Qalagħha għax qal il-verità

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 21 ta’ Marzu 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tnejn tat-tielet ġimgħa tar-Randan. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Tolqotna r-reazzjoni vjolenti tan-nies li fis-sinagoga kienu qed jisimgħu lil Ġesù. Meta semgħuh, jgħidilna l-Evanġelju, dawn qamu, ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Verament vjolenti! Lanqas tgħid, per eżempju, li waqt li qed jitkellem Ġesù kien hemm xi ħadd u beda jgħajjat li ma jaqbilx miegħu, jew inkella qalulu “itlaq ’il barra mis-sinagoga”. Imma riedu jeqirduh. Riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Dan mhux bħal ma naqraw ftit qabel, fl-Evanġelju ta’ San Luqa, waħda mit-tentazzjonijiet tax-xitan meta ħadu fuq l-għolja tat-tempju u qallu: inxteħet minn fuq għal isfel għax l-anġli jieħdu ħsiebek u jaraw li int ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla. Le, mhux hekk; dawn riedu jeqirduh.

Tolqotna aktar dir-reazzjoni meta ftit versi qabel, fis-sinagoga, naqraw li Ġesù kien qed ikellimhom u huma laqgħu l-kliem tiegħu u stagħġbu għax kien “kliem mimli ħlewwa”. Mela ftit qabel laqgħuh u qalu li kien kliem mimli ħlewwa, u f’daqqa waħda dawn daru kontrieh. Għaliex? Qalilhom xi kliem biex jinsulentahom, biex iweġġagħhom? Xejn minn dan! Ġesù qalilhom il-verità. Qalilhom, bi kliem li fehmuh, li Alla mhuwiex Alla ta’ xi pajjiż jew ta’ xi post esklussivament għalihom, imma Alla hu Alla għal kulħadd. U hawn iġibilhom żewġ eżempji, li wieħed minnhom rajnieh fl-Ewwel Qari, ta’ nies li fi żmien il-Profeti Elija u Eliżew juru li Alla ġie għal kulħadd. Kien dan li urtahom, għax qalilhom il-verità.

X’nitgħallmu għall-ħajja tagħna minn din il-kelma ta’ Alla llum? L-ewwel nett, nitgħallmu li l-kelma ta’ Alla hi dik li turina l-verità. Anke meta skomda, kultant. Turina tassew dak li hu. Fil-fatt, fil-bidu ta’ din is-silta, Ġesù jgħid: “Tassew ngħidilkom li ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu”, u ftit wara tawh prova kemm dal-kliem hu veru. F’diversi ċirkostanzi oħra fil-ħajja ta’ Ġesù, naraw li hu wassal il-verità, dik li għandna bżonn għal ħajjitna, biex ħajjitna jkollha s-sens, biex inkunu nafu li mexjin fit-triq it-tajba.

Nitgħallmu wkoll hawnhekk li Ġesù ma beżax jgħid il-verità. Hu dak li fittex meta kien qed jitkellem man-nies. Ma fittixx li jingħoġob, li bil-kliem tiegħu hu jsir iktar popolari. Ma fittxx li jagħti lin-nies dak li jridu jisimgħu, imma fittex li jagħtihom dak li kellhom bżonn jisimgħu. Għalhekk kien lest li jgħid il-verità mingħajr ma jibza’, anke meta jkollu dir-reazzjoni kif kellu llum fl-Evanġelju.

Dan jurina kemm hemm bżonn fil-ħajja tagħna li nagħrfu li l-kelma ta’ Alla turina l-verità u tgħinna biex ma nibżgħux inħaddnu l-verità u nwassluha. U li din ma tiddependix fuq jekk jaqblux ħafna magħha. Imma turina wkoll li meta jkun hemm min joġġezzjona, bħalma kien hemm għal Ġesù, x’għandna nagħmlu aħna? Il-kelma ta’ Alla tgħidilna li ma għandniex nidħlu f’qoxortna, jew inkella nibżgħu, jew inkella nibdlu u ngħawġu dak li nemmnu biex ningħoġbu, imma għandna nibqgħu b’fedeltà lejn Alla. Dan hu li jolqtok f’dak li għamel u għallem Ġesù: il-fedeltà lejn Alla. Għandha tkun din li tmexxina f’ħajjitna.

Nitolbu lill-Mulej biex aħna dejjem nilqgħu l-kelma tiegħu bħala l-verità għal f’ħajjitna, u qatt ma nibżgħu naqsmu mal-oħrajn din il-verità, anke meta tkun skomda jew iebsa, anke meta ġġib reazzjoni li ma nixtiquhiex, imma nagħmlu dan b’fedelta lejn Alla.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: