Qari tat-Tnejn tas-Sitt Ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn

QARI I
Il-Mulej fetaħ qalb Lidja biex tifhem dak li kien jgħid Pawlu.
Atti 16:11-15

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Tlaqna bil-baħar minn Troas u bqajna sejrin lejn Samotraċja, u l-għada wasalna Neapoli. Minn hemm morna Filippi, li hi l-belt ewlenija tal-provinċja tal-Maċedonja u kolonja Rumana. Qgħadna għal ftit jiem f’din il-belt. Meta wasal is-Sibt, ħriġna barra l-bieb tal-belt, lejn xatt ix-xmara, fejn dehrilna li kien hemm dar tat-talb. Qgħadna bilqiegħda, u bdejna nkellmu lin-nisa li kien hemm miġbura flimkien. Waħda minnhom kien jisimha Lidja, mara minn Tijatira, negozjanta tal-porpra u kienet tqim lil Alla. Hija qagħdet tismagħna, u l-Mulej fetħilha qalbha biex tifhem dak li kien jgħid Pawlu. Wara li tgħammdet, hi u l-familja tagħha, talbitna u qaltilna: “Jekk jidhrilkom li jiena nemmen fil-Mulej, ejjew oqogħdu d-dar tiegħi”. U ġagħlitna noqogħdu għandha.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 149:1-2,3-4,5-6a,9b

R/. (4a): Il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu.
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Għannu lill-Mulej għanja ġdida:
fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!
Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu,
u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom! R/.

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu,
bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!
Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu,
u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa. R/.

Bil-glorja jithennew ħbiebu,
u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!
It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom.
Dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 15:26b,27a

Hallelujah. R/. Hallelujah.
L-Ispirtu tal-verità jixhed għalija, jgħid il-Mulej,
u intom ukoll tagħtu xhieda.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
L-Ispirtu tal-verità jixhed għalija.
Ġw 15:26–16:4a

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi d-Difensur, li se nibagħtilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija. U intom ukoll tixhdu, għax intom kontu miegħi sa mill-bidu.

Dawn il-ħwejjeġ għedthomlkom biex ma titfixklux. Ikeċċukom ’il barra mis-sinagogi, mhux biss, imma tasal is-siegħa meta min joqtolkom jaħseb li jkun qiegħed jagħti qima lil Alla. Dan jagħmluh għax la għarfu lill-Missier u lanqas lili. Imma dan kollu għedthulkom biex, meta tasal is-siegħa li jagħmlulkom dan, tiftakru li jiena għedthulkom”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

%d bloggers like this: