It-Tnejn, 14 ta’ Awwissu 2023: Omelija fil-Quddies tal-Velja tal-Għid tal-Assunta mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma. Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.
Omelija mill-Isqof Anton Teuma
Ftit jew wisq, kollha kemm aħna għandna idea ta’ Marija, xi ftit jew wisq kollha kemm aħna nħobbuha, min ftit u min ħafna. Ma jimpurtax kemm inħobbuha, għax Marija hija omm, u l-omm ma tista’ qatt tiċħad lil xi ħadd minn uliedha. Din hija l-esperjenza ta’ ħafna minnkom. Jagħmillek x’jagħmillek ibnek, jiġri x’jiġri, anki jekk ma jibqax jagħrfek bħala ommu jew bħala ommha, int ma tista’ qatt tiċħad il-fatti: li int tajt il-ħajja lil din il-persuna.
U din hi Marija! Inħobbuha ftit jew ħafna, jew xejn, Marija tibqa’ l-Omm tagħna. U bħal kull omm vera, jew aħjar, iktar minn kull omm ta’ din l-art, Marija jimpurtaha minn kull wieħed u kull waħda. Għal Marija aħna importanti.
Illum Marija trid twasslilna messaġġ ċar. Aħna lil Marija ġustament nitolbuha biex tidħol għalina fil-bżonnijiet tagħna. U forsi aktar ma jkollna esperjenza ta’ Marija li taqlgħalna l-grazzji – nitolbuha xi ħaġa u taqlagħhielna – forsi aktar inħossuna qrib tagħha. Jiena nisma’ persuni jgħidu: ‘Jien kull meta tlabtha lill-Madonna Ta’ Pinu, dejjem qalgħetli, qatt ma daħket bija, dejjem daħlet għalija’.
Veru, nagħmlu sew nitolbuha fil-bżonnijiet tagħna. Imma llejla Marija qeed titlobna hi xi ħaġa importanti mhux għaliha, imma għalina. Marija qed tgħidilna x’inhu l-iskop fl-aħħar ta’ ħajjitna, il-ħajja miexja għal destinazzjoni preċiża: biex ilkoll kemm aħna xi darba ningħaqdu flimkien mal-Missier fil-Ġenna. Dan hu l-messaġġ ċar tas-Solennità tal-lum: it-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema.
Marija qed tistieden lil kull wieħed u kull waħda minna biex ikollna tama kbira, biex nimtlew bil-fiduċja. Kemm minna nkunu għaddejjin minn problemi, minn diffikultajiet, minn mard, minn qtugħ ta’ qalb, kultant minn dipressjoni! Marija llum toħroġ quddiemna bħala s-sinjal tat-tama: l-istorja se tispiċċa sew, it-tmiem ta’ ħajjitna hu pożittiv, fl-aħħar hemm tistenniena l-festa tagħna ma’ Alla u flimkien.
Din hija s-Solennità li qed niċċelebraw. U meta jiena u int nafu t-tmiem tagħna liema hu, nafu kif se nispiċċaw, allura nafu x’inhu l-iktar importanti f’din il-ħajja, allura nagħtu importanza lil dak li hu tassew essenzjali f’din l-art.
Importanti li jkollna l-flus, mela le! Importanti li jkollna fejn noqogħdu sew, komdi, mela le! Importanti li t-tfal tagħna jagħmlu suċċess fil-ħajja tagħhom, mela le! Importanti li nkunu stmati mill-oħrajn, mela le! Imma dawn kollha llum jew għada se jispiċċaw. X’se jibqa’? Ħaġa waħda: l-imħabba, qalilna San Pawl (ara 1 Kor 13:13). Dik tibqa’ għal dejjem. Dik hija eterna, ma hemmx mewt għaliha, tissupera lill-mewt. U allura l-iktar ħaġa importanti għalina f’din il-ħajja hi li nħobbu lil xulxin, lil Alla, u nħobbu bi mħabba sana lilna nfusna.
Għax hemm imħabba marida kif tħobb lilek innifsek. Imma ejjew inħobbu bi mħabba sana lilna nfusna, għax Alla, la tana l-ħajja, iħobbna, u ma jixtieqx li aħna niddisprezzaw lilna nfusna, għax aħna ħolqien tiegħu, għax aħna xi ħaġa sabiħa magħmula minnu. Allura jixtieq li aħna naċċettaw u nħobbu lilna nfusna bi mħabba divina, bil-mod ta’ kif iħobbna hu.
Imma xi jfisser dan kollu? Ifisser li rridu nieħdu ħsieb din il-kwalità tal-imħabba matul il-ħajja tagħna ta’ kuljum. Irridu nagħtuha l-importanza tagħha l-imħabba. U kif nagħtuhielha? Billi nkunu qrib tal-għajn ta’ din l-imħabba, li mhu ħadd ħlief Alla. Għandna bżonn kollha kemm aħna npoġġu iktar fiċ-ċentru ta’ ħajjitna lil Ġesù Kristu, il-Kelma tiegħu, l-Ewkaristija. Dawn huma li jibqgħu: l-imħabba, il-Kelma ta’ Alla, l-Ewkaristija. Il-bqija kollu jispiċċa fix-xejn.
Allura mmorru l-knisja, nisimgħu l-quddies, immorru l-laqgħat, nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, nipprovaw nagħmlu karità, inħobbu, mhux għax obbligu, mhux għax bilfors, mhux għax inkella nagħmlu d-dnub, imma għax inkella nkunu nonqsu lilna nfusna, ma nkunux tassew aħna, inkunu qegħdin nidħku bina nfusna, ngħixu f’kummiedja jekk aħna ma nirrispettawx, ma nagħtux importanza lil dak li hu tassew importanti.
Bir-raġun Ġesù fil-Vanġelu tal-lum, lil dik il-mara li qaltlu: “Hieni dak il-ġuf li reddgħek”, jgħidilha: “Imma hienja aktar dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmluha” (Lq 11:27-28). Kien qiegħed ifaħħar lil Marija, u wkoll lil kull wieħed u waħda minna. Kellu f’moħħu lilek li llejla qiegħed hawn biex tisma’ l-Kelma, u qed titħabat fil-ħajja tiegħek, fid-diffikultajiet li jinqalgħulek, fil-problemi li jkollok, biex tpoġġi din il-Kelma ta’ Alla fil-prattika.
Il-Mulej, bl-interċessjoni ta’ Marija, jagħtina li nirrispettaw ħafna lilna nfusna, li ma nidħkux bina nfusna, u li nagħtu importanza f’ħajjitna lil dak li hu tassew importanti, li nagħtu valur lil dak li tassew jibqa’, għax il-bqija kollox jispiċċa. Jekk ma nagħtux valur lil dak hu l-iktar importanti għalina, inpattu wara. U dan Marija ma tridux, għax Marija hija Omm li tassew tħobbna, li tassew tistmana, li trid il-veru ġid tagħna. Il-Mulej, permezz ta’ din il-Velja, jagħtina qawwa u enerġija biex ikollna l-kuraġġ nagħmlu għażliet f’ħajjitna biex inpoġġu fiċ-ċentru dak li hu l-iktar importanti: il-mumenti tat-talb, tal-quddiesa, tal-Ewkaristija, tal-karità, tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, l-imħabba ta’ bejnietna. Il-Mulej jagħtina l-qawwa li nagħtu importanza lil dak li hu importanti. Ommna Marija tidħol għalina