Minn Joe Galea
Dak li nsibu fil-Bibbja dwar il-Verġni Marija mhux sempliċiment rakkont dwar mara speċjali, tant għażiża għalina Nsara, imma hu stedina biex Marija tkun għalina, bħalma kienet dejjem fl-istorja tal-Kristjaniżmu, l-awżiljatriċi, dik l-Omm li lesta biex tiġborna taħt il-mant tagħha.
Il-mant ta’ Marija jfakkarna f’pittura tas-seklu 15, ‘Il-Verġni tal-Ħniena’, li tinsab f’mużew ġo Madrid. Hi pittura ta’ Maestro di Santa Maria del Campo, Fiorentin. Marija hi liebsa mant sabiħ, bi drapp tqil, li qed iżommuh tliet anġli li huma fuq in-naħa ta’ fuq ta’ Marija. U hi, b’idejha miftuħin fuq grupp ta’ nies differenti, minn Papiet sa’ nies oħra. Huma wkoll lebsin eleganti, li jixraq lil nies li jħobbu t-tajjeb u s-sabiħ, ferħanin għax qegħdin taħt il-ħarsa kollha ħniena ta’ Marija, ħarsa tassew ħelwa f’din il-pittura. Hemm ħafna pitturi bħal din, tal-Madonna tal-ħniena, li jgħinuna biex aħna nikkontemplaw lil Marija, li lesta biex tgħinna, u għalhekk nitolbuha bil-kunfidenza.

Marija bdiet tkun ommna fil-pjan tal-grazzja sa minn mindu tat l-‘iva’ tagħha għat-tħabbira tal-anġlu Gabrijel, ‘iva’ li hi żammet sal-aħħar, taħt is-salib. U għadha u tibqa’ ommna tul iż-żmien. Għax għalkemm ittellgħet fis-sema, Marija ma telqitx minn taħt idejha din il-ħidma għas-salvazzjoni tagħna, imma għadha tidħol għalina b’kull mod biex Alla jagħtina l-grazzji li neħtieġu fir-ruħ u fil-ġisem.
Fl-imħabba tagħha ta’ omm, Marija taħseb il-ħin kollu f’dawk l-aħwa ta’ Binha li, fit-triq tagħhom lejn is-sema, għadhom jitħabtu fost perikli u diffikultajiet, u tibqa’ tieħu ħsiebhom sa ma jidħlu fl-hena li qed tistenna lil kull wieħed u waħda minna. Għalhekk, fil-Knisja, u kif issemmi l-kostituzzjoni tal-Konċilju Vatikan II, il-Lumen Gentium, il-Verġni Mbierka tissejjaħ bl-ismijiet ta’ Avukata, Awżiljatriċi, Għajnuna, Medjatriċi. Niftakru f’dik it-talba sabiħa u antika, tas-seklu 17, li kien jitlob is-saċerdot Claude Bernard, il-Memorare. Ngħidulha: “Ftakar ja l-iżjed ħanina, Omm Verġni Marija, li qatt ma nstema’ li xi ħadd Intefa’ taħt il-ħarsien tiegħek, talbek l-għajnuna Jew fittex li tidħol għalih u inti ma smajtux.”
Marija twassalna għand Ġesù. Il-Knisja tgħidilna li bil-protezzjoni ta’ Marija ma titnaqqasx xi ħaġa fil-kobor u l-qawwa ta’ Kristu, li hu waħdu l-Medjatur u Feddej. U ebda kreatura ma tista’ qatt titqabbel mal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Imma nżommu quddiemna l-figura ta’ Marija bħala sehem fil-Fidwa. Dan jagħtiha r-rwol ta’ awżiljatriċi, omm li lesta tagħti l-għajnuna lil min jitlobha. Anzi, bħala omm, tkun attenti għall-ħtiġijiet ta’ wliedha.
Il-Knisja ma żżommx lura milli xxandar din il-ħidma ta’ awżiljatriċi ta’ Marija. Il-Knisja tħoss lil Marija magħha l-ħin kollu u tirrakkomandaha lilna lkoll biex, b’din il-konvinzjoni li għandna omm hekk ħanina, ningħaqdu iżjed b’mod intimu mal-Medjatur, li hu s-Salvatur, Binha Ġesu’.