Il-ħajja hi għażiża

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 4 ta’ Lulju 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tnejn tal-erbatax-il ġimgħa ta’ matul is-sena. Knisja tal-Bon Pastur, Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Qabad id it-tifla u din qamet” (Mt 9:25). Hekk naqraw fl-Evanġelju skont San Mattew f’din il-ġrajja sabiħa tal-fejqan tat-tifla ta’ wieħed mill-kapijiet. Ġesù neħħa n-nies li kienu qegħdin jagħmlu ħafna storbju u hemmhekk, fil-kwiet, qabad id it-tifla u din qamet. Fl-istess deskrizzjoni ta’ dak li għamel Ġesù, bħalma narawh f’diversi drabi, hemm l-imħabba kbira lejn din it-tifla u lejn il-familja tagħha – dik li l-Papa Franġisku jħobb isejjaħ bi tliet kelmiet: viċinanza, kompassjoni, tenerezza.

Dan l-episodju ġie għaliex, ftit qabel, missier it-tifla kien inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Binti iss’issa għadha kemm mietet. Imma int ejja qiegħed idek fuqha u hija tgħix” (Mt 9:18). U nafu li ma’ dan l-episodju dejjem naqraw episodju ieħor ta’ mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm u li qalet: “Imqar jekk immiss il-libsa tiegħu, infiq (Mt 9:21).  Nafu li Ġesù b’imħabba fejjaq ukoll lil din il-mara.

Hija ġrajja – dawn iż-żewġ episodji flimkien – li lilna tgħallimna ħafna. L-ewwel nett, turina kemm Ġesù jgħożż il-ħajja. Għalih, il-ħajja ta’ kull bniedem hi għażiża. Għalhekk, lil dik it-tifla Ġesù ta l-ħajja mill-ġdid; u lil dik il-mara, li tant batiet, ta ħajja ġdida. Lilna Ġesù jgħallimna kemm hu importanti li aħna ngħożżu l-ħajja, mill-ewwel mument tal-eżistenza tagħha. Għalina l-ħajja tkun dejjem għażiża u nipproteġuha b’rispett lejn id-dinjità ta’ kull bniedem.

Imbagħad tolqotna f’Ġesù kif qatt ma jiddiskrimina bejn ħajja u oħra. Hawnhekk kellu tnejn min-nies, waħda tifla żgħira u oħra kienet biċċa akbar. Ġesù ma jagħmilx differenza bejn l-età biex jagħmel il-ġid. Dawn it-tnejn min-nies kienu wkoll ta’ stat soċjali differenti. Waħda kienet it-tifla ta’ wieħed mill-kapijiet, u l-oħra waħda mara li ħafna ma jafuhiex, għall-bżonn ħafna lanqas semgħu biha, u kienet hemmhekk għaddejja.  Ġesù ma jagħmilx distinzjoni bejn waħda u oħra, la fuq l-età, la fuq l-istat soċjali, la fuq affarijiet oħra, biex jagħmel il-ġid. Għalih il-ħajja umana hija għażiża, u meta hemm il-ħajja umana, ma jiddistingwix bejn: din ħajja umana li għandha tgħix; u din, għax għandha xi kundizzjoni, ħajja umana li għandha titwarrab fil-ġenb. Lilna jgħallimna biex aħna wkoll ma nagħmlux hekk, għax hi serja li nkunu aħna li niddistingwu, niddiskriminaw bejn ħajja umana li għandha tgħix, u ħajja umana li aħna nwarrbu fil-ġenb, nirrifjutaw! Din l-attitudni ta’ Ġesù tant tgħallimna għall-ħajja tagħna.

Imbagħad iż-żewġ episodji juruna l-fidi kbira ta’ dawn in-nies. Hemm dar-raġel li ltaqa’ ma’ Ġesù u qallu biex ifejjaqlu lil bintu, qallu: “ejja qiegħed idek fuqha, u hija tgħix”. Ara x’fidi kellu! U  dil-mara, li lanqas iltaqgħet miegħu wiċċ imb’wiċċ u li qalet: “Imqar jekk immiss il-libsa tiegħu, infiq”. Ġesù lilha qalilha: “…il-fidi tiegħek fejqitek” (Mt 9:22). Ara l-fidi ta’ dawn it-tnejn, li lilna wkoll jagħtuna messaġġ sabiħ kemm jiswa fil-ħajja li aħna nqiegħdu l-fiduċja tagħna fil-Mulej, konxji li hu jagħtina dak li hu ta’ ġid għalna, bħalma għamel ma’ dawk it-tnejn.

Nitolbu lill-Mulej illum: l-ewwel nett, saħħaħ fina l-fidi, għinna biex aħna jkollna dejjem il-fiduċja fik li int tagħtina dak li hu ta’ ġid għalina. U agħmel ukoll li aħna bħalek dejjem ikollna l-għożża tal-ħajja u nipproteġu l-ħajja mill-ewwel mument tal-eżistenza tagħha, għaliex il-ħajja hija don tiegħek li aħna għandna nħarsu b’mod sħiħ.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: