Malta Missjuna ta’ Awwissu 2023

“Ix-xahar t’Awwissu għalina l-Maltin ma jfissirx biss sħana, vaganzi u safar, imma qabel kollox ifisser: Santa Marija. Kemm hija maħbuba u kemm għandha post speċjali fil-qalb ta’ kull Malti Santa Marija! Imma biżżejjed dan? Għax il-Madonna hija aktar minn hekk”, jgħid fil-messaġġ tiegħu Dun Victor Agius, Direttur ta’ Missio Malta.

Matul ix-xahar t’Awwissu tista’ taqra aktar dwar dan il-messaġġ fil-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun ser jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin. F’artiklu minnhom naqraw dwar l-Assemblea Ġenerali Annwali tad-Direttur Nazzjonali kollha ta’ Missio li saret f’Ruma f’Ġunju. F’artiklu ieħor niltaqgħu ma’ Patri Joseph Mary Grixti OFM Cap li jaqsam l-esperjenza tiegħu fil-missjoni għal ħafna snin mal-foqra fil-Kenja kif ukoll mar-refuġjati tal-Gwerra tal-Golf, li sabu kenn fit-Turkija.

Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt  Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading