Il-konflitt fl-Ukranja hu wieħed reliġjuż?

Print Friendly, PDF & Email

L-invażjoni Russa fl-Ukranja tista’ tħares lejha minn ħafna naħat. Hi gwerra vera, għalkemm ngħatat l-isem ta’ “missjoni speċjali’. Il-ħerba, l-imwiet u l-konsegwenzi tal-konflitt imerihom biss min qiegħed fil-kumdita’, ‘il bogħod mir-reġjun tal-gwerra, u mdorri jiġġustifika dak li hu ħażin. Issib ukoll min hu kattiv fil-kummenti tiegħu jew tagħha. Joħroġ ukoll id-dubju li dan il-konflitt hu dovut għar-reliġjon u allura l-ħtija ta’ dan kollu titqiegħed fuq il-Knisja, f’dan il-każ il-Knisja Nisranija.

Dan għaliex, fil-fatt, il-gwerra msejħa tal-Ukranja hi bejn żewġ pajjiżi li għandhom għeruq komuni, jiġifieri għeruq Insara. Il-Knisja Ortodossa Nisranija tagħmel parti sew mill-ħajja taż-żewġ pajjiżi. Imma dan ma jfissirx li l-kawża tal-gwerra hi biex jiddefendu l-kultura Nisranija minn xi għadu.

Ir-realta’ hi li din il-gwerra hi ta’ dieqa għall-Insara li jixtiequ jgħixu l-fidi tagħhom u qed jaraw din il-firda li qed iġġib tant ħsara. Ma niskantawx, għax fl-istorja tal-Ewropa ġraw gwerer bejn pajjiżi Nsara, bħar-rivalita’ bejn Franza u l-Ġermanja, tal-Awstrija u Italja, ta’ Franza u l-Ingilterra kif ukoll il-ġlied bejn Irlandiżi Kattoliċi u u Irlandiżi Protestanti.

U l-konflitti tal-lum jiġru għaliex qed tirbaħ il-loġika tal-poter, tan-nazzjonaliżmu u tal-kilba għall-flus. Il-mexxejja, uħud minnhom l-aqwa sinjuri fid-dinja, iridu jżommu posthom u tas-sinjuri ta’ madwarhom, anke jekk jinqdew bi gwerra kontra l-ġirien u jwasslu għall-imwiet mhux biss ta’ suldati, imma ta’ nies ċivili li jinkludu t-tfal u t-trabi. Hekk qed juri dan il-konflitt li wassal għall-invażjoni Russa fl-Ukrajna.

F’dan il-kuntest, issib min jipponta sebgħu u jwaħħal fil-Knisja. Hawn jiġina f’moħħna t-teologu Russu, Alexander Men. Kien Ortodoss għaref, mistiku, jiġifieri bniedem ta’ riflessjoni u talb. Fit-8 ta’ Settembru tal-1990, lejliet l-assassinju tiegħu, għax qatluh is-Sovjetiċi b’daqqiet ta’ mannara, Alexander Men kiteb hekk: “Kristu jistieden il-bniedem għall-ideal għoli. In-nies pero’ joħolmu li l-Kristjaneżmu diġa’ wasal fil-quċċata tiegħu. Imma fir-realta’, il-Kristjaneżmu jinsab biss fl-ewwel passi tiegħu. Huma passi żgħar fl-istorja tal-ġeneru uman. Kliem Kristu jidher li ma nistgħux nifhmuh. L-istorja tal-Kristjaniżmu għadha trid tibda. Għadna ma wasalniex.”

Għal min irid jifhem, Alexander Men qed jgħid li l-Knisja Nisranija għadha ma waslitx għall-milja tagħha. Kristu riedha tkun perfetta, imma hi magħmula mill-bnedmin u għalhekk ma waslitx li tkun perfetta.

Mela l-Kristjaneżmu mhux ħlief fil-bidu tiegħu minkejja li ilu iktar minn elfejn sena. Kieku ma kienx hekk, Insara ma joqtlux Insara oħra, Insara ma jispekulawx fuq il-ġid tal-ħolqien bir-riskju li ħafna qed imutu bil- ġugħ. Jekk nifhmu kliem Ġesu’ fil-Vangelu ta’ San Mattew, kapitlu 25, naraw li l-Kristjanizmu  jmur lil hemm mill-fruntieri, u l-ebda Nisrani ma jerfa’ idejh fuq bniedem ieħor. Ġesu’ jgħidilna: “Dak li tagħmlu mal-iżgħar minn tiegħi, qed tagħmluh lili.” U hekk Ġesu insista ħafna drabi.

Quddiem dan il-konflitt ġdid, bejn ir-Russja u l-Ukranja, inħossuna li ma nistgħu nagħmlu xejn. Imma ma naħsibx li hu hekk. U nistgħu nikkwotaw dak li qal mistiku ieħor, Russu wkoll, li jismu San Serafim ta’ Sarov. San Serafim Jgħid: “Persuna li għandha l-paċi ssalva l-eluf.” Mela jekk aħna l-Insara jkollna l-paċi fina u nkunu sinjal ta’ paċi għall-oħrajn. Ma jfisser xejn li tkun Nisrani u ma timxix fuq il-pariri tal-Vanġelu, li ma tintrebahx bil-flus, li jkollok intenzjonijet tajba, li taħfer, li tbati għall-oħrajn, li ġġib il-paċi kulfejn tkun.

Iva, f’idejna li l-ħin kollu nitolbu lil Alla biex inkunu viġilanti, kulfejn inkunu, fil-ħsibijiet tagħna, fil-kliem u fl-għemil tagħna. Aħna fost dawk li huma artiġġjani tal-paċi, dawk li jqiegħdu l-paċi. Min-naħa l-oħra, min hu fl-awtorita’ għandu l-ikbar responsabbilta’. Għalhekk li fil Quddies qed nitolbu għall-mexxejja tal-pajjiżi u għalhekk ukoll sitwazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġbruna għat-talb fil-Knisja bħala komunita’ Nisranija.

Kif jafferma tant tajjeb fit-talba attribwita lil San Franġisk t’Assisi. “Fejn hemm il-mibegħda, ħallini ndaħħal l-imħabba.” Aħna msejħin biex ngħixu dan kuljum. Ma nistgħux nagħmlu affarijiet kbar. Nibdew billi jkollna l-paċi fina u ngħadduha lil dawk li huma qrib tagħna. Jekk kulħadd jagħmel hekk, naslu biex ngħidu li l-paċi hi possibbli.

Għandna l-messaġġ tal-Papa Franġisku lill-Patrijarka Kirill, li għandu setgħa kbira fir-Russja billi hu l-kap tal-Knisja Ortodossa tar-Russja, ir-reliġjon prinċipali tal-pajjiż. L-Ortodossi huma Insara bħana. Huma jemmnu f’Ġesu’ Kristu, jiċċelebraw dak li niċċelebraw aħna. Allura l-Papa stieden lill-Patrijarka li “rridu naħdmu għall-paċi”, u “Ma nistgħux nużaw il-lingwa tal-politika imma dik ta’ Kristu.”

Dan iwassalna biex nifhmu li jekk l-Insara jħixu tassew il-vanġelu, li hu mibni fuq l-imħabba, ikollna l-paċi li tant nixtiequ, speċjalment meta qed naraw il-ħsara li ġġib il-gwerra.

Joe Galea

%d bloggers like this: