Kellmu lill-Mulej dejjem; fil-ferħ u fin-niket 

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 12 ta’ Jannar 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Ħamis tal-I ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Min ilbieraħ seta’ jsegwi din il-quddiesa, semagħni nitkellem fuq il-qawwa ta’ Ġesù li tgħaddi wkoll lill-Knisja permezz tal-isqof tal-post fuq ix-Xitan. Din is-silta mill-ewwel kapitlu ta’ San Mark, teħodna proprju fl-ewwel mumenti tal-ħajja pubblika ta’ Ġesù: minn Nazaret immur Kafarnahum fejn jgħaddi ġurnata u nofs li jirrakontaha San Mark. Kemm-il darba rrealizzajt, u naħseb anke intom innutajtu, li meta San Mark jitkellem fuq il-missjoni ta’ Ġesù, jitkellem fuq il-fatt li hu kien jeżerċità din il-qawwa fuq ix-Xitan. Kien jeħles minn dan il-jasar kiefer lil min hu taħt il-jasar tax-Xitan,.

Hawnhekk niltaqgħu mal-mara ta’ San Pietru, imma b’mod indirett illum, bil-kunjata. L-mara ta’ San Pietru qatt ma tissemma fl-Evanġelju, imma tissemma ommha. Jiena dejjem inħobb nimmaġina b’ċertu simpatija minn jaf x’qalet omm il-mara ta’ Pietru meta dan qalilha li se jitlaq kollox u jmur wara mastrudaxxa minn Nazaret. Min jaf x’ma qalitx, u mhux x’qalet! Jien inħoss li hemm konverżjoni f’din il-mara li tiltaqa’ ma’ Ġesù fuq is-sodda tal-mard tagħha. Lil Ġesù jgħidulu li “omm il-mara ta’ Xmun, hija fis-sodda bid-deni” (Mk 1:30). Jgħidulu biha għax hu qiegħed ifejjaq. Taf inti, allura ma jfejjaqx lil xi ħadd ta’ ġewwa?! Id-dinja ma tbidlitx!

Hu “resaq lejha” (Mk 1:31). Hawnhekk naraw xi ħaġa li jħobb jenfasizza fuqha l-Papa Franġisku: l-istil ta’ Ġesù. Hemm mara fis-sodda bid-deni u hu “resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha” (Mk 1:31). Kemm huma sbieħ dawn il-ġesti ta’ Ġesù. “U d-deni ħallieha” (Mk 1:31). Din il-frażi li ġejja togħġobni, kważi tikkomovini: “bdiet isservihom” (Mk 1:31). Din irrealizzat kemm kien għamel għażla tajba Xmun, ir-raġel tat-tifla, li mar wara Ġesù. Għaliex meta ltaqgħet ma’ Ġesù ħasset il-fejqan u reġgħet lura b’saħħitha u bdiet isservihom. Kemm hi sabiħa din l-espressjoni li jagħtina l-Evanġelju ta’ San Mark.

San Mark ikompli jitkellem, dwar kif Ġesù, fil-ġurnata tiegħu, kien jgħallem. Fil-bidu tal-missjoni tiegħu kien jagħżel is-sinagogi imma mbagħad, fil-pjazzez, fejn kienu jġibulu l-morda u dawk maħkuma mix-xitan u kien ifejjaqhom.

Xi ħaġa oħra li l-Papa osserva fuq l-Evanġelju tal-Ħadd li għadda minn San Luqa hija li  Ġesù kien jibda l-jum bit-talb. L-Iben ta’ Alla magħmul bniedem kien iħoss il-bżonn li jinġabar fit-talb. X’tagħlima kbira għalina. “L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob” (Mk 1:35). Din l-esperjenza li jirrakonta San Mark tgħallimna ħafna. Aħna fiex aħna fil-ħajja ta’ talb? Aħna għandna tant x’nagħmlu, inkluż aħna l-isqfijiet u l-qassisin u mingħalina ħa nsalvaw id-dinja bil-ħila tagħna. Kemm aħna boloh jekk naħsbu hekk. Aħna għandna bżonn inkunu f’riġlejn il-Mulej, fil-kamra ta’ ġewwa, kif iħobb jgħid Ġesù stess: “Meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa” (Mt 6:6), fil-qalb tiegħek, fid-djalogu mal-Missier.

Hawn min jgħidli li ma jafx jitlob u forsi ma tafx talba bl-amment. Imma t-talb x’inhu? Li titkellem ma’ Alla. Għandek tifel li jinkwetak, tifla għandha bżonn l-għajnuna. Kellem lill-Mulej fuq dak kollu li qed jgħabbik fil-ħajja, fuq dak li hemm f’qalbek. Anke l-ferħ: grazzi Mulej tad-don tas-saħħa, grazzi Mulej tad-don tax-xogħol. Kemm tkun ħaġa sabiħa li l-qalb tagħna timtela’ bil-ferħ u bil-paċi meta nitkellmu ma’ Alla li  tant iħobbna tant u jħenn għalina f’kull waqt.

Imbagħad hemm dan il-misteru kbir: “Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. Kif sabuh, qalulu: ‘Kulħadd jistaqsi għalik’” (Mk 1:36-37). Donnu Ġesù jibża’ minn din it-tip ta’ popolarità. “Ejjew immorru band’oħra” (Mk 1:38). Ġesù jitkexkex minn din il-popolarità tan-nies: ‘Hawnhekk sibna wieħed ifejjaq, aħjar jibqa’ hawnhekk’. “Għalhekk ħriġt. U dar il-Galilija kollha, jippriedka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten” (Mk 1:38-39). Meta nkunu f’idejn Ġesù, kemm inkunu f’idejn tajba. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Sam 3:1-10,19-20
Salm: 39 (40), 2 u 5,7-8a.8b-9.10
L-Evanġelju: Mk 1:29-39

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: