Ktieb ġdid għat-tfal dwar il-Beatu Carlo Acutis

Print Friendly, PDF & Email

Il-Beatifikazzjoni ta’ Carlo Acutis f’Assisi sentejn ilu ġibdet attenzjoni kbira fuq ix-xhieda impressjonanti ta’ dan iż-żagħżugħ Taljan li f’temp ta’ ħajja qasira mitmuma ħesrem bil-marda tal-lewkimja wera xi tfisser imħabba safja imma kredibbli lejn Ġesù.

Carlo kellu biss 15-il sena meta miet, imma l-ġid li għamel f’ħajtu u l-eżempju ikbar li bih kompla jkaxkar tant devoti wara mewtu wasslu lill-Papa Franġisku biex fl-Eżortazzjoni appostolika Christus vivit fl-2019 jipproponih bħala mudell ta’ ħajja Nisranija għaż-żgħażagħ ta’ żmienna.

Guru tal-kompjuter, Carlo kellu qima speċjali lejn l-Ewkaristija u saħansitra kien beda jaħdem fuq wirja virtwali dwar is-siti ta’ mirakli Ewkaristiċi mxerrdin mad-dinja kollha.

F’pajjiżna wkoll ma damitx ma bdiet tikber id-devozzjoni lejh, u dan mhux fost iż-żgħażagħ biss. Għalhekk, kif wieħed kien jistenna, meta fis-sajf tas-sena l-oħra nġabet minn Assisi l-ewwel relikwa tiegħu f’pajjiżna b’żewġ troffiet mix-xagħar taż-żagħżugħ qaddis, eluf fuq eluf kienu dawk li fittxew li jitolbu fil-preżenza tagħha.

Ir-relikwa ġiet Malta b’inizjattiva tal-Patrijiet Franġiskani biex titqiegħed fl-ewwel kappella ddedikata lilu fil-Kunvent tagħhom tar-Rabat, imma minn meta waslet tista’ tgħid li iktar għaddiet żmien tiġri minn knisja għal oħra, tiġbed lejha xmajjar ta’ devoti li baqgħu impressjonati mill-ħajja ta’ dan iż-żagħżugħ u mill-qawwa tal-interċessjoni tiegħu quddiem Alla.

Biex ma’ din id-devozzjoni jikber ukoll iżjed l-għarfien fost iċ-ċkejknin tagħna dwar il-ħajja eżemplari ta’ qdusija evanġelika li għex Carlo Acutis, l-istess Provinċja Franġiskana Maltija għadha kemm ħadet l-inizjattiva li tistampa, permezz tad-Dar Pubblikatriċi tagħha TAU, ktieb sabiħ dwaru b’illustrazzjonijiet kollha bil-kulur. Oriġinarjament miktub bit-Taljan minn Maria Teresa Antognazza, b’illustrazzjonijiet ħelwin ta’ Bruno Dolif, il-ktieb inġab fil-Malti minn Francesco Pio Attard.

Din il-pubblikazzjoni hi adattata ferm biex tingħata bħala rigal lit-tfal tal-katekiżmu jew lil dawk li se jirċievu l-Ewwel Tqarbina jew il-Griżma tal-Isqof f’dawn ix-xhur, għax tista’ tgħin lit-tfal tagħna jitħabbu mal-ħajja ta’ tifel bħalhom li kien kuraġġjuż biżżejjed li jipprova jħobb ftit iżjed lil Ġesù b’ġesti żgħar imma qawwija fl-istess ħin. Carlo Acutis ifakkar lil kulħadd li l-qdusija mhix għall-eroj, imma għal kull wieħed u waħda minna, u nibdew naħdmu għaliha sa miċ-ċokon.

Il-ktieb jista’ jinxatra mill-Kunventi tal-Patrijiet Franġiskani u mill-ħwienet ta’ kotba ewlenin f’Malta u Għawdex għall-prezz ta’ €8.50. Għal iktar tagħrif tista’ tikkuntattja wkoll lil Fra Lorrie Zerafa ofm fuq lorriezerafa@gmail.com.

%d bloggers like this: