Ġesù hu l-ewwel appostlu, il-mibgħut tal-Missier biex jurina l-qalb ta’ Alla li hu missier

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 12 ta’ Mejju 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Ħamis tar-raba’ ġimgħa tal-Għid. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù għal diversi drabi f’din is-silta tal-Evanġelju, mill-kapitlu 13 ta’ San Ġwann, juża l-kelma ‘nibgħat’, ‘mibgħut’; minn fejn ġejja l-kelma ‘appostlu’. Hu qed jibgħatna f’ismu. Imma qabelxejn qed ifakkarna li hu wkoll il-mibgħut. “Min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bagħtni” (Ġw 13:20). L-ewwel appostlu hu Ġesù stess – hu l-mibgħut tal-Missier biex jurina l-qalb ta’ Alla li hu missier, missier ta’ kull ħniena. Jgħidilna wkoll, li aħna m’għandniex nippretendu trattament aħjar milli rċieva hu għax ħadd “mhu aqwa minn min jibagħtu” (Ġw 13:16). Id-destin ta’ Ġesù f’din id-dinja, li mhux dejjem kien ward u żahar, se jkun ukoll id-destin tagħna jekk inkunu fidili lejn il-messaġġ tiegħu.

Dan hu l-mument tal-Aħħar Ċena. “Wara li ħaslilhom saqajhom” (Ġw 13:12), hekk jibda l-Evanġelju tal-lum. Qed jispjegalhom x’għamel magħhom; u qed jispjegalhom ukoll b’liema spirtu ntbagħat hu mill-Missier: “Bin il-bniedem ma ġiex biex inkun moqdi, imma biex jaqdi (Mt 20:28). L-ispirtu tal-qaddej, hekk ukoll se jibgħat lilhom. Jekk hu l-qaddej, il-qaddej ta’ Alla, il-qaddej tal-Mulej; hekk aħna wkoll mibgħutin bl-istess spirtu, bl-istess kundizzjonijiet, kultant ukoll bl-istess destin.

Ħin minnhom jgħid, li l-mument ta’ meta wieħed minn dawk li għażel ‘jagħtih bis-sieq’, juża din il-frażi, għat-tradiment ta’ Ġuda – “min kiel il-ħobż miegħi, tani bis-sieq” (Ġw 13:18). Hu l-mument fejn nagħrfu min hu. Għaliex? Għax ir-reazzjoni ta’ Ġesù, għat-tradiment ta’ Ġuda, mhijiex li jpattihielu, li jgħajru, u jumiljah. Sal-aħħar mument jibqa’ jsus warajh biex hu jerġa’ jibdielu; imma ma jwaqqfux. Lanqas jisfurzah jagħmel dak li hu ġust. F’ħin minnhom fil-fatt jgħidlu: “Dak li se tagħmel, agħmlu u ddumx” (Ġw 13:27).

Id-destin ta’ Ġesù f’din id-dinja, li mhux dejjem kien ward u żahar, se jkun ukoll id-destin tagħna jekk inkunu fidili lejn il-messaġġ tiegħu

“Dan qiegħed ngħidu minn issa” (Ġw 13:19); qabel l-arrest, qabel il-bewsa ta’ Ġuda, “qabel ma jiġri, biex, meta jiġri, temmnu li jiena hu” (Ġw 13:19). Dan hu misteru kbir, fil-mument meta Ġesù jiġi miċħud, meta jiġi ttradut, aħna nagħrfu tassew min hu. Dan hu misteru anke fil-ħajja tagħna. Ħafna drabi nogħtru meta ngħaddu minn mument iebes, meta nħossu li xi ħadd ċaħadna, jew tana bis-sieq. M’għandniex naqtgħu qalbna u naraw kollox dlam. Il-Mulej jaf juża dawn il-mumenti ta’ umiljazzjoni, ta’ qsim il-qalb, għall-providenza tiegħu. Din hi xi ħaġa misterjuża ħafna. Narawh fil-ħajja tal-qaddisin, għax din hi prova mhux żgħira. Il-qaddisin jgħallmuna li inti tintelaq f’idejn Alla, bħalma għamel Ġesù, anke fil-mument taċ-ċaħda tiegħu, tal-umiljazzjoni kbira tiegħu; imbagħad il-Mulej jieħu ħsieb hu.

Din hi wkoll it-talba li nagħmlu bl-interċessjoni ta’ San Filep. Kien appostlu kbir, li ħeles il-poplu mill-ħakma tax-xitan bis-saċerdozju tiegħu, bil-qrar, bl-eżorċiżmu. Allura nitolbu ħafna għas-saċerdoti, biex ikollhom dan iż-żelu kbir li kellu Filippu ta’ Aġira, fil-komunità li hu tant serva b’ħerqa u bi mħabba.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 13:13-25
Salm: 88 (89):2-3,21-22,25,27
L-Evanġelju: Ġw 13:16-20

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: