Sliem għalik, inti li ġejt mimlija bil-grazzja minn Alla

Print Friendly, PDF & Email

Paniġierku fil-Festa tat-Tħabbira tal-Mulej
Knisja Parrokjali Ħal-Balzan
Minn Dun Pawl Sciberras
9 ta’ Lulju 2023

Introduzzjoni

Kif taqbad tlissen u tħażżeż bil-miktub fi kliem il-bnedmin il-misteru li jħallik b’ħalqek miftuħ tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla? Kif taqbad iddomm x’ġara mal-kelmiet ta’ Marija lill-Anġlu Gabrijel: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek”?

L-Appostlu Missierna San Pawl ma qagħadx jomogħdha wisq u ħa minn innu li diġà kien jintuża fil-ġmiegħi insara ta’ żmienu u ħażżu fl-Ittra lill-komunità nisranija ta’ Filippi, fil-Maċedonja tal-lum. Dik kienet il-belt li minnha Pawlu rifes għall-ewwel darba fl-Ewropa, wara li kien maqful fil-ħabs bħala l-priġunier tal-Mulej, aktarx f’Efesu, f’xi s-sena 55. Jikteb hekk fl-Ittra lill-Filippin 2:5-7:

“5 Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù: 6 hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, 7 imma xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem.”

Alla għal kollox fis-sura tal-bnedmin.

Aktar tard, qrib is-sena 100 WK, l-evanġelista Ġwanni jistqarr il-misteru tal-Inkarnazzjoni b’pinzellati meħuda mill-ħajja ta’ kuljum tal-bnedmin ta’ żmienu, biex juri li Alla sar bniedem bħali u bħalek: “U l-Verb sar bniedem u waqqaf it-tinda tiegħu f’nofsna” (Ġw 1:14) – L-Iben ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna.

Alla jsir bniedem għalija u għalik; imma wkoll Alla magħna, kif jgħid Isaija fl-Ewwel Qari:

“Ix-xebba ssir omm u jkollha iben u ssemmih Alla magħna”.

Is-Solennità tal-lum, il-festa tal-parroċċa tagħkom, fi kliem il-Kostituzzjoni Veritatis gaudium #3 (a) – il-Ferħ li tnissel il-verità tal-Papa Franġisku tal-2017, tiġbor din it-tħabbira bħala: “l-aħbar dejjem friska u attraenti tal-Evanġelju ta’ Kristu Ġesù, li tkompli titlaħħam fil-ħajja tal-Knisja u tal-umanità.”

Il-misteru tal-Verb ta’ Alla li sar bniedem u l-analoġija tal-“kelma”

Jekk nitkellmu fuq l-Inkarnazzjoni tal-Kelma jew tal-Verb ta’ Alla, ma nistgħux ma niqfux ftit biex nibdew nitkellmu fuq “il-kelma” innifisha, u l-funzjoni tagħha.

Donnu tagħmel vjaġġ twil il-kelma biex titlissen u tinstema’, tiġi obduta, titwettaq! Imma hekk hu: vjaġġ mill-profondità, mill-qiegħ tal-bniedem sa widnejn u qalb min jismagħha!

Kelma titnissel mill-ġewwieni profond ta’ min jgħidha (Alla jew il-bniedem), mill-intimità tiegħu, għax titlaq minn ħżuż u ideat li jinbtu fil-moħħ u l-qalb, u bir-rieda tal-bniedem, jintbagħtu messaġġi lill-ġisem kollu, li l-moħħ u l-qalb, iċ-ċentru tal-bniedem, iridu joħorġu minnhom infushom billi jlissnu dik il-kelma, dik il-frażi, dik is-sentenza, dak id-diskors. Mill-interjorità u l-intimità ta’ dak li jlissen il-kelma, iwieġeb l-ewwelnett in-nifs li joħroġ mill-pulmuni għal fuq il-kordi vokali fl-għonq. Minn fuq il-kordi tal-leħen fl-għonq, in-nifs jinbidel f’ħoss fil-ħalq permezz tal-ilsien u x-xufftejn, li bil-mod kif ibiddlu l-forma tagħhom, tifforma l-kelma, il-frażi, is-sentenza.

Il-moħħ, jew il-qalb, jagħmel dan bil-faċilitajiet u l-funzjonijiet tiegħu kollha:

bir-rieda u bid-deċiżjoni: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38); “Jekk jista’ jkun ħa jitbiegħed minni dan il-kalċi, imma mhux kif irrid jien, imma kif trid inti jkun magħmul” (Lq 22:42);

bil-kreattività: kelma nista’ ngħidha b’ħafna modi: b’ton baxx mhux ngħajjat; b’mod ta’ ċajt jew b’serjetà kbira; immur dritt għall-punt jew b’ħafna tidwir mal-lewża;

bis-sens kritiku jew inkwiżittiv, bis-sens ta’ dixxerniment: “Kif ikun dan la jiena ma nagħrfax raġel?” (Lq 1:34) …

Il-punt li rrid nenfasizza hawnhekk huwa kemm il-kelma hija marbuta ħaġa waħda mal-interjorità, mal-l-intimità u mal-ispirtu ta’ min ilissinha, li jċaqalqu prattikament il-ġisem kollu.

Qatt waqaft għal mument wieħed biss biex issammarha f’qalbek li l-kelma – li int ukoll tuża tant ta’ spiss – għamlet lil Alla bniedem?

Qatt waqaft biex tara l-valur tal-kelma li inti għandek id-don tagħha, għax tista’ titkellem?

Qatt waqaft għal mument wieħed biss qabel tniżżel dak li ġiek f’moħħok fuq Facebook u l-bqija tal-media u l-mezzi soċjali?

Alla jlissen Kelmtu

U mhux dak ukoll li jagħmel Alla meta jrid jirrivela, juri lilu nnifsu lilna bnedmin. Aħna nistgħu nitkellmu ta’ bniedmin. Allura l-proċess tar-rivelazzjoni ta’ Alla nesprimuh fi kliem u f’ideat il-bnedmin. Il-qalb ta’ Alla trid tlissen u tnissel dak li trid għall-bnedmin. In-Nifs Qaddis ta’ Alla, l-Ispirtu Qaddis tiegħu, l-Ispirtu s-Santu joħroġ mill-ġewwieni ta’ Alla biex iwassal dak li jrid jgħid dwaru nnifsu lill-bnedmin. Dak in-Nifs Qaddis jgħaddi minn għonq Alla. Inċidentalment, waħda mill-kelmiet biex tgħid għonq fl-ilsien Lhudi, ilsien it-TQ, imma wkoll ilsien Ġesù, l-Appostli u l-ewwel insara, hija l-kelma néfex, bl-istess konsonanti tal-kelma Maltija ‘nifs’, spirtu. Minn hemm u permezz tal-Ispirtu tiegħu għal fomm Alla, li jaqsam magħna l-bnedmin dak li jrid jirrivelalna.

Jaqbadha tajjeb Isaija din l-idea tal-qawwa ħallieqa ta’ kelmet Alla, meta jgħid: “10 Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet, u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art, imma jġegħluha tnissel u tnibbet, u tagħti ż-żerriegħa ’l min jiżra’ u l-ħobż ’il min jiekol, 11 hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel” (55:10-11).

Ieqaf minuta: Alla nnifsu qed jgħid li kull kelma għandha l-konsegwenzi tagħha.

Tħallihiex toħroġ minn qalbek, minn fommok jekk taf li mhux se tagħmel ħlief ġid!

Ġesù, il-Kelma/Verb

Issa jekk kelma tikxef, tirrivela dak li hemm fil-ġewwieni ta’ min ilissinha u ta’ Alla li jrid jirrivela lilu nnifsu lilna bnedmin, liema kelma attiva tista’ tirrivela aħjar lil Alla nnifsu u l-intimità tiegħu għalina bnedmin jekk mhux Ġesù Kristu? Mhux għalhekk hu stess – il-Kelma, il-Verb Inkarnat – jgħid: “Il-Missier u jien, aħna ħaġa waħda” (Ġw 10:30); u lil-Lhud li ma ridux jilqgħuh, Ġesù, l-Verb Inkarnat ilumhom: “madankollu [intom lill-Missier] ma għaraftuhx. Imma jiena nafu … U mhux biss nafu, imma wkoll inħares il-kelma tiegħu” (Ġw 8:55).

Il-festa tal-Lunzjata, ta’ Marija Annunzjata, imħabbra, hija l-festa tal-istedina ta’ Alla nnifsu biex jaqsam il-fidwa tiegħu mal-bnedmin maħluqa minnu stess. Għax dak li hemm fl-intimità ta’ Alla għall-bnedmin, dak li Alla jixtieq jgħid il-ħin kollu lilna bnedmin huwa biss ‘Jien inħobbok; jien irrid insalvak; jien irrid nifdik’. Il-festa tal-istedina ta’ Alla lil Marija, kreatura ta’ Alla bħall-bnedmin kollha, biex tkun il-mezz li Ibnu, Alla hu wkoll, isir bniedem, u b’hekk is-Salvatur u l-Feddej tal-bnedmin kollha. Hija l-festa ta’ din il-Kelma Attiva, ta’ dan il-Verb Inkarnat ta’ Alla lill-bnedmin: Jien inħobbok b’mod personali, jiġifieri fil-Persuna ta’ Ibni nnifsu, Ibni-Alla li tajtulek bniedem bħalek, biex lilek jagħmlek bħali, jekk trid.

L-istedina biex Marija ssir Omm l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, imma wkoll l-assikurazzjoni mingħand Alla li hu jagħtiha kull ma għandha bżonn biex dan tista’ twettqu. Mhux hekk ħabbritilna l-Knisja llum fl-Evanġelju Mqaddes skont San Luqa? Mhux għalhekk li għall-kelma ta’ Alla permezz ta’ Gabrijel: “Inti tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù” (Lq 1:31), hi wieġbet bil-libertà għal kollox ħielsa tagħha: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont … xhiex? Skont Kelmtek!” (1:38), jiġifieri r-rieda tiegħek, ix-xewqa l-iktar intima u profonda tiegħek. Bħalma qaltilna l-Kelma ta’ Alla fl-Ittra lil-Lhud: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla… “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek.”

Fil-misteru tat-Tħabbira lil Marija nikkontemplaw kreatura speċjali, li Alla għaniha sa mill-bidu tat-tnissil tagħha bil-ġmiel ta’ qdusija unika, u għalhekk b’libertà għal kollox sħiħa, għax id-dnub ma messilha qatt ir-rieda u l-libertà tagħha. Għalhekk l-Anġlu Gabrijel sejħilha “mimlija bil-grazzja” bi kmand ta’ Alla nnifsu … u ma setax isellmilha b’titlu ieħor! Káire, kekaritōmḗne! Ave, gratia plena! Sliem għalik, mimlija bil-grazzja!Imma t-test oriġinali Grieg tal-evanġelju jqiegħed it-tislima “mimlija bil-grazzja” mhux bħala kisba min-naħa tagħha (kieku bl-Ingliż ngħidu: full of grace), riżultat ta’ kemm għamlet tajjeb hi, imma bħala l-ħidma ta’ Alla fiha (filled with grace): int li ġejt mimlija minn Alla bil-grazzja tiegħu. Mimlija għax hu mliek.

U bi grazzja ma nifhmux xi favur, pjaċir minn Alla lejha – bħal meta ngħidu: qlajt grazzja. Il-kelma grazzja – káris – tfisser don, favur, rigal, imħabba mogħtija b’xejn, mingħajr ma dak li jkun ikun għamel xi ħaġa speċjali biex tkun tistħoqqlu! Mhux għax nitlob ħafna, mhux għax insum; mhux għax nagħti karità; mhux għax nisma’ ħafna quddies; mhux għax ngħix tajjeb… Alla jaqlagħli l-grazzja … imma b’għotja ta’ mħabba b’xejn mill-qalb ta’ Alla.

Alla ma jaqlagħlix; Alla jagħtini, u jagħtini b’xejn!

L-imħabba kollha ta’ Alla, il-grazzja kollha ta’ Alla fil-milja tagħha li hu għandu għal Marija, ingħatat lilha bħala Omm Alla, filwaqt li baqgħet bniedma, mara, maħluqa minn Alla bħalna l-bnedmin kollha. Ir-rieda tagħha lejn Alla, għax ma kinitx imdgħajfa bid-dnub oriġinali, setgħet tkun rieda ħielsa għal kollox, b’mod perfett. L-iva tagħha – “ħa jsir minni skont kelmtek” – kienet iva ħielsa biex b’hekk kelmitha setgħet, ma’ Kelmet Alla, tagħti frott ukoll ħieles għal kollox minn kull ħjiel ta’ dnub: il-frott imbierek tal-ġuf tagħha, Ġesù.

Sliem għalik, int li int mimlija bl-imħabba u l-ħajja nnifisha ta’ Alla kollok kemm int għax Alla nnifsu ried li jimliek bil-ħajja tiegħu stess.

Bil-kunsens għal kollox ħieles tagħha stess għall-Kelma ta’ Alla, bint Adam, għax bniedma, saret omm l-Iben ta’ Alla, omm Ġesù.

Hekk kien qal Alla permezz tal-Profeta Iżaija: “Hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”

Din il-Kelma li Alla bagħat fid-dinja kienet kelma personali, kelma-persuna. “Jien irrid naħfer lid-dinja, nifdiha u nerġa’ nħabbibha miegħi”. Din il-kelma, din l-espressjoni tar-rieda kollha mħabba tiegħu, riedha tkun tant sħiħa, tant tesprimi b’mod perfett ir-rieda tiegħu li jifdi lill-bnedmin, li wassalhielna f’persuna: il-persuna tal-Iben il-Waħdieni tiegħu. U hekk kif, kull darba li Alla ried joħloq xi ħaġa, Alla qal – u hekk sar; hekk ukoll qal għall-bniedem: “Ħa nagħmlu l-bniedem xbieha tagħna” … u l-bniedem sar, il-bniedem inħalaq. U Alla mexa bl-istess proċess meta ried joħloq il-ħniena, il-maħfra, il-ħbiberija tiegħu lill-bnedmin. U dik il-kelma seħħet. Dik il-kelma saret. Dik il-Kelma Inkarnat, ħadet il-forma ta’ demm u laħam, ta’ bniedem, l-ewwel fir-rieda ħielsa u mbagħad fil-ġuf purissimu ta’ Marija: il-bniedem Ġesù.

Imma skont Alla nnifsu fi kliem Isaija, kien jeħtieġ li dik il-kelma twettaq, tagħmel, iġġib fis-seħħ dak li Alla bagħatha tagħmel. Kien jeħtieġ il-kunsens, l-aċċettazzjoni. U dak il-kunsens, dik l-aċċettazzjoni tasal f’Marija. “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek”.

Marija tistaqsi

Marija, għax ir-rieda tagħha ma kinitx imdgħajfa mid-dnub, xorta riedet li l-kunsens u l-aċċettazzjoni tagħha jkunu deċiżjoni tagħha b’rieda sħiħa ta’ dak li qed tagħmel; ma riditx tagħti l-kunsens tagħha bħal xi fatalità: ħeq, lil Alla se tgħidlu le?! U talbet l-ispjegazzjonijiet li kull bniedem jitlob meta mqiegħed quddiem għażliet liberi u ħielsa li jqiegħed quddiemu Alla nnifsu. “Kif ikun dan ladarba ma nagħrafx raġel?” Inti għedtli, qalet lil Gabrijel, li l-iben li jien se nnissel fi ħdani se jkun qaddis u se jkun Bin Alla. Qatt ma ġrat li bniedma tagħti tnissil u twelid lil Alla. Jiena u Ġużeppi għadna ma noqogħdux flimkien. It-tarbija mhux se tkun tiegħu, inkella ma jkun xejn barra mill-ordinarju, ma jkunx Alla, Bin il-Għoli. Mela kif se jseħħ dan?

Alla jwittilha t-triq permezz tal-Anġlu. “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa ta’ Alla l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek” … eżatt bħalma kien ġara fi żmien il-ħelsien tal-Poplu Lhudi mill-jasar tal-Eġittu. Meta Alla ta l-Kliem tal-Patt, il-kliem ta’ dak li xtaq Alla mill-Poplu tiegħu fil-Kmandamenti lil Mosè għall-Poplu Lhudi, is-sħaba tal-preżenza ta’ Alla għattiet il-Muntanja Sinaj (Eż 19:9-16; 24:15-18) u t-Tinda tal-Laqgħa. Bħal dik is-sħaba tal-preżenza ta’ Alla, hekk l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu ta’ Alla, jdellel u jgħatti lil Marija nnifisha biex il-Verb tar-rieda kollha mħabba tiegħu seta’ jsir bniedem. Ir-rieda ta’ Alla, dak li għandu f’qalbu u f’moħħu Alla għall-bnedmin, espress fil-kliem tal-kmandamenti, tagħmel lil Alla nnifsu preżenti fost il-bnedmin: Għimmanu-El. Hekk, bħalma r-rieda ta’ Alla għal Marija, espressa fil-persuna ta’ Ibnu Ġesù stess, iġġib il-preżenza ta’ Alla-bniedem fil-ġuf ta’ Marija. Marija ssir Omm, mhux tal-kelma u l-kliem ta’ Alla, imma ta’ Alla nnifsu għax dik il-kelma li hi tat il-kunsens għaliha kienet l-intimità, l-interjorità, ta’ Alla nnifsu, Alla mnissel għax imlissen, magħmul bniedem.

Il-fedeltà ta’ Marija

Il-fedeltà ta’ Marija lejn Alla toħroġ propju hawnhekk. Anzi toħroġ erba’ aspetti ta’ fedeltà:

1) l-ewwel aspett ta’ fedeltà hija d-dimensjoni tat-tiftix, dak li llum insejħulu dixxerniment. Marija kienet mimlija fedeltà lejn Alla l-ewwelnett meta bdiet kollha mħabba tfittex is-sens profond tal-pjan ta’ Alla fiha, għaliha u għad-dinja: “Kif ikun dan?”

U jien? Infittex? Nagħmel ħilti li ninżel fil-fond tar-rieda ta’ Alla għalija?

2) It-tieni aspett ta’ fedeltà huwa l-aspett tal-aċċettazzjoni: li tilqa’ dak li fl-aħħar mill-aħħar joħroġ mit-tfittxija għar-rieda ta’ Alla. Il-“kif ikun dan?” jinbidel fuq fomm Marija għal: “ħa jsir minni skont kelmtek”; ħa jseħħ fija; nilqa’ kelmtek; naċċetta! Dan hu l-mument fundamentali tal-fedeltà. Huwa l-mument li fih il-bniedem – jiena u inti – jagħraf li qatt ma hu se jasal jifhem għal kollox il-“kif?”; li, jipprova kemm jipprova, ma hu se jasal qatt li jifhem ir-rieda ta’ Alla għal kollox. Imma f’telqa ta’ fidi u fiduċja, ilissen xorta waħda l-iva tiegħu lil Alla.

U jien? Lil Alla ngħidlu iva u nagħmel ir-rieda tiegħu, għax m’hemmx x’tagħmel? Għax lil Alla mhux se tgħidlu le?

3) It-tielet aspett tal-fedeltà huwa l-konsistenza, il-qbil f’illi wieħed jgħix skont dak li jemmen, u li jemmen dak li hu skont ir-rieda ta’ Alla. U dan il-qbil, din il-konsistenza, timbuttah lill-bniedem biex jadatta ħajtu għal dak li jaqbel miegħu f’dik li hi r-rieda ta’ Alla għalih. Il-konsistenza – dan it-tielet aspett – tgħin lili u lilek li nilqgħu saħansitra li nkunu persegwitati, li nkunu mfixkla, li ma jifhmuniex, li ma jkunx jaqblilna materjalment … biex nibqa’ konsistenti bejn dak li nemmen u dak li nipprattika, dak li ngħix. Din hija l-fedeltà fil-konsistenza.

U jien? Bejn kliemi u l-fatti ta’ ħajti, hemm … baħar jikkumbatti?

4) Imma l-fedeltà trid tgħaddi minn eżami iebes u tqil: l-eżami taż-żmien. Ir-raba’ aspett tal-fedeltà huwa l-kostanza. Huwa ħafif li wieħed ikun konsistenti – jgħix skont dak li jemmen, u li jemmen dak li hu skont ir-rieda ta’ Alla – għal jumejn, tlieta, ġimgħa u forsi iktar. Imma mhux daqshekk ħafif, għalkemm mill-aktar meħtieġ, li wieħed ikun konsistenti dejjem, ħajtu kollha. Mhux tqil tkun konsistenti f’mumenti ta’ entużjażmu; huwa diffiċli fis-siegħa tal-prova, tat-tbatija, tal-persekuzzjoni. U hija biss konsistenza li ttul għall-ħajja kollha li tista’ tissejjaħ fedeltà.

Fil-fatt: fil-każ ta’ Marija ta’ Nazaret, il-“ħa jkun minni skont kelmtek” fit-Tħabbira sabet il-milja u l-qofol tagħha, fejn? Meta Binha kien jagħmel il-mirakli; jitma’ l-folol bil-ġuħ; isikket u jxejjen ix-xjaten, jimxi fuq l-imwieġ? … Fil-“ħa jsir minni skont kelmtek” siekta li tenniet wieqfa ħdejn is-salib ta’ Binha!

U jien? Meta “jkun minni skont kelmtek”: meta kelmtek tkun taqbel ma’ moħħi?

L-Inkarnazzjoni: misteru li għandu x’jaqsam miegħi ukoll

San Luqa jibda r-rakkont tal-Annunzazzjoni, tat-Tħabbira, billi donnu jibni l-karta tal-identità ta’ Marija. Fis-sitt xahar … tat-tqala tal-għaġeb ta’ qaribitha Eliżabetta. Jgħidilna mill-ewwel min kien is-surmast tas-sinfonija providenzjali u divina li kien se jmexxi kollox: “Alla bagħat l-Anġlu Gabrijel”. L-indirizz: Nazaret, belt tal-Galilija fil-Palestina. L-istat ta’ Marija: “xebba mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi”. Il-familja ta’ Ġużeppi: l-istess waħda tas-Sultan David. U fl-aħħar isimha stess, biex jinkuruna kollox. Bniedma ħafna bħali u bħalek.

Imma lanqas ma hi bniedma maqtugħa għaliha waħidha, donnha ġo bozza speċjali: kienet bniedma soċjali – b’Ġużeppi bħala l-għarus tagħha, Eliżabetta bħala qaribitha li kienet qed tistenna tarbija sa minn 6 xhur, il-misteru mdaħħal fil-ħajja u fil-familja tas-Sultan David, u għalhekk anke tal-Poplu Lhudi, u wkoll tal-bnedmin kollha, għax is-saltna ta’ dak li kien se jitwieled minnha ma kienx se jkollha tmiem. Misteru li telaq mingħand Alla imma li se jgħaqqad lill-bnedmin kollha ma’ Alla mill-ġdid: din it-tarbija Alla-bniedem jissejjaħ Bin Alla.

Kif ikun dan?

U allura Marija tistaqsi: kif ikun dan? Kif dan li qed tgħidli minn fomm Alla nnifsu se jeffettwa lili, lil żewġi Ġużeppi, lill-poplu tiegħi, lill-bnedmin kollha? Kif ikun dan? … Bħalma nistaqsu jien u int!

Kif inrabbi lil uliedi skont il-fidi nisranija, anke f’dinja li qed twarrab lil Alla minnha kemm jista’ jkun?

Kif jista’ jkun li ma nikkompromettix iż-żwieġ tiegħi b’kunfidenzi żejda, b’diżrispett lejn żewġi/marti/il-familja?

Kif jista’ jkun dan li ma nimxix kif qed jimxi kulħadd, ma nagħmilx kif jaqbilli fil-business, fix-xogħol tiegħi?

Kif jista’ jkun li ma nużax il-kapaċitajiet tiegħi, dak li nagħmel, id-doveri u x-xogħol tiegħi stess għalija biss u fejn jaqbel inqabbel, imma wkoll għall-ġid tal-oħrajn?

Għeluq – Ħa jsir minni u minnek skont kelmtek, Mulej

Fil-ħajja ta’ kuljum nista’ nagħżel li niekol il-ħobż ismar jew abjad, nilbes il-cotton jew synthetic, immur bil-karozza jew b’tal-linja, bir-rota jew bil-mixi. Fuq livelli iktar fit-tul, nista’ nagħżel li nsir għalliem jew bankier, bidwi jew furnar, bennej jew xufier, nurse jew tabib, avukat jew skrivan … Ma kinitx dan it-tip ta’ għażla li kellha quddiemha Marija. Kienet għażla li talbet minnha tidħol f’misteru infinit, misteru li se jeffettwa lill-bnedmin kollha, misteru li fih Alla se jisplodi f’fiduċja u f’fidi fil-bnedmin, kif jaf jagħmel biss Alla. Imma l-istess it-tweġiba tagħha: ma kinitx għażla bejn kulur u ieħor, x’tiekol jew ma tikolx, x’issir ’il quddiem, tagħmilx ħaġa mod jew mod ieħor … kienet tweġiba li tfisser għażla bir-rieda sħiħa kollha tagħha: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; irrid bir-rieda sħiħa kollha tiegħi li jsir minni skont kelmtek.”

Nistgħu ma nagħmlux tagħna din l-istqarrija ta’ fidi f’Alla u din it-telqa ta’ fiduċja sħiħa jekk irridu li l-misteru tal-Inkarnazzjoni li ħaddnet Marija bir-rieda kollha tagħha jħalli l-frott li ried Alla?

“Hawn jien il-qaddej, il-qaddejja tal-Mulej. Ħa jsir minni skont kelmtek.” Ammen.

Nerġgħu ndaħħlu d-drawwa sabiħa li nitolbu t-talba evanġelika tal-Angelus fit-8.00, f’nofs in-nhar u fil-5.00 ta’ filgħaxija. Min jaf kieku, jekk tista’, żżomm fuqek,  madwar għonqok, fil-but, fil-portmoni, il-badge li jużaw is-Soċi tal-MUSEUM, jew immaġni tagħha, il-Verbum Dei, li hija minnha nnifisha t-tħabbira tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, imma li għax nemmnu fit-tifsira tiegħu dan il-misteru, inġorruh fuqna fil-ħajja ta’ kuljum, kull fejn inkun

%d bloggers like this: