Il-Quddiesa: ‘bloody boring’

Minn Patri Juan De Bono

Ftit taż-żmien ilu, personaġġ Televisiv lokali li kien segwit sew peress li kien jispjega b’mod mill-aktar kulurit, u li jżommok imsammar mas-set tat-telviżjoni, l-opri tal-arti li bihon huma mogħnija l-knejjes u l-ibliet tagħna, waqt intervista li kien ta ftit taż-żmien ilu kien qal u anki nsista li l-quddiesa hija ‘bloody boring’.

Abbati: ‘il-ħabib ta’ Ġesù

Nistqarr li sa minn eta’ ċkejkna għalija l-quddiesa qatt ma kienet ‘tedjanti’, anzi ta’ tfal li konna, meta per eżempju konna morna l-Vatikan bħala abbatini fl-1982, konna niġġieldu bejnietna l-abbatini għal min se jgħin l-aktar quddies f’ġurnata. Il-mibki Mons Alwiġ Deguara, kien ilu sena jgħallimna, li l-abbatini huma ‘l-ħbieb ta’ Ġesù, u min ma jixtieqx iqatta l-ħin ma’ ħabib bħal Ġesù?

Wara li bdejt naqra u nistudja skoprejt li l-quddiesa ma kienetx biss mezz biex ikolli firma oħra fuq il-‘card’, imma bdejt nifhem li dak li kien qiegħed iseħħ fuq l-artal waqt il-quddiesa kienet l-akbar ġrajja li qatt seħħet fl-istorja tal-bniedem. Anzi nasal li ngħid li dak li jiġri fuq l-artal waqt iċ-ċelebrazjoni tal-Quddiesa hija l-unika ġrajja li hija worth recording. 

Nissieħbu fir-rebħa ta’ Kristu

“Is-Salvatur tagħna fl-aħħar ċena, fil-lejl li fih kien ittradut, waqqaf is-sagrifiċċju ewkaristiku tal-Ġisem u d-Demm tiegħu li bih is-sagrifiċċju tas-Salib jibqa’ jiġġedded tul iż-żminijiet, sal-miġja tiegħu, u b’hekk iħalli lill-Knisja, l-għarusa maħbuba tiegħu, it-tifkira tal-mewt u tal-qawmien tiegħu mill-mewt: sagrament ta’ tjieba, sinjal ta’ unità, rabta ta’ karità, l-ikla tal-Għid ‘li fiha nirċievu lil Kristu, ir-ruħ timtela bil-grazzja u jingħatalna rahan tal-glorja ġejjiena’ (SC 47).

Hekk jgħallem il-Konċilju Vatikan II, u kull min issieħeb b’dan il-mod lilu nnifsu mas-sagrifiċju ta’ Kristu, għalih, il-quddiesa ssir il-mezz li permezz tagħha aħna nilħqu b’mod spedit il-fini li għalih ġejna maħluqa, jiġifieri l-għaqda sħiħa tagħna mat-Tliet Persuni tat-Trinita’. 

Midalja sportiva bla ma biss inċaqilqu riġlejna

Fi tfuliti qatt ma kont tifel sportiv, imma jum wieħed qaluli biex għall-isports day immur liebes bit-track suit, u dan peress li kelli midalja. Bqajt skantat b’dan għax avolja kont nipprova kull dixxiplina, ma kontx nispiċċa nikkwalifika, aħseb u ara nirbaħ xi midalja. Għalhekk skantat saqsejt lil sħabi tal-klassi kif u x’fatta kien se jkolli midalja din id-darba, u huma spjegawli kif ismi kien tqiegħed fuq il-lista tat-team tal-voleyball bħala ‘reserve’, u avolja qatt ma lagħabt logħba, imma peress li t-team tiegħi kien rebaħ il-kampjonat, jiena spiċċajt b’midalja bħal players l-oħra li kienu lagħbu l-logħob kollu. Wow għoġbitni din il-biċċa!!!

“Itolbu ħuti biex is-sagrifiċċju tiegħi u tagħkom ikun jogħġob lil Mulej Alla li jsita’ kollox”

U meta aħna mmorru ‘nisimgħu’ quddiesa, Alla qiegħed jitlobna li nħalluH iqiegħed isimmna fuq din il-lista tat-team rebbieħ u mbagħad din il-lista titqiegħed fuq il-korporal biex f’għaqda ma’ Kristu nqumu rebbieħa. Għalhekk ukoll fost l-oħrajn is-saċerdot jitfa’ qatra ilma fil-kalċi u jħalltu mal-inbid. Din il-qatra ilma għax magħquda mal-imbid issir bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu d-demm ta’ Ġesù. Aħna waqt il-quddiesa qegħdin tassew nissieħbu ma’ Kristu, biex miegħU eventwalment noħorġu rebbieħa.

Għalaq għajnejk

Biex wieħed jifhem il-valur u s-sens tal-‘misteru’ tal-Quddiesa, irid għal mument għalhekk jagħlaq għajnejh u bil-ħsieb jivvjaġġa lejn l-għolja tal-Kalvarju fejn Kristu xerred demmu għalina. Iva, anki meta l-quddiesa tħossha ‘monotona’, fil-waqt eżatt li tiġi ċċelebrata quddiesa, Kristu mil-ġdid dak il-mument u quddiemna jkun qiegħed jagħti ħajtu għalina.

Ħarsa lura u ħarsa ‘l quddiem

Ejjew nimmaġinaw li persuna li żżomm mal-Ingliżi, tant tkun delettanta tat-team tagħha li b’mod regolari toqgħod terġa tara il-logħba tal-final tal-World Cup 1966, meta l-Ingilterra rebħet it-tazza tad-dinja. Kemm ikun jixtieq dak il-fan, li jista’ jmur lura fiż-żmien u jkun fil-ground fil-mument storiku meta l-Ingliżi għollew it-tazza tad-dinja. Issa meta aħna nieħdu sehem fil-quddiesa, mhux biss qisna mmorru lura permezz ta’ magna taż-żmien li tqiegħdna fuq l-għolja tal-Kalvarju fil-mument li fih Kristu ta’ ħajtu għalina, imma ‘kull darba li ċ-ċelebrazjoni tal-quddiesa tiġi ċċelebrata’, Kristu jerġa’ mil-ġdid dak il-mument jagħti ħajtu għalina.

Alla huwa l-Immutablli, jħobbok illum bħalma ħabbek ilbieraħ u se jħobbok għada

“X’jimporta dak li nħossu?”, tikteb Santa Eliżabetta tat-Trinita’, “Hu l-immutabli, Dak li ma jinbidel qatt: Hu jħobbok illum, bħalma ħabbek ilbieraħ u bħalma se jħobbok għada” (Ittra 298). X’jimporta dak li tħoss int meta tmur iżżur lill-ommok anzjana li qiegħdha tbeżlaq, dik tħobbok illum, bħalma ħabbitek ilbieraħ u se tibqa’ tħobbok anki wara li tmut. X’jimporta li l-quddiesa tista’ tħossha ‘boring’, meta tiftakar li dan huwa l-ġest li permezz tiegħu int se tilħaq il-għan li għalih ġejt maħluq. Waqt iċ-ċelebrazjoni tal-quddiesa aħna ngħixu mil-ġdid l-akbar ġrajja fl-istorja tal-bniedem, il-ġrajja li grazzi għaliha nistgħu nilħqu l-unika skop għall-eżistenza tagħna, jiġifieri dik li mmorru ngawdu ‘l Alla għal dejjem.

Nixorbu l-ilma tal-ħajja minn din l-għajn li ma tinxef qatt

Immaġinaw persuna li ta’ kulljum tmur l-ATM u tiġbed elf u tmien mitt ewro minn fuq tliet cards u tispiċca tqassamhom li dawk li tiltaqa’ magħhom sakemm tasal id-dar. Ibqa’ żgur li anki jekk din il-persuna tmur tiġbed il-flus fis-siegħa ta’ fil-għodu, dejjem se jkun hemm xi ħadd fit-triq jistenna li forsi jirċievi xi ħaġa minn din il-persuna sinjura u ġeneruża. Naf li int li qiegħed taqra dan, għandek mnejn bir-raġun kollu tikkumenta: ‘u mhux hekk ingħidu, min hu dan il-miġnun li se jqassam daqtsant flus?’

Kull darba li tiġi ċċelebrata l-quddiesa, Kristu mhux elf u tmiem mitt ewro jkun qiegħed iqassam, imma ikun qiegħed jagħti lilna art għatxana għaliH, lilu nnifsu. Il-problema tal-bniedem ‘modern’ hija proprju din. Qegħdin nirrifjutaw li nieħdu l-unika mediċina li tista’ ssalvalna ħajjitna mil-mewt: Ġesù Kristu. Qegħdin inpartu mediċina ppatentjata u ‘tested’, ma’ waħda li kkrejajna aħna stess u li l-esperimenti li saru s’issa fuq din il-mediċina wasslu biss biex il-bniedem jeqred aktar lilu nnifsu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading