Nitolbu għall-miżżewġin biex fi mħabbithom isibu l-mistrieħ għal ruħhom

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 20 ta’ Lulju 2023: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Ħamis tal-ħmistax-il ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din hi silta qasira ħafna tal-Mulej Ġesù li jistedinna nersqu lejh: “Ejjew għandi” (Mt 11:28), waħda forsi mis-siltiet l-iżjed għeżież u l-istediniet l-iżjed kommoventi ta’ Ġesù.

L-istedina li nersqu lejh tfisser ukoll li nkunu intimi miegħu. “Ejjew għandi u jiena nserraħkom” (Mt 11:28). Hi, biex ngħidu hekk, wegħda sabiħa dik li jagħtina Ġesù li meta nkunu tassew ħbieb tiegħu u ħbieb tal-Evanġelju l-qalb tagħna tistrieħ fil-kwiet, fil-paċi anke meta l-ħajja ma tkunx faċli.

“Intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin” (Mt 11:28). Il-Mulej fir-realiżmu kbir tiegħu jagħraf li aħna nafu nkunu mħabbtin u mtaqqlin imma hu kapaċi jagħtina dan is-serħ li ġej mill-ħbiberija tagħna miegħu u tiegħu magħna. Mela ma ninsewx li meta l-Mulej jgħidilna: “ejjew għandi” qed jistedinna nsiru tassew ħbieb tiegħu.

Imbagħad juża kelma oħra li tfisser intimità, juża l-kelma ‘madmad’. Il-madmad kienet biċċa għodda li torbot flimkien żewġ annimali, żewġ għoġġiela biex ikunu jistgħu jaħdmu flimkien u l-madmad ta’ Ġesù hu dak li jgħaqqadna flimkien miegħu. Hu wkoll toqol imma jgħidlu: “madmad ħelu u toqol ħafif” (Mt 11:30). Tgħiduli: ‘din mhux kontradizzjoni?’ Imma jekk għandek lil Ġesù miegħek dak li hu tqil isir ħafif, il-madmad li jagħfas fuq spallejk imma li jgħaqqdek miegħu, isir madmad ħelu.

Ma ninsewx li meta l-Mulej jgħidilna: “ejjew għandi” qed jistedinna nsiru tassew ħbieb tiegħu.

Jgħidilna wkoll biex nitgħallmu minnu. Diversi drabi Ġesù juża din l-espressjoni “tgħallmu minni” imma b’mod speċjali f’dan il-mument: “Jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). U jgħidilna wkoll is-sigriet ta’ dan il-mistrieħ li hu jixtieq jagħtina għax il-ħlewwa u l-umiltà huma dawk li se jiggarantulna l-mistrieħ, il-paċi, is-serenità tal-qalb. Jekk aħna nkunu żorri, suppervi ma nafx jekk nistgħux inkunu tassew mistrieħa fir-ruħ u l-qalb tagħna. “Tgħallmu minni għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom” (Mt 11:29).

Il-kelma ‘madmad’ bil-Latin hi iugum u l-Latini kienu jużaw l-kelma coniugium għaż-żwieġ: il-madmad li jżommuh u jgħixuh it-tnejn. Illum nitolbu biex anke għall-miżżewġin ma jinsewx li l-Mulej qiegħed magħhom huma li jerfgħu l-madmad ħelu tas-sagrament taż-żwieġ. Għandhom bżonn ħafna ħlewwa u ħafna umiltà. Nitolbu biex fl-imħabba ta’ xulxin isibu tassew mistrieħ għal ruħhom.


Qari tal-quddiesa
Qari I: Eżodu 3:13-20
Salm: 104 (105): 1 u 5,8-9,24-25,26-27
L-Evanġelju: Mt 11:28-30

Sors: www.knisja.mt

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading