Il-Patrijarka Bartilmew I bi żjara storika f’Malta

Print Friendly, PDF & Email

Il‑Qdusija Tiegħu Bartilmew I, Arċisqof ta’ Kostantinopli u ta’ Ruma l‑ġdida, u Patrijarka Ekumeniku, se jagħmel żjara storika f’Malta l‑ġimgħa d‑dieħla, fejn se jiltaqa’ mar‑refuġjati kif ukoll mal‑komunità Nisranija Ortodossa mdaqqsa fil‑pajjiż.

Il‑Patrijarka Bartilmew I, li se jżur il‑pajjiż bejn l‑4 u s‑7 ta’ Diċembru 2022 fuq l‑istedina tal‑Arċisqof Charles Scicluna, se jiltaqa’ mal‑President ta’ Malta, mal‑Konferenza Episkopali Maltija, kif ukoll ma’ residenti fil‑Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

L‑ewwel patrijarka li qatt żar il‑gżejjer se jingħata Dottorat honoris causa mill‑Università ta’ Malta.

Minħabba li l‑preżenza ta’ Nsara Ortodossi f’Malta żdiedet sew, iż‑żjara tal‑Patrijarka – li hu meqjus bħala l‑aktar mexxej Ortodoss importanti fuq livell internazzjonali – iż‑żjara tiegħu għandha importanza ekumenika kbira. Matul iż‑żjara, il‑Patrijarka se jiltaqa’ ma’ bosta Nsara minn Knejjes Ortodossi varji f’Malta, kif ukoll se jżur il‑Grotta ta’ San Pawl fir‑Rabat u mkejjen oħra ta’ importanza reliġjuża f’Malta.

Il‑pubbliku hu mħeġġeġ jattendi għaż‑żewġ ċelebrazzjonijiet ewlenin fil‑Belt Valletta: il‑liturġija tal‑Vespri Patrijarkali nhar il‑5 ta’ Diċembru fil‑Knisja ta’ San Nikola (Tal‑Erwieħ) u servizz ekumeniku fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, it-Tlieta ta’ Diċembru fis-6.30pm, fejn se jiltaqa’ wkoll mal‑kapijiet tal‑Knejjes l‑oħra f’Malta kif ukoll ma’ dawk impenjati fl‑ekumeniżmu f’Malta u Għawdex.

Il‑Patrijarka, li għandu 82 sena u sar Arċisqof ta’ Kostantinopli fl‑1991, qed jaħdem mal‑Papa Franġisku biex itejbu r‑relazzjonijiet Kattoliċi‑Ortodossi, u kemm‑il darba tkellem dwar il‑kwistjonijiet tal‑migranti.

Leave a Reply

%d bloggers like this: