Nilqgħu fostna l-Għannej tal-Ħniena

Print Friendly, PDF & Email

Ittra Pastorali għar-Randan 2022 …

ITTRA PASTORALI GĦAR-RANDAN 2022
mill-Isqfijiet Maltin

Fil‑bidu tal‑fidi tagħna hemm il‑ħniena

“Meta ħlisna mill‑għarqa, sirna nafu li l‑gżira kien jisimha Malta. In‑nies tagħha ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x‑xita u kien il‑bard” (Atti 28:1‑2).

Kull darba li naqraw dawn il‑versi minn kapitlu 28 mill‑Atti tal‑Appostli u nisimgħu l‑isem ta’ Malta, inħossu bħal dehxa ma’ ġisimna kollu u bħal sħana tilħaq lil qalbna. Dan mhux biss għax isem pajjiżna hu mniżżel fl‑Iskrittura Mqaddsa, imma wkoll għax inġeddu l‑memorja sabiħa tal‑laqgħa li missirijietna taw lil Pawlu u lil sħabu li kienu fid‑diffikultà, laqgħa tant sabiħa li baqgħet immarkata fil‑qalb ta’ Luqa, l‑awtur tar‑rakkont ta’ din il‑ġrajja.

“Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha”. Luqa juża l‑kelma filantropija – ħbiberija mal‑bnedmin. Wara t‑tliet xhur li Pawlu dam fi gżiritna, din il‑ħlewwa tal‑laqgħa tal‑bidu kompliet tikber tant li Luqa jagħlaq il‑qagħda tagħhom f’Malta billi jgħid: “Urewna ġieħ kbir, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il‑ġifen kulma konna neħtieġu” (Atti 28:10).

Il‑ħniena ta’ Alla hi akbar mid‑dnubiet tagħna

Matul iż‑żmien li fih Pawlu u Luqa kienu fostna, għarrfuna lil Alla l‑veru u kif dan wera ruħu f’Ġesù ta’ Nazaret. Urewna kif “Alla tagħna hu għani fil‑ħniena” (Efes 2:4), u qalulna li din il‑ħniena tiegħu għalina hija profonda aktar mill‑imħabba ta’ bejn żewġ namrati u fidila wisq aktar mill‑imħabba ta’ bejn omm u iben jew bint: “Imqar jekk mara tinsa t‑tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha…jien ma ninsiek qatt (Iż 49:15).

Din l‑imħabba mimlija ħniena ta’ Alla dehret fil‑milja tagħha fil‑persuna ta’ Ġesù. Kontra d‑drawwiet ta’ żmienu, Ġesù jieqaf jitkellem ma’ mara, midinba u Samaritana, u jwegħedha l‑ilma li jaqta’ l‑għatx (ara Ġw 4:7‑15). Jidħol fid‑djar ta’ midinbin pubbliċi u mistmerra bħalma kienu Mattew u Żakkew, u joqgħod magħhom għall‑ikel (ara Mt 9:10; Lq 19:6). Joqrob lejn il‑lebbrużi li kulħadd kien jitbiegħed minnhom għax imniġġsin, imisshom u jfejjaqhom (ara Lq 5:13). Jiltaqa’ u jieqaf jitkellem ma’ dawk li kellhom spirtu ħażin u jeħlishom (ara Mk 1:21‑28; Lq 4:31‑37). Jagħti mill‑ġdid id‑dinjità lil mara adultera u jeħlisha mill‑mewt (ara Ġw 8:1‑11). Ġesù jiġi merfugħ fl‑għoli fuq is‑salib bħala wirja u karba mimlija ħniena tal‑Missier fuq id‑dinja (ara Lq 23:35).

Mela l‑ħniena ta’ Alla tisboq bil‑wisq anki l‑ogħla mħabba tal‑bnedmin, kemm fil‑wisa’ u kemm fit‑tul, kemm fl‑għoli u kemm fil‑fond (ara Efes 3:18). Hija ħniena li tilħaq lil kulħadd, saħansitra lil dawk li sallbuh (ara Lq 23:34). Hija ħniena li ma taqta’ qatt, tant li tibqa’ tfittex in‑nagħġa l‑mitlufa sa ma ssibha (ara Lq 15:4). Hija ħniena estrema li tasal li tmut għal min tħobb (ara Ġw 15:13).

Il‑ħniena ta’ Alla tistedinna nħennu għal xulxin

San Pawl għallimna li Alla jħossu fl‑aqwa tiegħu meta aħna nduqu ftit minn din il‑ħniena. Hu jħossu tassew Missier meta aħna nħossuna wlied maħfura. L‑esperjenza awtentika tal‑ħniena u tal‑maħfra tfakkarna li Alla hu Missier u fl‑istess waqt iġġeddidna fl‑identità tagħna bħala wlied maħbuba u maħfura tiegħu.

Kif inkunu nafu li qegħdin nagħmlu esperjenza ta’ din il‑ħniena ta’ Alla għalina? Meta aħna nikbru fis‑sens ta’ radd il‑ħajr lil Alla u fit‑tħaddim tal‑ħniena lejn xulxin. Aktar ma nħallu lil Alla jagħmel ħniena magħna (ara 2 Kor 5:20), aktar inħossuna fil‑paċi u nikbru fil‑ħniena lejn xulxin. L‑esperjenza sħiħa tal‑ħniena ta’ Alla nkunu ngħixuha tassew meta l‑maħfra u l‑ħniena li nirċievu mingħandu nkomplu ngħadduhom lil xulxin fir‑relazzjonijiet ta’ bejnietna fil‑ġrajjiet ta’ kuljum: “Aħfru lil xulxin; bħalma l‑Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll” (Kol 3:13).

Ma nkunux għamilna esperjenza sħiħa tal‑ħniena ta’ Alla jekk naħsbu li din tagħtina l‑permess li nagħmlu li rridu, kemm fil‑konfront ta’ Alla u ta’ xulxin. Jekk nifhmu tassew li Alla jħobbna, żgur li nsibuha bi tqila biex noffenduh; u meta noffenduh, jiddispjaċina tassew.

Jekk ngħixu fil‑ħniena ta’ Alla, inkunu aktar attenti biex nuru ħniena ma’ xulxin. Il‑bnedmin l‑oħra, minflok kompetituri, inqisuhom aktar bħala ħutna u alleati tagħna. Il‑ħajja fil‑ġuf inqisuha aktar bħala rigal prezzjuż tal‑Ħallieq, u mhux bħala xkiel. L‑anzjani tagħna nqisuhom bħala benefatturi u eżempju ta’ ħajja, u mhux bħala toqol. Il‑migranti li jiġu fi xtutna nqisuhom aktar bħala ħutna fil‑bżonn u fl‑istess waqt riżorsa, u mhux barranin li qed jeħdulna xogħolna. Il‑ħolqien ta’ madwarna nqisuh bħala d‑dar ta’ kulħadd li rridu nieħdu ħsiebha b’responsabbiltà, u mhux proprjetà tal‑ftit li tiġi sfruttata għall‑qligħ ta’ flus. Il‑professjoni titqies bħala vokazzjoni u servizz, u mhux sinjal ta’ prestiġju u mezz ta’ lukru. It‑tmexxija titqies bħala ministeru u qadi, u mhux okkażjoni ta’ sfruttament u korruzzjoni.

L‑esperjenza tas‑Sagrament tar‑Rikonċiljazzjoni ddaħħalna dejjem iżjed fil‑misteru tal‑imħabba mimlija ħniena ta’ Alla. Kif bħala bnedmin bejnietna spiss inħossu l‑ħtieġa li l‑oħrajn juruna li jħobbuna bil‑kliem jew bil‑ġesti, hekk ukoll inħossu l‑bżonn tal‑konferma tal‑imħabba mimlija ħniena ta’ Alla lejna, speċjalment fil‑qrar. U kif kull darba li nħossuna maħbubin mill‑oħrajn, bħal jiġġedded fina l‑entużjażmu tal‑ħajja, hekk ukoll kull darba li nqerru, Alla jerġa’ jwellidna fil‑maħfra u jfawwarna bl‑Ispirtu tal‑ħniena tiegħu.

Nilqgħu fostna l‑‘għannej tal‑ħniena ta’ Alla’

Il‑miġja fostna tal‑Missier tagħna l‑Papa Franġisku fit‑2 u 3 ta’ April li ġejjin hija minnha nfisha ġrajja ta’ ħniena ta’ Alla għalina lkoll. Imqanqal mill‑imħabba mimlija ħniena li għandu għalina l‑Maltin u l‑Għawdxin, il‑Papa jixtieq jiltaqa’ magħna wiċċ imb wiċċ u jwasslilna l‑kelma tiegħu.

Fit‑tagħlim tiegħu l‑Papa Franġisku spiss jinqeda b’diversi xbihat biex jgħinna nidħlu fil‑profondità tal‑ħniena ta’ Alla. Bir‑raġun nistgħu nsejħulu l‑‘għannej tal‑ħniena ta’ Alla’ fi żminijietna.

Il‑Papa Franġisku jistqarr li “l‑isem ta’ Alla huwa Ħniena” (ara Udjenza ġenerali, 13 ta’ Jannar 2016), u dan l‑isem intwera fl‑aqwa tiegħu f’Ġesù fuq is‑salib. Alla għandu mod tiegħu waħdu kif iħares: hu jħares biss biex iħobb u jagħżel. Jekk aħna rridu nkunu wlied il‑Missier u aħwa veri ta’ Ġesù, irid ikollna ħniena ma’ xulxin. Hekk il‑komunità tad‑dixxipli ta’ Ġesù ssir tixbah lil “dar tal‑ħniena” (ara Misercordia et misera, 1) u lil “sptar tal‑battalja li jilqa’ fih lil kulħadd” (ara Evangelii gaudium, 20‑24).

Mimli bil‑ħniena ta’ Alla, il‑Papa għandu mħabba partikulari lejn il‑foqra, il‑migranti, il‑batuti u dawk kollha li huma ‘mormija’ mis‑soċjetà. Jixtieq li l‑Knisja tgħix b’aktar awtentiċità l‑opri tal‑ħniena li Ġesù għex u xandar fil‑Vanġelu.

Inħejju ruħna għaż‑żjara tal‑Papa

Issa li ser nibdew ir‑Randan, għandna opportunità tad‑deheb biex inħejju b’mod spiritwali għaż‑żjara tal‑Qdusija Tiegħu l‑Papa Franġisku fostna. Iż‑żmien tar‑Randan huwa l‑aktar adattat biex nieqfu nirriflettu dwar il‑ħniena infinita li Alla għandu għalina, u dwar kif nikbru fil‑ħniena lejn xulxin, speċjalment lejn l‑imwarrab u l‑batut.

Elfejn sena ilu l‑miġja ta’ Pawlu welldet lil missirijietna u lilna fil‑fidi. Jalla l‑miġja tal‑Papa Franġisku f’April li ġej iġġedded lilna u lil uliedna fil‑ħniena. Imqanqlin minn sens kbir ta’ umanità, missirijietna laqgħu lil Pawlu u lil sħabu “bi ħlewwa liema bħalha”. Imħeġġin mill‑imħabba u r‑rispett lejn il‑Missier tagħna l‑Papa, ejjew nagħmlu l‑ħila kollha tagħna biex nilqgħuh fostna bil‑ferħ u nistennew bil‑ħerqa l‑messaġġ li għandu għalina, ħa nkunu aħna wkoll parti minn din ir‑“rivoluzzjoni tal‑ħlewwa” (EG, 88).

Il‑Verġni Marija, Omm tal‑ħniena, li mxiet qabilna l‑mixja tal‑fidi, tidħol għalina quddiem Binha biex iż‑żjara tal‑Papa fostna tkabbarna fl‑imħabba lejn Alla u lejn ħutna l‑bnedmin, l‑aktar dawk fil‑bżonn.

Nagħtukom il‑barka pastorali tagħna.

Illum, 22 ta’ Frar 2022, festa tal‑Kattedra tal‑Appostlu San Pietru.

Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta.                                                 

Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex.                    

Joseph Galea‑Curmi, Isqof Awżiljarju ta’ Malta.

Ittra Pastorali għar-Randan 2022 bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija: Nilqgħu fostna l-Għannej tal-Ħniena …

Pastoral Letter for Lent 2022: Welcoming the herald of mercy …

Leave a Reply

%d bloggers like this: