Ħadd il-Paċi – 22 ta’ Jannar 2023

Print Friendly, PDF & Email

Talba u Messaġġi tal-Papa

Alla, il-Ħallieq u r-Redentur tagħna.

Jalla naraw in-niket  tal-gwerra fl-għajnejn ta’ dawk li qed ibatu u ma rawx ħlief vjolenza tul ħajjithom.

Agħtina leħen għal dawk li m’għandhomx u għal dawk li ħadd ma jismagħhom; dawk li jafu li fi żmien ta’ gwerra m’hemmx għada, u li l-vjolenza tal-armi teqred kemm is-sbuħija tal-ħolqien kif ukoll il-ferħ tal-ħajja.

B’dan il-mod u bil-għajnuna tiegħek, aħna nsiru tassew strumenti tal-paċi tiegħek. Ammen 

Konferenza Stampa fuq l-ajruplan sejjer lejn il-Bahrain – Novembru 2022.

Nixtieq nistqarr il-weġgħa tiegħi… tliet gwerer f’seklu wieħed!  Dik bejn l-1914 u l-1918. Dik bejn 1939 u l-1945 u dik tal-lum.  Din tal-lum (tal-Ukrajna) hi gwerra dinjija għaliex hu veru li meta  l-imperi fuq naħa jew oħra jiddgħajfu,  għandhom bżonn li jagħmlu gwerra biex iħossuhom  b’saħħithom….u biex ibigħu l-armi.  Nemmen li llum l-ikbar diżastru għad-dinja hi l-industrija tal-armi.  Jekk jogħġobkom.  Qaluli, u ma nafx jekk hux veru, li jekk ma nagħmlux armi għal sena sħiħa, nistgħu neqirdu l-ġuħ fid-dinja.

Lill-membri tal-Korp diplomatiku akkreditati mas-Santa Sede -Jannar 2022

Is-Santa Sede tibqa’ tisħaq bis-saħħa kollha li fis-seklu 21, li pajjiż juża armi nukleari mhix it-tweġiba xierqa u sewwa f’każ li jkun hemm xi  theddida għas-sigurtà tiegħu u li l-pussess ta’ dawn l-armi hu immorali.  Il-produzzjoni tal-armi nukleari qed tieħu riżorsi li jistgħu jintużaw biex niksbu żvilupp sħiħ tal-bniedem u li l-użu tagħhom mhux biss ikollu konsegwenzi katastrofiċi fuq il-bniedem u l-ambjent iżda jhedded l-eżistenza innifisha tal-umanità.  

Lill-membri tal-Għaqda ‘Ho avuto sete’ – Marzu 2022

Għalfejn, allura, għandna nagħmlu gwerra kontra xulxin meta missna nsolvu dawn  il-konflitti billi nitkellmu ma’ xulxin bħala bnedmin? Minflok għaliex ma ngħaqqdux il-qawwiet u r-riżorsi tagħna kollha biex niġġieldu  l-gwerer veri li qed jheddu ċ-ċiviltà: il-ġlieda kontra l-ġuħ u n-nuqqas ta’ ilma tajjeb għax-xorb, il-ġlieda kontra l-mard u l-epidemiji; il-ġlieda kontra l-faqar tal-lum u l-iskjavitù? Għaliex? Ċerti għażliet mhumiex mingħajr konsegwenzi: li talloka parti kbira tad-dħul fuq ix-xiri tal-armi jfisser li qed toħodha minn xi banda oħra, li jfisser ukoll li ser tibqa’ toħodha mingħand dawk lanqas għandhom il-ħteġijiet basiċi.  U dan hu skandlu.

Li tkompli tonfoq flus fuq l-armi jħammeġ ir-ruħ, iħammeġ il-qalb u jħammeġ l-umanità. Għalfejn nikkommettu irwieħna lkoll kemm aħna,  solennement u fuq livell internazzjonali, dwar kampanji kontra l-ġuħ, kontra d-degrad tal-pjaneta biex imbagħad nerġgħu naqgħu fil-vizzju misħut tal-gwerra, nerġgħu nħaddnu l-istrateġija l-qadima li nibbażaw kollox fuq is-saħħa tal-armi, li fl-aħħar mill-aħħar ser tieħu lil kull wieħed u waħda minna lura?  Il-gwerra tieħdok lura, dejjem.  Qed nimxu lura.  Ikollna nerġgħu nibdew mill-ġdid.

Fl-Angelus fil-Festa tal-Qaddisin Kollha – Novembru 2022

Kif jista’ wieħed isir ħaddiem tal-paċi?  Qabel xejn wieħed irid iżarma qalbu.  Iva, għaliex kollha kemm aħna mgħammrin sewwa bi ħsibijiet aggressivi kontra xulxin u bi kliem inigges…

Kif jista’ wieħed jżarma qalbu? Billi niftħu qalbna għal Ġesù li hu ‘il-paċi tagħna’ (Ef 2:14) billi nieqfu quddiem is-Salib tiegħu…. billi nirċievu mingħandu, fil-Qrar, ‘il-maħfra u l-paċi’.  Hu hawn fejn għandna nibdew, għaliex li tkun ħaddiem tal-paċi, li tkun qaddis, mhix ħaġa li kapaċi nagħmluha bis-saħħa tagħna.  Huma rigali.  Hi waħda mir-rigali tiegħu.  Hi l-grazzja.

Ħuti, ejjew inħarsu fil-fond ta’ qalbna u nsaqsu lilna nfusna: aħna ħaddiema tal-paċi fil-postijiet fejn ngħixu, nistudjaw jew naħdmu; aħna nġibu tensjoni, ngħidu kliem li jweġġa’, inlissnu tpaċpiċ li jivvelena, inqanqlu kontroversji li jifirdu? Jew niftħu kull triq li twassal għall-paċi, naħfru lil dawk li offendewna, nagħtu każ ta’ dawk li huma emarġinati, nirranġaw xi inġustizzja billi ngħinu lil dawk li għandhom inqas? Din tissejjaħ tibni l-paċi.

Waqt il-barka Urbi et Orbi – Għid 2022

Hekk kif nikkontemplaw dawk il-pjagi glorjużi, għajnejna li ma jemmnux jinfetħu beraħ: qlubna iebsa jirtabu u nilqgħu il-messaġġ tal-Għid: ‘Il-paċi magħkom…’ Għeżież ħuti, kull gwerra tħalli warajha konsegwenzi li jkollhom effett fuq l-umanità kollha kemm hi: niket, luttu,  id-drama tar-rifuġjati u kriżi fl-ekonomija u l-ikel, li tagħhom diġà qed naraw is-sinjali.  Iffaċċjati minn dawn is-sinjali kollha ta’ gwerra kif ukoll minn ħafna twegħir f’ħajjitna, Ġesù Kristu, ir-rebbieħ fuq id-dnub, fuq il-biża’ u l-mewt, iħeġġiġna ma nċedux għall-ħażen u l-vjolenza.  Ħuti, ejjew nintrebħu mill-paċi ta’ Kristu! Il-Paċi hi possibbli.  Il-Paċi hi dmir.  Il-Paci hi r-responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna!

Imxerrda mil-Laboratorju tal-Paċi Papa Ġwanni XIII – Ħal Far

%d bloggers like this: