Nhar l-Erbgħa 10 ta’ Awwissu 2022, l-aħħar Erbgħa bi tħejjija għas-Solennità tal-Assunta, il-fdalijiet tal-ġisem tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard, wara l-eżumazzjoni u l-proċess forensiku meħtieġ, ġew ittrasportati miċ-Ċimiterju ta’ Sidtna Marija Addolorata fin-Nadur għas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu fl-Għarb.

L-irħama bajda fuq il-qabar ġdid, li jinsab fil-paviment tan-nava tal-lemin tal-Bażilika, fuq ix-xellug tal-Altar iddedikat lit-Tħabbira tal-Mulej, iġġib fuqha l-isem iffirmat ta’ Dun Mikiel flimkien mad-dati tat-twelid u l-mewt tiegħu.
Dun Mikiel Attard (1933-2004), saċerdot djoċesan Għawdxi min-Nadur, kellu devozzjoni kbira lejn il-Madonna Ta’ Pinu u għożża speċjali għas-Santwarju tagħha, li hu kien isejjaħlu “oasi ta’ paċi”, u fejn hu waqqaf il-‘Gym Talb Madonna Ta’ Pinu’, kif ukoll ħolom li jibda esperjenza ta’ ħajja kontemplattiva maskili. Kien bit-tħeġġiġ tiegħu li proprju 25 sena ilu, fl-14 ta’ Awwissu 1997, inżammet għall-ewwel darba l-Velja tal-Assunta li għadha tiġi ċċelebrata kull sena sal-lum fuq iz-Zuntier tas-Santwarju kif xtaqha hu bħala manifestazzjoni esterna ta’ mħabba Marjana.
Fil-mewt tiegħu wara marda ta’ diversi snin, fit-30 ta’ Lulju 2004, il-fdalijiet ta’ Dun Mikiel kienu ġew midfuna f’dak li llum hu ċ-Ċimiterju l-qadim tal-Parroċċa tan-Nadur, wara l-Quddiesa tal-Funeral li kienet tmexxiet mill-Isqof ta’ Għawdex Nikol Ġ. Cauchi fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl nhar it-2 ta’ Awwissu. Iż-żjajjar u t-talb fuq il-qabar tiegħu fl-aħħar 18-il sena qatt ma qatgħu, xhieda tal-fama ta’ qdusija li jgawdi fost l-Għawdxin.
Nhar is-Sibt 2 ta’ Awwissu 2014, għaxar snin fuq mewtu, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, illum Kardinal, kien fetaħ il-Proċess Djoċesan tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni, fis-Santwarju Ta’ Pinu.
Waqt li l-poplu ta’ Alla huwa mħeġġeġ ikompli jitlob għall-glorifikazzjoni ta’ Dun Mikiel anki waqt li jżur il-qabar tiegħu fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, kull tagħrif dwaru jew grazzji maqlugħa għall-interċessjoni tiegħu għandhom jiġu riferuti lill-Uffiċċju tal-Postulazzjoni tal-Kawża għall-Beatifikazzjoni fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex.