‘Minn kollox tara fis-sajf’, huwa t-titlu tal-messaġġ ta’ Dun Victor Agius, Direttur ta’ Missio Malta, ispirata mill-Eżortazzjoni Appostolika ta’ Papa Franġisku ‘Il-Ferħ tal-Vanġelu’. Hemm min jogħġbu u hemm min idejqu dan iż-żmien tas-sena. Aħna magħmulin hekk, kulħadd u kollox huwa differenti minn xulxin.

Matul ix-xahar ta’ Lulju tista’ taqra aktar dwar dan il-messaġġ fil-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun ser jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin. F’artiklu minnhom naqraw dwar ix-xogħol fuq id-dar ta’ formazzjoni f’Tagaytay il-Filippini, li Missio Malta qed jissapportja. F’artiklu ieħor niltaqgħu ma’ Dun Kilbin Reegan I li grazzi għall-borża ta’ studju minn benefatturi Maltin, seta’ jkompli l-istudji tiegħi fis-seminarju ta’ Poonamalee l-Indja, fejn is-sena l-oħra ġie ordnat saċerdot.
Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.