Fl-ewwel jiem tal-invazjoni Russa fl-Ukrajna, fi Frar ta’ din is-sena, l-Arċisqof Grieg Kattoliku, Mons. Vasyl Volodymyr Tuchapets, qam fil-ħamsa ta’ filgħodu bil-ħsejjes tal-bumbardamenti li laqtu lil Kharkiv. Kharkiv hi ċentru kbir industrijali u kulturali fl-Ukranja, qrib il-fruntiera mar-Russsja. Fi triqtu lejn il-katidral, l-Arċisqof iltaqa’ ma’ Ukreni jiġru f’paniku kbir lejn l-istazzjon tat-tren, mgħobbijin bil-bagalji li setgħu iġorru. It-trasport fil-belt ma kienx qed jaħdem u kien hemm fillieri twal ta’ nies jistennew biex jimlew il-petrol fil-vetturi tagħhom.
L-ewwel direzzjoni li l-Arċisqof Vasyl ta lis-Saċerdoti kollha fid-djoċesi tiegħu kienet li jibqgħu fil-parroċċi biex ikunu viċin tan-nies afdati f’idejhom. Fl-istess ħin kellu jassigura s-sigurtà tal-familji tagħhom, għax il-maġġoranza tas-Saċerdoti tal-Knisja Griega Kattolika huma miżżewġin u għandhom it-tfal.
Lejla minnhom, wara l-Quddiesa, meta l-Arċisqof ħareġ mill-katidral, ġie avviċinat minn grupp ta’ żgħażagħ li qatt ma kien rahom fil-knisja. Qalulu: “Grazzi li bqajt fostna!” L-Isqof jistqarr li l-preżenza weħidha ta’ xi ħadd li qed jitlob għalihom tqajjem il-moral tan-nies. “Mgħandhomx għalfejn jibżgħu. Il-Mulej iberikna. Imma jekk Saċerdot jitlaq, kulħadd jitlef.”
L-art ta’ Kharkiv hi mifruxa fi 84,000 kilometru kwadru, bejn wieħed u ieħor id- daqs tal-Awstrija u tinkludi r-reġjuni ta’ Kharkiv stess, ta’ Poltava u ta’ Soumy. Tilħaq popolazzjoi ta’ aktar minn 5 miljun ta’ abitanti. Dan ir-reġjun, li hu tradizzjonalment Ortodoss, kien sekularizzat b’saħħa fl-era Komunista. ”Aħna”, jgħid l-Arċisqof, “wassalna l-kelma t’Alla fil-Lvant tal-Ukrajna, fejn kienet projbita fil-madwar 80 sena ta’ Komuniżmu. Il-qawmien tal-fidi jitlob iż-żmien u x-xogħol; għall-katekizmu u għal djar għas-Sacerdoti li biex ikunu jistgħu jgħixu man-nies tal-parroċċi.”
“Bdejna l-ħidma tagħna mal-Insara tal-Knisja Griega Kattolka, prinċipalment ma’ dawk li baqgħu Kharkiv u ma’ anzjani li kienu ġew deportati fis-Siberja. Imma issa l-parti l-kbira tal-parruċċani huma nies tal-lokal li sabu l-fidi b’kuntatt mal-parruċċani tagħna. Naħseb li l-isfida tagħna hi li naħdmu ħamrija tajba; warajna jiġu oħrajn li jqiegħdu ż-żerriegħa, u dawk tal-ġenerazzjoni futura jaħsdu, kif jgħid San Pawl dwar dan.”
Il-pastorali f’Kharkiv evolviet matul il-gwerra. Għadd kbir ta’ nies telqu mill-belt, imma ġew oħrajn ġodda, ifittxu l-kenn u l-għajnuna. L-abitanti jiġu fil-katidral kuljum, mhux biss biex jirċievu l-għajnuna li titqassam minn hemm. “Il-biċċa l-kbira tan-nies li jiġu biex jitolbu, jgħid l-Arċisqof, “huma dawk li kellhom iħallu djarhom f’din il-gwerra. Xi drabi wara s-snin jgħixu flimkien, ikunu jridu jiżżewġu jew jgħammdu lit-tfal tagħhom”.
L-Arċisqo Vasyl jgħid li: “Kull parrocca titlob kuljum għall paċi. Ladarba aħna Nsara, nafu tajjeb li l-qawwa ġejja minn Alla, u mhux biss mis-saħħa tal-armata.” Il-katidral jorganizza wkoll liturġija kuljum fil-knisja ta’ isfel, għax dik ta’ fuq hi użata bħala maħżen għall-għajnuna umanitarja.
Maż-żmien, is-Saċerdoti u l-voluntieri tgħallmu jieħdu ħsieb il-proviżjon, il-ħwejjeg, il-prodotti ta’ igjene, l-affarijiet għat-tfal, biex jagħtuhom b’iktar heffa lin-nies li huma l-iktar fil-bżonn. Bejn 1500 u 2000 persuna minn kull naħa tal-belt għadhom jiġu fil-katidral biex ifittxu l-għajnuna umanitarja kif ukoll għajnuna spiritwali.
Madankollu t-tqassim naqas, minn tliet ijiem għal darba f’gimgħa, minħabba d-diffikultà biex jinġabru l-provvisti tant li dawn qed jitqassmu bir-razzjon. Il-familja qed jaħżnu dak li jingħataw minħabba x-xitwa kiefra, b’temperaturi taħt iż-żero u ħafna djar mingħajr dwal u għalhekk qegħdin fil-kesħa.
Refuġjati ġodda dejjem ġejjin, waqt li l-qawwiet Russi jkomplu jibbumbardjaw lill-irħula tal-madwar. Għalhek in-nies t’hemm qed ifittxu l-kenn u l-protezjoni fil-belt ta’ Kharkiv. “Il-bżonn ta’ għajnuna materjali,” qal l-Arċisqof Vasyl, li hu nkwetat ħafna, “se jibqa għal żmien twil, għax in-nies m’għandhomx impieg u lanqas salarju; għalhekk hemm bżonn li nassiguraw li jkollna provvisti b’mod iktar regolari.”
Minn Joe Galea