Pellegrinaġġ nazzjonali bl-istatwa tad-Duluri u l-Kurċifiss Mirakoluż

Print Friendly, PDF & Email

Nhar it‑Tnejn li ġej, 11 ta’ April, l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna se jmexxi l‑pellegrinaġġ nazzjonali bl‑istatwa devota tad‑Duluri u l‑Kurċifiss Mirakoluż ta’ Ġieżu, fit‑toroq tal‑Belt Valletta. Il-pellegrinaġġ se jibda fis‑6pm mill‑Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù (Ta’ Ġieżu). Fi tmiem il‑pellegrinaġġ l‑Arċisqof jagħti l‑barka sagramentali.

Matul il‑pellegrinaġġ se jsir talb sabiex il‑Mulej jgħinna waqt dan iż‑żmien ta’ nuqqas ta’ paċi fid‑dinja, b’mod speċjali fl‑Ukrajna u r‑Russja. Kien għalhekk li ġie deċiż li għal din il‑mixja ta’ fidi bl‑istatwa tad‑Duluri, jinħareġ ukoll il‑Kurċifiss Mirakoluż, li ilu jiġbed lejh devozzjoni kbira mis‑seklu sbatax, mhux biss mill‑Insara Maltin imma anke mill‑barranin li jżuru l‑knisja. 

L‑Insara kollha huma mistiedna u mħeġġa jattendu għal dan il‑pellegrinaġġ sabiex flimkien bħala Knisja, ikomplu l‑mixja penitenzjali li twassal għall‑passjoni, il‑mewt u l‑qawmien minn bejn l-imwiet ta’ Sidna Ġesù Kristu.  

Il‑pellegrinaġġ qed jiġi organizzat mill‑Arċikonfraternità tas‑Santissmu Kurċifiss b’kollaborazzjoni mal‑Patrijiet Franġiskani tal‑Belt Valletta u l‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: