalt, sibt post vojt u qgħadt bilqiegħda. Kemm ġonna fiha Venezja! Wieħed isbaħ minn ieħor. U, kull wieħed, għandu storja differenti minn ieħor! Din hi Venezja! Storja minsuġa b’ħafna stejjer li, uħud minnhom, għandhom denbhom tabilħaqq twil, twil, twil … tant li jlaħħaq sekli imbiegħda sewwa.

Wara xi kwarta ħassejt li kelli nittawwal sewwa ħa nara jekk wasalniex.Tafu li hekk kien! Għax x’ħin qbiżna l-Yacht marina li hemm fuq il-baħar dehret il-waqfa ta’ Celestia. Ma nafx għaliex imma meta rajtha moħħi ġera lejn il-baħar li hemm faċċata tal-Baviera fil-Belt Valletta. Għalhekk, mad-dehra tal-post, mill-ewwel ħassejtni sewwa. Ħassejtni qiegħed f’pajjiżi!

Hekk kif il-vapurett trakka mal-waqfa nżilt l-art u mill-ewwel bdejt nistaqsi għall-Knisja ta’ ħuti l-Franġiskani Minuri, San Francesco della Vigna flimkien mal-Istituto San Bernardino li hemm biswitha. Ma domtx wisq nistaqsi l-għaliex, f’ħakka t’għajn, kif dort xi żewġ toroq insib ruħi fuq in-naħa tal-lemin tal-pjazzetta li hemm quddiem il-Knisja.

L-ewwel ħaġa li għamilt kienet li nidħol fil-Knisja u nistaqsi fejn hu midfun il-magħruf fundatur tar-riforma tagħna l-Kapuċċini, Fra Matteo da Bascio. Ir-raġel li kien hemm fl-aħħar tal-korsija u li kien qed jilqa’ lin-nies mill-ewwel qalli fejn qiegħed midfun il-magħruf Patri avventurier tal-Mulej: Mur fuq l-artal maġġur. Qiegħed fuq in-naħa tal-lemin. U hekk kien! L-għaliex sibtu!

Ma nafx x’kienu l-emozzjonijiet tiegħi f’dak il-ħin hekk kif sibt ruħi quddiem il-fdalijiet ta’ dan il-Patri kontroversjali. Li l-ewwel ġieħ f’moħħu li jibda’ riforma aktar iebsa tal-ħajja Franġiskana u mbagħad, wara għoxrin sena jipprova jgħixha, tant kemm sabha diffiċli li reġa’ irritorna lura fl-Osservanza. Madankollu, u quddiem dan il-Patri uniku, ħassejtni tajjeb ħafna! Għax, hu u jien, minkejja daqshekk żmien li jifridna minn xulxin, bejnietna hemm xi ħaġa tassew sabiħa u komuni li qed tgħaqqadna ħaġa waħda flimkien.

Kif kont quddiem il-fdalijiet ta’ ħija u sieħbi Matteo da Bascio, bdew għaddejjin ħafna ħsibijiet minn moħħi u qalbi. Bdejt niftakar f’dawk il-lezzjonijiet tant sbieħ li kien jagħmilli l-mastru tiegħi tan-novizzjat fuq Fra Matteo u l-aħwa Fra Luigi u Fra Raffaele di Fossembrone, li ma’ Matteo kienu ħallew l-Osservanza biex jibdew din l-esperienza ta’ faqar estrem u hekk taw bidu għall-ħajja Franġiskana Kapuċċina. Quddiem dan kollu ħassejtni ċkejken ċkejken, nista’ ngħid dudu tal-art fil-preżenza ta’ dan il-bniedem kbir. Spiċċatlu kif spiċċatlu l-istorja tal-avventura spiritwali tiegħu, li tagħmel għoxrin sena minn ħajtek tgħix f’regola ħarxa li, aktar ‘il quddiem, l-Ispirtu s-Santu kabbarha f’fabbrika ta’ Patrijiet u Frajiet qaddisin mhux taċ-ċajt!

Għalhekk, f’dak il-waqt, ma stajtx ma nibdiex parlata mill-qalb ma’ Fra Matteo da Bascio. Għedtlu turrun affarijiet. Tkellimna qalb ma’ qalb. U, tkellimna fuq kollox. Bħalma jagħmlu l-veri aħwa, mingħajr biża u diplomazija tal-infern ta’ xejn. Ħaġa waħda nista’ ngħid: li dak li tlabtu naf li qed jitlob għalih bis-sħiħ u li, mal-medda taż-żmien, ir-riżultat se jidher ċar kristall quddiem kulħadd. Ma ninsewx li t-talb jinstema ħuti. L-aktar dak it-talb li jiġi minn qiegħ il-kantina u minn bejn il-ħoloq tal-ktajjen! Biżżejjed infakkru fit-talb ta’ Danjel, Ġużeppi mibjugħ minn ħutu, San Ġwann il-Battista u anki dak ta’ San Pietru meta ilkoll kemm huma kienu maqfula l-ħabs. Għax x’talbu l-aħwa dawn in-nies kbar u li sfaw arrestati intortament, jekk mhux dak li nsibu f’Salm 130: Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej: isma’, Sidi, il-leħen tiegħi! Ħa jkunu widnejk miftuħa, jiena u nitolbok bil-ħniena (S 130:1-2)?

Hekk kif temmejt it-talba tiegħi nara ħdejja lir-raġel li kien qed jieħu ħsieb il-viżitaturi li daħlu fil-Knisja idur madwari. Il-preżenza tiegħu ħeġġitni aktar u aktar biex napprezza l-kuraġġ u l-gazz li l-Mulej ta lil ħija Matteo da Bascio li wettaq dak li wettaq. Mimli ammirazzjoni lejn dan il-Patri kbir, sinċier u spiritwali, għedtlu: Tista’ toħodli ritratt ma’ Fra Matteo? It-tweġiba tiegħu issuktat issaħħaħli dak li diġà kont ili nħoss lejn dan il-personaġġ daqshekk speċjali: Bil-pjaċir kollu. Kemm se ngħożżhom dawk ir-ritratti! Daqskemm se nibqa’ ngħożż dik id-diskussjoni tassew profonda li kelli ma’ Fra Matteo! Rasi u rasu!

Jien u ħiereġ mill-Knisja ltqajt ma’ terapista Olandiża li kienet qed iżżur il-post. Għedna xi ħaġa ċkejkna, beriktha u bqajt ħiereġ l-għaliex issa l-ħin beda jagħfas ġmielu. Ir-raġel, bi ħlewwa kbira ta’ kif wieħed għandu jittratta lil xi ħadd minn tal-familja tiegħu stess, ħadni lejn il-bieb tal-Kunvent ta’ San Bernardino. Ċempilt u, wara ftit, ġie l-Patri jkellimni. Dan il-kunvent, li jservi wkoll bħala ċentru ta’ studju għall-istudji ekumeniċi, għandu kjostru tassew sabiħ u mimli siġar u pjanti. Innutajt li l-Patrijiet, almenu fis-sajf, jinżlu jieklu fih. Sabiħa l-idea! L-aqwa li jkunu flimkien jieklu bħala familja! Dan il-fatt ħelu kien fakkarni f’esperjenza li kelli f’Awwissu tas-sena 1994, f’Melk, ġewwa l-Awstrija. F’din l-Abbazzija Benedittina tant magħrufa, il-monaċi fis-sajf kienu jieklu madwar mejda fil-ġnien kbir ta’ ġewwa tal-monasteru. Jien u naħseb hekk ma stajtx ma nitbissimx. Dan l-għaliex wieħed milli kien jgħinhom, kien kunjomu Bishop! Lil dan ir-raġel li, f’dak iż-żmien, diġà kien imdaħħal fiż-żmien mhux ħażin, għalkemm kien iżommha sewwa, niftakru jgħidli: Jien raġel miżżewweġ u kunjomi Bishop! Nassigurak li isqof minix! Ħelu ukoll is-sens umoristiku Awstrijak!

Sadanittant, il-Patri laħaq ġie ħdejja. Mill-bixra tiegħu kien wieħed minn dawk il-Patrijiet li kien iħobb imidd idejh fiż-żamma tal-kunvent. Għalhekk il-qalb mill-ewwel dehret miftuħa u umli biex taqdi minn qalbha. Wara li tħadditt miegħu fuq x’kont qed infittex, il-Patri tani xi informazzjoni utli waqt li tani ukoll is-suġġerimenti tiegħu. Apprezzajt ħafna l-fatt li qagħad ifissirli, b’sabar u reqqa kbira, il-korsijiet li joffri dan l-Istitut kbir u prestiġjuż ta’ tagħlim. Minn dak li qalli ntabħt li dan l-Istitut hu ta’ livell għoli ta’ studju. Għalhekk ħassejtni ferħan u kburi li l-Mulej, lill-Ordni Franġiskan, żejnu b’dawn il-grazzji kollha!

Imma, u eżatt f’dan il-waqt, ħassejt lil San Franġisk ifakkarni f’żewġ kelmiet importantissmi: TALB u UMILTÀ! U kellu raġun biex ibiegħ! Inkella, jekk l-istudju jitla’ għar-ras malajr jibdew jiddarsu u juġgħu d-dras! U, wara kollox, jien dan l-inkwiet kollu xi rridu? Nitgħallem, u jekk hemm bżonn nistudja. Mela le! Imma dan nagħmlu fit-talb u misjuq mill-umiltà ta’ Kristu li libbsitu l-fardal biex jaħsel riġlejn id-dixxipli u mhux biex jitgħallem jivvinta latanija ta’ skużi biex ma jaqdix ħalli jinqeda hu!!! Kristu lili jgħallimni naqdih bħala apertif ħafif ħafif fil-kunvent tal-ġebel, konkos u ħadid, u mbagħad, bħala Main Course, mal-pazjenti, mal-familjari u mal-membri tal-istaff fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo! Għax jekk lil dawn ħuti pazjenti, familjari u staff ma naħslilhomx riġlejhom ħajti fil-kunvent tispiċċa ħarba mill-ħajja u aljenazzjoni fil-karrieriżmu tal-poter! Li faċilment tissarraf f’kors wara l-ieħor mingħajr l-ebda tixmira ta’ l-idejn għall-ħidma ta’ għajnuna u ħniena mal-proxxmu li qed ibati! U mbagħad viva l-ħajja Franġiskana Kapuċċina!

Grazzi Mulej li, anki hawn, l-istorja f’Venezja offritli wkoll esperjenza mill-aktar sabiħa u mimlija arja ħelwa u ta’ faraġ Franġiskana! Ta’ ħajja mgħoddija fil-fraternità ma’ Ġesù, ma tal-kunvent u, wisq u wisq aktar, mal-batut fil-veru kunvent tad-dinja. Issa nifhem ukoll l-għaliex il-Gżira fejn hemm il-Knisja u l-Kunvent, li fih qed jilqa’ l-Istituto San Bernardino, tissejjaħ l-Isola di San Francesco! Insomma! Kollox bizzilla!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: