Il-Milied u t-Tagħlim

Print Friendly, PDF & Email

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Ilqajna hawn illum lejlet il-Milied. Nirringrazzjakom talli sibtu l-ħin tiġu hawn ħalli tkunu xhieda ħajja li Sidna Ġesù Kristu sar bniedem bħalma f’kollox minbarra mid-dnub.

Sejjer inkellemkom fuq il-Milied u t-tagħlim. Naf li mhuwiex suġġett ħafif iżda bil-għajnuna tal-katekiksti tiegħi ser nagħmel xi ftit ħsibijiet.

Wieħed jista’ jitgħallem b’diversi modi u manjieri. Normalment biex titgħallem trid tmur l-iskola u hemmhekk ikun hem l-għalliema li pass wara ieħor jgħallmuk xi suġġett jew xi sengħa. Tista’ titgħallem r-reliġjon nisranija billi tmur il-Museum jew f’xi post ieħor fejn jiġi mgħallem il-katekiżmu.

U proprju fit-twelid tiegħu Sidna Ġesù Kristu serva u għadu jservi bħala skola ta’ tagħlim. Twieled fis-satra  u l-ewwel li marru jarawh kien ir-ragħajja u kien għalihom l-ewwel skola ta’ tagħlim. Kienu meqjusa nies baxxi iżda  malli l-anġlu ħabbrilhom li f’Betlem twieled salvatur iddeċidew li jmorru. L-Evanġelju ta’ San Luqa li fih insibu dan ir-rakkont jgħidna li marru jgħaġġlu.

Din l-azzjoni tar-ragħajja turina li kienu lesti li jaraw dak li ġara f’Betlem skont ma għarrafhom il-Mulej permezz tal-anġlu. Alla jagħtina l-grazzja li nkunu disposti biex nitgħallmu u nilqgħu l-messaġġ nisrani. Mingħajr din l-attitudni ma naslux biex nisimgħu dak li Ġesù jrid jgħidilna permezz tal-Iskritttura, l-Quddiesa, l-liturgija u tagħlim ieħor tal-Knisja.

Inkomplu naraw l-esperjenza tar-ragħajja. Meta daħlu fl-għar ta’ Betlem ħabbru dak li kienu semgħu fuq it-tarbija. Dan jurina li huma qasmu l-esperjenza tagħhom mal-Verġni Marija, ma’ San Ġużepp u jekk kien hemm xi ħadd ieħor preżenti. Għalhekk ir-ragħajja jgħallmuna li dak li nitgħallmu ma għandniex inżommuh għalina iżda għandna naqsmuh mal-oħrajn. Dan nistgħu nagħmluh permezz tax-xhieda nisranija tagħna, b’xi għajnuna lill-proxxmu, b’xi parir tajjeb, b’kelma ta’ ġid jew ta’ konsolazzjoni.

L-Evanġelju ta’ San Luqa jgħidna li r-ragħajja  marru lura jsebbhu u jfaħħru lil Alla  bħal ma semgħu u raw. U dan huwa l-frott tat-tagħlim. Min jitgħallem fuq Ġesù ma jibqax l-istess. Ser isib il-paċi u ferħ avolja fil-ħajja mhux kollox ikun ward u żgħar. Min jaħseb li r-reliġjon nisranija hija waħda negattiva u li tneħħilek il-ferħ għandu jara fir-ragħajja ta’ Betlem li min jiltaqa’ ma’ Ġesù ma jibqax l-istess. Ir-reliġjon nisranija hija waħda ta’paċi kif kantaw l-anġli fl-ewwel Milied: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fuq l-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba”.

Lil Ġesu tarbija marrru jżuruh ukoll wara xi żmien il-Maġi li offrewlu deheb, inċens u mirra. Dawn ġew mill-bogħod wara li raw il-kewkba fis-sema li mexxiethom sa ferjn kienu joqogħodu Ġesù, Marija u Ġużeppi. Iltaqgħu ma’ bosta tfixkil speċjalment minn Erodi. Dawn jgħallmuna li minħabba ċ-ċirkustanzi tal-ħajja, ta’ esperjenzi passati, ta’ nuqqas ta’ tagħlim, tal-post tat-twelid, bosta persuni għadhom ma ltaqgħux ma Ġesù. Iżda Alla permezz tat-toroq misterjuzi tiegħu joffri salvazzjoni lil kulħadd basta jkun hemm id-disposizzjoni tal-qalb.

Il-persuna ta’ Erodi bis-suppervja u l-egoiżmu tiegħu jgħallimna li dawn iż-żewġ atteġġjamenti huma żewġ għedewwa tat-tagħlim veru u l-wasla għat-tagħlim u għall-wasla għall-verità. B’dan il-mod l-umiltà u l-altruwiżmu huma indispensabbli biex inħobbu aktar lil Ġesù.

L-istorja tal-Maġi tgħallimna li fil-mixja nisranija tagħna għat-tagħlim tal-ħajja eterna nistgħu ngħaddu minn mumenti ta’ dlam. Għal xi żmien ma rawx il-kewkba kif Erodi ipprova jqarraq bihom. Iżda fl-aħħar waslu. Din hija garanzija li dawk li jridu jsibu l-verità ser jaslu. Dan narawh fl-istorja tal-Knisja permezz tal-ħajja  ta’ Santu Wistin u l-Kardinal Newmann li illum huwa wieħed mill-qaddisin tal-Knisja u bosta oħrajn.

Fl-aħħar ejjew inħarsu lejn Ġesù tarbija. Huwa niżel mis-Sema biex jagħmlilna triq għas-Sema. Minnu nitgħallmu tagħlim prattiku iżda ta’ għerf fl-istess ħin. Xħin inħarsu lejh nitgħallmu l-faqar. Huwa l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem ma twelidx f’xi palazz iżda fl-għar fqajjar. Kif rajna jgħallimna l-umiltà u fejn hemm huwa hemm il-ferħ u l-paċi.

Nixtiqilhom il-Milied it-tajjeb: Milied frott ta’ mixja spiritwalit tal-Avvent u nwissikom  li l-Milied, kif kien jgħid il-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard, ma jkunx a big business day.

%d bloggers like this: