Xandiriet taċ-Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi mmexxija mill-Arċisqof fil-Ġimgħa Mqaddsa 2022

Print Friendly, PDF & Email

L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna jistieden lill‑Insara biex jieħdu sehem fiċ‑ċelebrazzjonijiet tal‑Ġimgħa Mqaddsa li matulhom l‑Knisja Kattolika tfakkar il‑passjoni, il‑mewt u l‑qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Jistieden ukoll lill‑Insara jattendu għaċ‑ċelebrazzjonijiet li ser jippresiedi fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Dawn se jixxandru b’mod dirett fuq TVM, TVMNews+ u online fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Nhar il‑Ħadd li ġej, 10 ta’ April, fis‑9:30am, Monsinjur Arċisqof imexxi ċ‑ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il‑Palm, bit‑tberik tal‑friegħi taż‑żebbuġ u l‑palm, u wara jkompli bil‑Passjoni tal‑Mulej fejn jinqara r‑rakkont tal‑passjoni mill‑Evanġelju skont San Luqa.

It‑Tnejn, 11 ta’ April, fis‑6pm, Monsinjur Arċisqof ser imexxi l‑pellegrinaġġ nazzjonali bl‑istatwa tad‑Duluri u l‑Kurċifiss Mirakoluż, li jibda mill‑Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù
(Ta’ Ġieżu) fil‑Belt Valletta. Fi tmiem il‑pellegrinaġġ l‑Arċisqof jagħti l‑barka sagramentali.

Il‑Ħamis, 14 ta’ April, Ħamis ix‑Xirka, fid‑9:30am, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra l‑Quddiesa tal‑Griżma. F’din il‑quddiesa, flimkien mal‑Arċisqof, jikkonċelebraw saċerdoti djoċesani u reliġjużi li jġeddu l‑wegħdiet li għamlu fl‑ordinazzjoni tagħhom. Dakinhar filgħaxija, fis‑6pm, issir it‑Tifkira Solenni tal‑Ikla tal‑Mulej, fejn fuq l‑eżempju ta’ Ġesù, l‑Arċisqof jaħsel riġlejn għadd ta’ persuni. Fi tmiem il‑quddiesa, l‑Arċisqof iwassal is‑Sagrament Imqaddes fil‑Kappella tar‑Ripożizzjoni għall‑qima tal‑Insara.

Il‑Ġimgħa, 15 ta’ April, il‑Ġimgħa l‑Kbira, fid‑9:30am, Monsinjur Arċisqof imexxi l‑Uffiċċju tal‑Qari u t‑Tifħir ta’ Sbiħ il‑Jum, fil‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Fit‑3:30pm, l‑Arċisqof imexxi l‑Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej. Din il‑liturġija tinkludi r‑Rakkont tal‑Passjoni skont San Ġwann, l‑adorazzjoni tas‑salib u t‑tqarbin.

Is‑Sibt, 16 ta’ April, Sibt il‑Għid, fid‑9:30am, Monsinjur Arċisqof imexxi l‑Uffiċċju tal‑Qari u t‑Tifħir ta’ Sbiħ il‑Jum, fil‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Fit‑8pm, l‑Arċisqof imexxi l‑liturġija tal‑Vġili tal‑Għid. Iċ‑ċelebrazzjoni tibda bit‑Tberik tan‑Nar ġdid fuq iz‑zuntier tal‑Konkatidral u tkompli bil‑liturġija tal‑Kelma, il‑liturġija tal‑magħmudija, u l‑liturġija tal‑Ewkaristija. Matul din iċ‑ċelebrazzjoni se jiġu amministrati s‑Sagramenti tal‑Bidu tal‑Ħajja Nisranija (magħmudija, griżma u tqarbin) lill‑adulti.

Il‑Ħadd, 17 ta’ April, Ħadd il‑Għid, fid‑9:30am, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal‑Għid il‑Kbir tal‑Mulej.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: