It-Twelid ta’ Marija huwa stedina ta’ ringrazzjament lil Alla

Print Friendly, PDF & Email

Kif kull twelid għandu jġib il-ferħ għax huwa grazzja ta’ Alla, aħseb u ara t-twelid tal-Verġni Marija, bint Sant’ Anna u San Ġwakkin!

1•  Sant’Anna tifraħ bit-twelid tal-Verġni Marija

Ma nistgħux nifhmu l-ferħ li ġarrbu Sant’Anna u San Ġwakkin u kemm irringrazzjaw lil Alla ta’ din it-tarbija li huwa tahom. Inġibu quddiem għajnejna l-ewwel u tieni kapitlu  tal-ewwel ktieb ta’ Samwel.

Hawnhekk insibu lil Anna, li ma setax ikollha tfal, iżda b’qalbha maqsuma talbet lil Alla biex jagħtiha tifel u għamlet wegħda li jekk jiġri dan tofrih lil Alla fit-tempju. Il-Mulej laqa’ t-talba tagħha u meta wasal iż-żmien offrietulu filwaqt li lissnet talba ta’ tifħir. Dan it-tifel kien Samwel li tant għamel ġid lill-poplu ta’ Iżrael.

Vers minn dan il-kantiku jgħid: “Ma hemm ħadd ħliefek, ħadd qaddis bħall-Mulej, m’hemmx blata bħal Alla tagħna” (1 Sam 2,2). Vers ieħor jgħid: “Iqajjem mit-trab lill-imsejken u l-fqajjar jerfgħu mill-miżbla, u jqegħedhom mal-kbarat, biex jirtu tron ta’ ġieh” (1 Sam 2,8).

Il-Kantiku ta’ Anna huwa wieħed ta’ rebħa u żgur li  Sant’Anna rringrazzjat lil Alla talli taha lil Marija b’mod aktar sublimi.

2• Nirringrazzjaw lil Alla għall-Verġni Marija

F’ħajjitna aħna obbligati nirringrazzjaw lil Alla għal diversi ħwejjeġ: dik li tana l-ħajja, il-fidi nisranija u diversi ħwejjeġ oħra. Iżda fuq kollox għandna nirrringrazzjaw talli tana lill-Verġni Marija.

San Ġorġ Preca jgħallimna kif għandna  nroddu  ħajr lil Alla ta’ dan ir-rigal hekk kbir. Jikteb: “Alla Missier, jiena noffrilek il-pjagi divini ta’ Kristu biex nirringrazzjak denjament għall-benefiċċji kollha li inti għamilt ma’ Marija Santissma, speċjalment li għażiltha Omm vera u naturali tal-Kelma divina tiegħek [Jiġifieri Ġesù]. Amen.”

Minn Angelo Xuereb

%d bloggers like this: