QARI I
Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta’ Ġesù Kristu.
Atti 2:36-41
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru qal lin-nies tal-Lhudija: “Ħa jkun jaf fiż-żgur il-poplu kollu ta’ Iżrael li lil dan Ġesù, li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija”. Dan il-kliem li semgħu laqtilhom qalbhom, u qalu lil Pietru u lill-appostli l-oħra: “L-aħwa, x’għandna nagħmlu aħna?”. U Pietru weġibhom: “Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra ta’ dnubietkom; u intom tirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Għax il-wegħda qiegħda għalikom u għal uliedkom u għal dawk kollha li huma fil-bogħod, dawk kollha li l-Mulej Alla tagħna sejħilhom”. U b’ħafna kliem ieħor tahom xhieda u wissiehom billi qalilhom: “Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin”. Għalhekk dawk li laqgħu kliemu tgħammdu u dakinhar ingħaqdu mad-dixxipli madwar tlitt elef ruħ.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 32(33):4-5,18-19,20,22
R/. (5b): Bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.
Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
niex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.
Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. R/.
SEKWENZA (FAKULTATTIVA)
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 117(118):24
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih!
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Rajt lill-Mulej u tani dil-bxara.
Ġw 20:11-18
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Marija baqgħet ’il barra mill-qabar, tibki. Kif kienet qiegħda tibki, tbaxxiet lejn il-qabar, u rat żewġ anġli lebsin l-abjad, bilqiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn kienu qiegħdu l-ġisem ta’ Ġesù. Huma qalulha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki?”. Hi wieġbet: “Għax ħadu lil Sidi, u ma nafux fejn qegħduh”.
Kif qalet hekk, daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda ma ntebħitx li kien Ġesù. Ġesù qalilha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex?”. Hi ħasbet li kien il-ġardinar, u qaltlu: “Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura”.
Ġesù sejħilha: “Marjam!”. Hi daret u qaltlu bil-Lhudi: “Rabbuni!”, jiġifieri Mgħallem. Ġesù qalilha: “La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier; imma mur għand ħuti u għidilhom li se nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom”. Marija ta’ Magdala marret għand id-dixxipli u tathom l-aħbar: “Rajt lill-Mulej!”, u qaltilhom x’qalilha.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.