Marija, għallimna nitolbu

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 7 ta’ Ottubru 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Ġimgħa tas-sebgħa u għoxrin ġimgħa ta’ matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Fit-tifkira llum tal-Madonna tar-Rużarju, tajjeb li aħna nġeddu l-fiduċja tagħna f’din l-omm li takkumpanjana fil-ħajja tagħna. Ġesù minn fuq is-salib tahielna bħala omm, biex hi tieħu ħsiebna, tħarisna, biex tipproteġina u takkumpanjana bl-imħabba.

Filwaqt li aħna nħarsu lejn Marija dejjem bħala dik l-omm li miexja magħna f’ħajjitna, hi wkoll omm li tgħallimna, u tgħallimna ħafna affarijiet importanti għall-ħajja tagħna. Nixtieq li llum naħsbu fuq ħaġa waħda partikulari: Marija bħala l-omm li tgħallimna nitolbu. Tgħallimna l-valur tat-talb, u x’ifisser li aħna nitolbu, bħalma ħafna drabi hija l-omm li tgħallem lil uliedha jitolbu.

Hemm episodji differenti – se nsemmi xi wħud minnhom – fejn naraw it-talb differenti ta’ Marija.

Talb ta’ djalogu

Hawnhekk, l-ewwel darba li naraw lil Marija fl-Evanġelju skont San Luqa, għandna dan it-talb li jfisser djalogu b’fiduċja. Marija tisma’ lill-anġlu li jġibilha l-Aħbar hekk kbira. Tisma’ l-ewwel, imbagħad tistaqsi, tkellmu, imbagħad tintelaq f’idejn il-Mulej b’fiduċja: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38).

Marija tgħallimna li t-talb ifisser djalogu b’fiduċja, fejn aħna nisimgħu lill-Mulej, nitkellmu miegħu, u dejjem norbtu qalbna mar-rieda tiegħu.

Talb ta’ tifħir u ringrazzjament

Hemm mument ieħor, meta lil Marija narawha titlob, u fit-talb tagħha tfaħħar u tirringrazzja lil Alla: talb ta’ tifħir u ringrazzjament. Meta hi marret għand Eliżabetta, hemm għamlet l-innu ta’ tifħir li tlabna flimkien ukoll fis-Salm illum: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi” (Lq 1:46-47).

Marija hawnhekk tfaħħar lil Alla u turi l-gratitudni tagħha għal dak li għamel magħha l-Mulej “għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar” (Lq 1:49). Nixtieqkom tinnutaw li meta lil Marija narawha titlob fl-Evanġelju, l-iktar mument li tuża kliem hu proprju fit-talb ta’ tifħir u ringrazzjament. Marija tgħallimna kif it-talb tagħna għandu jkun ukoll talb ta’ tifħir u ringrazzjament lil Alla għal dak kollu li jagħmel magħna, kemm meta nintebhu bih – il-ġid li Alla jagħmel magħna – u kemm meta ma nintebhux.

Talb ta’ interċessjoni

Fi ġrajja oħra, lil Marija narawha tagħmel talba ta’ interċessjoni – mhux titlob għalija imma titlob għal ħaddieħor.  Fit-tieġ ta’ Kana, meta l-miżżewġin ġodda li qed jiċċelebraw naqashom l-inbid, Marija lil Ġesù tgħidlu kelma biss. Tidħol għal dawn il-miżżewġin. Nafu li din it-talba ta’ interċessjoni tagħha kienet effettiva ħafna.

Għalhekk aħna ngħidulha b’talba marbuta mar-Rużarju: Marija Santissima, urina li inti ommna. Għalik – jiġifieri għall-kelma ta’ interċessjoni tiegħek – jisma’ t-talb tagħna Ġesù li twieled għalina u ried ikun bniedem bħalna. Tgħallimna kemm hu importanti li aħna nagħmlu talb ta’ intereċessjoni, jiġifieri talb għal ħaddieħor; mhux biss għalina, imma talb għal dawk li għandhom bżonn. Kemm hu importanti dan it-talb!

Talb ta’ kontemplazzjoni fis-skiet

Taħt is-salib, lil Marija narawha wkoll fis-skiet. Hemmhekk tagħmel talba fis-skiet, talba ta’ kontemplazzjoni. Hemmhekk hi qiegħda taqsam it-tbatija ta’ Ġesù, fl-istess waqt qalbha mimlija mħabba u maħfra wkoll għal dawk li kienu qed jinsulentaw u jippersegwitaw lil Ġesù. Hemmhekk it-talba hija l-preżenza tagħha. Mhix ħafna kliem imma hija preżenza li hija talba.

Marija tgħallimna kemm hu importanti t-talb fis-skiet – it-talb li ma jkollux ħafna kliem miegħu, imma li jkun din il-preżenza li tfisser talba lil Alla, u li nagħmluha fis-skiet.

Talb fil-komunità

Imbagħad – rajna dan prorpju fil-qari mill-Atti tal-Appostli – lil Marija narawha wkoll fil-bidu tal-Knisja, flimkien mad-dixxipli, titlob magħhom. Hawnhekk mhux talb personali, imma talb fil-komunità. U t-talba tagħha kienet talba li tgħin – kif smajna proprju fil-Qari – biex id-dixxipli jkun “qalb waħda flimkien” (Atti 1:14).

Marija tgħallimna kemm hu importanti t-talb fil-komunità. Mhux biss it-talb tagħna personali, imma wkoll it-talb tagħna flimkien, bħala komunità, bħala familja waħda.

Takkumpanjana

Semmejt eżempji ta’ episodji differenti, ta’ tipi differenti ta’ talb li Marija tgħallimna: talb ta’ djalogu b’fiduċja, talb ta’ tifħir u ringrazzjament, talb ta’ interċessjoni, talb fis-skiet, u talb fil-komunità. Aħna u nagħmlu llum it-tifkira għażiża tal-Madonna tar-Rużarju, nitolbu lil Marija biex tkompli takkumpanjana f’ħajjitna u tkompli, bħala omm, tgħallimna nitolbu.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: