800 ikla fil-Milied għal min hu waħdu u fil-bżonn

Print Friendly, PDF & Email

Il-Caritas flimkien mal-Fondazzjoni Alf. Mizzi għaddejjin bit-tħejjijiet biex nhar il-Milied filgħodu jitqassmu mat-800 ikla lill-persuni fil-bżonn.

F’konferenza tal-aħbarijiet minn waħda mill-kċejjen tar-ristoranti mmexxija mill-fondazzjoni, id-direttur tal-Caritas Anthony Gatt qal li din is-sena wkoll se jitqassmu l-ikliet fid-djar minħabba l-pandemija. Dan ser isir flok l-ikla tradizzjonali f’Jum il-Milied li s-soltu ssir fil-Kurja tal-Arċisqof.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Marica Cassar li spjegat kif meta bdiet issir din l-ikla għall-persuni waħedhom u dawk fil-bżonn seba’ snin ilu, l-attendenza żdiedet minn madwar 250 ruħ għal madwar 800.  

Julian Sammut mill-Fondazzjoni Alf Mizzi qal li hu ta’ pjaċir kbir għalihom li joffru l-ingredjenti b’xejn u li l-kċejjen tagħhom jintużaw għal dan il-ġest nobbli. Il-koki li jsajru dawn l-ikliet b’mod volontarju spjegaw b’liema mod jiddeċiedu l-menù. Din is-sena l-ikla tikkonsisti f’għaġin il-forn, dundjan bil-patata u l-ħaxix u panettone.

Apparti s-servizz tal-ikel, il-Caritas qed tkun qrib in-nies ukoll billi żżomm kuntatt magħhom f’Jum il-Milied. Barra minn hekk qed issir sejħa għall-voluntiera. Kull min hu waħdu u fil-bżonn, u anke min jixtieq jgħin, jista’ jċempel fuq 22199000.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: