Il-Papa jistqarr mal-ġurnalisti, li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lisbona kienet esperjenza “sabiħa”.
Waqt it-titjira tar-ritorn lejn Ruma mill-Vjaġġ Appostoliku tiegħu fil-Portugal għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2023, il-Ħadd filgħaxija, l-Papa Franġisku qal li kien impressjonat b’mod pożittiv ħafna bil-parteċipazzjoni u l-entużjażmu enormi li wrew tant żgħażagħ f’Lisbona u wkoll mill-organizzazzjoni ta’ suċċess tal-avveniment, l-aħjar minn dawk kollha li s’issa attenda (Rio de Janeiro, Krakovja u l-Panama).
“Għalija kien sabiħ!”, qal lill-ġurnalisti li kienu qed jivvjaġġaw miegħu fil-konferenza stampa tas-soltu li huwa jagħmel wara ż-żjara li jkun għamel, abbord it-titjira lejn Ruma.
F’kumment dwar li għal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, attendew aktar minn miljun żagħugħ, il-Papa rrimarka “li huma reliġjużi, u li qed ifittxu fidi mhux ostili, mhux artifiċjali, mhux legali, imma laqgħa ma’ Ġesù Kristu”, li “m’hix faċli”, qal.
Xi wħud jistgħu joġġezzjonaw li llum iż-żgħażagħ mhux dejjem jimxu mar-regoli morali, iżda, l-Papa Franġisku rrimarka, “aħna lkoll niżbaljaw fil-ħajja, u minkejja dan, il-Mulej dejjem jistenniena għax hu ħanin”.
“Min fostna ma żbaljax moralment f’ħajtu? Kulħadd żbalja! L-ħajja hekk hi, imma l-Mulej dejjem jistenniena għax hu ħanin.”
Filwaqt li enfasizza l-ħtieġa li nakkumpanjaw liż-żgħażagħ, il-futur tagħna, hekk kif “qed ifittxu li jħarsu ‘l quddiem”, il-Papa Franġisku saħaq għal darb’oħra l-importanza vitali tad-“djalogu bejn ix-xjuħ u ż-żgħażagħ” biex ma jitilfux l-għeruq tagħhom.
Fil-konversazzjoni li kellu mal-ġurnalisti, l-Papa tkellem ukoll dwar is-saħħa tiegħu, fuq it-talb sieket tegħu għall-paċi ġewwa Fatima, fuq l-abbuż sesswali, fuq iż-żjara tiegħu li jmiss lejn Marsilja, fi Franza, u fuq l-affermazzjoni tiegħu li l-Knisja hija miftuħa għal kulħadd mingħajr eċċezzjoni (“Todos, todos, todos”, kif tenna diversi drabi waqt il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ).
Mistoqsi minn ġurnalista jekk jaħsibx li din l-affermazzjoni kienet b’xi mod inkoerenti mal-fatt li xi nies, bħal persuni omosesswali, m’għandhomx l-istess drittijiet u ma jistgħux jirċievu xi Sagramenti, l-Papa Franġisku tenna li l-Knisja Kattolika tilqa’ lil kulħadd u li għandha d-dmir li takkumpanjahom fi triq personali ta’ spiritwalitá, imma fil-qafas tar-regoli tagħha.
“Il-Knisja hija miftuħa għal kulħadd imma hemm liġijiet li jirregolaw il-ħajja ġewwa l-Knisja,” qal. Skont dawn il-liġijiet, ċerti nies ma jistgħux jieħdu sehem f’(xi) Sagramenti. “Dan ma jfissirx li hija magħluqa. Kull persuna jista’ jiltaqa’ ma’ Alla bil-mod tiegħu jew tagħha ġewwa l-Knisja”, qal il-Papa.
Il-Papa Franġisku ġie mistoqsi wkoll dwar il-laqgħa privata tiegħu ma’ grupp ta’ vittmi ta’ abbuż f’Lisbona, u l-opinjoni tiegħu dwar il-politika tal-Isqfijiet Portuġiżi biex jindirizzaw il-pjaga tal-abbuż sesswali fil-Knisja, wara l-pubblikazzjoni riċenti minn kummissjoni indipendenti juri li fl-aħħar deċennji, fil-pajjiż kien hemm kważi 5,000 vittma. L-Papa Franġisku qal li l-affarijiet sejrin tajjeb f’dan ir-rigward u tenna li kull forma ta’ abbuż kontra l-minoreni u persuni vulnerabbli, kemm jekk sesswali u kemm jekk le, trid tiġi indirizzata mill-Knisja u mis-soċjetá inġenerali.
Fl-aħħar nett, ġurnalista Franċiż staqsa lill-Papa Franġisku dwar iż-żjara li jmiss fil-belt Franċiża ta’ Marsilja, f’Settembru li ġej, u r-raġuni tiegħu għala qatt għadu ma żar Franza bħala pajjiż. Il-Papa Franġisku spjega li l-iskop speċifiku taż-żjara huwa li jingħaqad ma’ konferenza internazzjonali organizzata mill-arċidjoċesi (ir-“Recontres Méditerranéennes”) li tiġbor isqfijiet u mexxejja reliġjużi tal-Mediterran biex jiddiskutu, fost oħrajn kwistjonijiet ta’ immigrazzjoni fir-reġjun, kwistjoni li huwa ta’ tħassib partikolari għalih. “L-isfruttament tal-migranti huwa att kriminali”, qal b’referenza b’mod partikolari għall-migranti Afrikani Sub-Saharan, imblukkati fl-Afrika ta’ Fuq. Żied jgħid, li bħalissa l-prijorità tiegħu huma pajjiżi żgħar u aktar remoti, aktar milli pajjiżi kbar bħal Franza.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-08/pope-lisbon-wyd-was-a-beautiful-experience.html