Qari tal-Erbgħa tal-Ħames Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Is-sultana ta’ Saba rat l-għerf kollu ta’ Salamun.
1 Slaten 10, 1-10

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, is-sultana ta’ Saba semgħet bil-fama u tħabrik ta’ Salamun għal isem il-Mulej, u ġiet biex iġġarrbu b’mistoqsijiet iebsa. U ġiet Ġerusalemm b’qatgħa ġmielha ta’ kbarat magħha, u b’iġmla mgħobbija b’tagħbija kbira ta’ ħwawar, u deheb u ħaġar prezzjuż, u ġiet għand Salamun, u qaltlu kulma kellha maħżun f’qalbha. U Salamun weġibha għal kulma staqsietu; xejn ma kien hemm li baqa’ moħbi għas-sultan, li ma kienx jista’ jwieġbu.

U meta s-sultana ta’ Saba rat l-għerf kollu ta’ Salamun u d-dar li kien bena, l-ikel tal-mejda tiegħu, il-kunsill ta’ madwaru, is-servizz tal-qaddejja u lbieshom, il-kuppieri tiegħu, u s-sagrifiċċji tal-ħruq li kien joffri fit-tempju tal-Mulej, baqgħet mistagħġba; u qalet lis-sultan: “Tassew minnu dak li smajt f’arti fuqek u fuq għerfek. Ma ridtx nemmen dawn il-ħwejjeġ qabel ma ġejt u rajt b’għajnejja. U ma kinux ħabbruli n-nofs! L-għerf u l-ġid tiegħek huma aktar milli smajt. Henjin in-nies tiegħek, henjin il-qaddejja tiegħek, li qegħdin miegħek u jisimgħu dejjem l-għerf tiegħek. Ikun imbierek il-Mulej, Alla tiegħek, li tgħaxxaq bik u qiegħdek fuq it-tron ta’ Iżrael, għaliex il-Mulej dejjem ħabb lil Iżrael u għamlek sultan fuqhom biex tagħmel il-ħaqq u l-ġustizzja”.

Imbagħad tat lis-sultan mija u għoxrin talent deheb, kotra kbira ta’ ħwawar u ħaġar prezzjuż: qatt ma ġiet kotra kbira ta’ ħwawar daqs dik li ġiebet is-sultana ta’ Saba lis-sultan Salamun.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 36 (37), 5-6.30-31.39-40

R/. (30a): Minn fomm il-ġust joħroġ kliem l-għerf

Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek,
afda fih, u jagħmel hu.
Hu juri bħad-dawl is-sewwa tiegħek,
u d-dritt tiegħek bħal nofsinhar. R/.

Minn fomm il-ġust joħroġ kliem l-għerf,
u lsienu jgħid is-sewwa.
Il-liġi ta’ Alla tiegħu għal qalbu,
ma jitfixkilx fil-mixi tiegħu. R/.

Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej;
hu l-kenn tagħhom fi żmien l-għawġ.
Il-Mulej jgħinhom u jeħlishom mill-ħżiena,
isalvahom għax fih jistkennu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 17, 17b.a

Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-kelma tiegħek hi l-verità:
qaddisna permezz tal-verità.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem.
Mk 7, 14-23

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem”.

Meta ħalla n-nies u daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh fuq il-parabbola. U hu qalilhom: “Intom ukoll daqshekk bla moħħ? Ma tifhmux li xejn ma jista’ jtabba’ lill-bniedem minn dak li jidħol ġo fih minn barra, la darba dan mhux fil-qalb imur, iżda fl-istonku, biex imbagħad jintrema fil-ħofra?” B’hekk wera li l-ikel kollu hu safi. U qalilhom: “Dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem. Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għejra, malafama, suppervja u bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading