L-Awtur, Ernest Vella, jisvela sigriet dwar presepju maġiku. Publikazzjoni ta’ ‘Merlin Publishers’
Id-Dar ta’ Pubblikazzjonijiet Merlin Publishers għadha kif tatna ktieb ieħor għal dan iż-żmien tas-sena: il-ktieb Wasal il-Milied ta’ Ernest Vella.
F’dan il-ktieb naqraw li Editur ta’ gazzetta lokali darba qabbad lil wieħed mill-ġurnalisti tiegħu, lil Samwel Vella, jikteb artiklu dwar il-Milied Malti. Samwel kien ġurnalist investigattiv. Kien jikteb dwar każijiet jaħarqu u kien pront qal lill-Editur: “taħseb li se naċċetta li nikteb dwar ħmerija bħal din? Ma tarax! Ħallina tridx. Jaqaw m’għandekx x’tagħmel dalgħodu”?
“Ara l-ieħor. Jien bis-serjetà qed ngħidlek”, wieġbu l-Editur.
“U ejja, din biċċa xogħol għal Marija. Dik tħobbu dan l-imbarazz”, tmasħan Samwel.
“L-artiklu tal-Milied f’idejk. Irrid artiklu ta’ malajr u int tinqala”, sostna l-Editur.
“Ma tridnix nikteb fuq kemm il-ħasi u d-dundjani jħobbu l-festa tal-Milied hux”, wieġbu b’ton sarkastiku Samwel.
“Hemm int, għandek l-istorja lesta”, wieġbu l-Editur.
Kien għalhekk li mar għand ommu u missieru u staqsihom għall-presepju tal-klin. Kienu jgħidulu hekk għax missieru flok is-sagħtar kien jimlih friegħi tal-klin mill-għalqa. “X’sar minnu il-presepju tan-nannu kemm ilek ma tarmah”, staqsa Samwel hekk kif daħal għand il-ġenituri tiegħu.
“Mhux hemm għadu”, wieġbu missieru.
“Hekk mur jgħidlu lill-missierek, ineħħih”, qaltlu ommu.
“Imma ilek ma tarmah”.
“B’daqshekk? X’se tivvinta issa”, kien pront ħatfu missieru.
“X’tak għalih f’salt wieħed”, reġgħet ommu.
“Ftakart fih jien u dieħel. Naħseb ilek ma tarmaħ minn meta jien u ħuti tlaqna mid-dar. It-tfal tiegħi u ta’ ħuti qatt ma gawdewh”, qalilhom Samwel.
“U ajma ibni”, qalet l-ommu. “Il-presepju goff u wara li weġġa’ siequ aħjar ma jissugrax”.
“Mela, mela”, kien pront missieru.
Samwel issuspetta li ommu u missieru kienu qed jaħbulu xi ħaġa. Qallhom: “inniżlu jien. Kemm se ddum biex tarmaħ! Inġib it-tfal jgħinnuk”.
Imbagħad staqsa lil missieru x’jaħseb kieku jikteb fuq il-presepju tan-nannu. Missieru nħasad u qallu: “xi trid tikteb fuqu daqs kemm hawn presepji daż-żmien”.
“Imma dak presepju speċjali”, wieġbu Samwel. “Antik u ftit issib bħalu. Il-pasturi għandhom dettall li ma tantx tara bħalu u veru ma nistax nifhem għax ma bqajtx tarmah”!
“U…għax…”, beda jlaqlaq missieru.
“Le, tafx, dak biex jarmaħ missierek fih kedda”, kienet pronta ommu.
Wara ħafna skuzi Samwel qal lil missieru: “Mhux diġà għedtlek li niġu jien u t-tfal ngħinuk”.
Aktar ma bdew iġibulu skużi aktar Samwel ried jimpika.
Meta marru biex jarmaw il-presepju missieru ma kienx hemm u ommu talbet it-tfal imorru jgħinuha tagħmel it-tiżjin tal-Milied. “Din żgur kienet ippjanata biex ma jsirx il-presepju”, qal bejnu u bejn ruħu. Ħaseb li ma kienx se jlaħħaq mal-konfoffi tagħhom u qal li aħjar iċedi l-armi.
Dar fuq l-ommu u qallha: “Donnu hemm xi misteru marbut ma’ dal-presepju. M’għandix ċans insib tarfu imma l-artiklu rrid niktbu”! Kienet taf li binha mhux se jċedi u talbitu jkellem lil Karmenu Zahra li kien jagħmel il-pasturi. Karmenu u nannuh kienu ħbieb kbar. Ħasbet li kienet se taljena lil Samwel mill-presepju ta’ nannuh. “Ma tafx li jekk ma ngħaddix mill-bieb ngħaddi mit-tieqa”, reġa’ qal bejnu u bejn ruħu.
Ftakar li fil-bidu ta’ kull Diċembru nannuh kien jgħid xi ħaġa maġika u fil-kaxxa tal-pasturi kienet isseħħ xi ħaġa misterjuża. Din kienet kaxxa qadima tal-injam li rat lil nannuh, lil missieru u lilhom kull sena jgħollu l-għatu tqil u jdeffsu mneħirhom fiha. Hemm, fid-dalma, kienu jaraw il-pasturi jonogħsu sal-Milied.
Ftakar ukoll li darba, f’nofs ta’ lejl, niżel jixrob xi ħaġa u, minn taħt il-għajn, dehrlu li lemaħ xi ħaġa tiċċaqlaq fil-presepju. Xegħel id-dawl u ra li x-xabbatur ma kienx f’postu. Stamba. Kien qed jixxabbat ma’ blata f’nofs l-irdum b’ġewlaq imdendel ma’ spalltu mimli fjuri. Addio l-għatx u tela’ jiġri ’l fuq imwerwer.
X’ħin niżel filgħodu ra li l-pastur kien fuq l-għar fil-post tas-soltu. Moħħu kien għadu mnixxef. Ma setax jemmen dak li ra jew aħjar dak li esperjenza.
X’ġara? X’sar jaf aktar dwar il-presepju ta’ nannuh? Għaliex missieru qatt ma ried jarmah aktar? U fuq kollox, Samwel irnexxielu jikteb l-artiklu li talbu l-Editur dwar il-Milied Malti?
Tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet u għal oħrajn li jistgħu jiġu f’moħħok teħodha meta taqra l-ktieb kollu Wasal il-Milied. Li nista’ ngħid illum hu li dak il-Milied għadda imma mhux minn ġo qalb l-awtur. L-esperjenza tal-presepju ġiegħlet lil Samwel u lil martu jaraw il-ħajja ta’ madwarhom b’għajnejn ġodda. Il-mod kif jara l-ġurnaliżmu, il-passjoni ta’ ħajtu, ukoll inbidel u spiċċa ammetta li l-Editur kellu raġun iqabdu jikteb l-artiklu tal-Milied. “Jien li kont dejjem moħħi fl-istejjer kbar, f’każijiet sensazzjonali, ma ndunajtx li n-nies ta’ madwarna għandhom stejjer importanti x’jirrakkuntaw”.
Il-ktieb Wasal il-Milied qed jinbiegħ mill-ħwienet ewlenin tal-kotba kif ukoll online minn merlinpublishers.com għall-prezz ta’ €12.95ċ.
Ri`ensjoni minn Michael Caruana
