Qari tal-Ħamis tat-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ħamis

Qari I

Hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja.

Efes 1, 1-10

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Pawlu, appostlu ta’ Kristu Ġesù skont ir-rieda ta’ Alla, lill-qaddisin u lil dawk li jemmnu fi Kristu Ġesù: 2grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna u mingħand Ġesù Kristu, il-Mulej.

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu,

li berikna b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja,

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba.

Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi

permezz ta’ Ġesù Kristu;

hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu,

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu,

li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.

Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu,

il-maħfra tad-dnubiet,

skont l-għana tal-grazzja tiegħu.

Biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu.

Hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu;

il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel,

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;

jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu,

kulma hu fis-sema u kulma hu fl-art.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4.5-6

R/. (2a): Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tieba u l-fedeltà tiegħu mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

Għannu lill-Mulej biċ-ċetra,

biċ-ċetra u bil-ħlewwa tal-għana,

bit-trombi u bid-daqq tat-trumbetti;

għajtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan! R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 6

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej.

Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Dan in-nisel ikollu jagħti kont ta’ demm il-profeti kollha, ibda mid-demm ta’ Abel sad-demm ta’ Żakkarija.

Lq 11, 47-54

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal: “Ħażin għalikom! Intom tibnu l-oqbra tal-profeti li qatlu missirijietkom, u b’hekk tagħtu xhieda ta’ kulma għamlu missirijietkom u turu li taqblu magħhom, għax huma qatluhom u intom tibnulhom l-oqbra.

Kien għalhekk li l-Għerf ta’ Alla qal: “Jien nibagħtilhom profeti u appostli, u huma joqtlu u jippersegwitaw lil xi wħud minnhom”. U hekk dan in-nisel ikollu jagħti kont ta’ demm il-profeti kollha li nxtered sa mill-ħolqien tad-dinja, ibda mid-demm ta’ Abel sad-demm ta’ Żakkarija, li qerduh bejn l-altar u s-santwarju. Iva, ngħidilkom, dan in-nisel ikollu jagħti kont! Ħażin għalikom intom l-għorrief tal-Liġi! Intom ħtaftu l-muftieħ tal-għerf, biex imbagħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol”.

Meta Ġesù ħareġ minn hemm, il-kittieba u l-Fariżej bdew irossuh kemm jifilħu b’mistoqsijiet fuq ħafna ħwejjeġ u jonsbuh biex jaraw jaqbdux xi ħaġa minn fommu.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: