Qari tas-Solennità tat-Tlugħ il-Mulej fis-Sema

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu lejh.
Atti 1:1-11

Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel.

Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, “li fuqha”, qalilhom, “smajtu x’kont għedtilkom: Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom, fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu”.

Kif kienu flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?”. Hu weġibhom: “Mhijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art”.

Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom. Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġt irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer”.

Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 46(47):2-3,6-7,8-9

℟. (6): Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ.
Jew
Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Popli kollha, ċapċpu idejkom,
għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!
Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,
sultan kbir fuq l-art kollha. ℟.

Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ,
il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Għannu lil Alla, għannu,
għannu lis-sultan tagħna, għannu. ℟.

Għax Alla s-sultan tal-art kollha:
għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.
Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,
joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu. ℟.

QARI II
Alla qiegħed lil Sidna Ġesù fil-lemin tiegħu fis-smewwiet.
Efes 1:17-23

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja, jagħtikom spirtu ta’ għerf u rivelazzjoni biex tagħrfuh sewwa. Hu jdawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom; x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu mal-qaddisin.

Tagħrfu x’inhu l-kobor bla qies tas-setgħa tiegħu fina li emminna,
skond il-ħila tal-qawwa kbira tiegħu
li ħaddem fi Kristu,
meta qajmu mill-imwiet
u qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet,
’il fuq minn kull Saltna u Setgħa,
minn kull Qawwa u Ħakma,
’il fuq minn kull isem li jissemma,
mhux biss għaż-żmien ta’ issa, imma wkoll għal li ġej.
Iva, qiegħed kollox taħt riġlejh,
u għamlu ras fuq il-Knisja kollha,
li hi Ġismu,
il-milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox.

Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 28:19a,20b

Hallelujah. ℟. Hallelujah.
Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, jgħid il-Mulej.
Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.
℟. Hallelujah.

EVANĠELJU
Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.
Mt 28:16-20

Għeluq tal-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”.

Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Tifħir lilek, Kristu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading