Omelija tal-Papa Ljun XIV f’Pompej

ŻJARA PASTORALI TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
F’POMPEJ U NAPLI
QUDDIESA
U SUPPLIKA LILL-MADONNA TA’ POMPEJ
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Pjazza Bartolo Longo, quddiem is-Santwarju tal-Verġni Mqaddsa tar-Rużarju Mqaddes ta’ Pompej
Il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju 2026

Għeżież ħuti!

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”. Dawn il-kelmiet, li bihom weġibna għall-Ewwel Qari, igelglu mill-qalb tal-Verġni Marija hija u tippreżenta lil Eliżabetta l-frott tal-ġuf tagħha, Ġesù, is-Salvatur. Warajha, jgħannu lil Kristu Żakkarija, missier Ġwanni l-Battista, u x-xwejjaħ Xmuni. Dawn it-tliet għanjiet jimmarkaw ta’ kuljum it-tifħir tal-Knisja fil-Liturġija tas-Sigħat. Huma l-ħarsa ta’ Iżrael tal-qedem, li jara l-wegħdiet tiegħu mwettqa; huma l-ħarsa tal-Knisja Għarusa, mixħuta fuq l-Għarus divin tagħha; huma impliċitament il-ħarsa tal-umanità kollha, li ssib tweġiba għax-xenqa tagħha għas-salvazzjoni.

150 sena ilu, meta qiegħed l-ewwel ġebla ta’ dan is-Santwarju, fil-post li fih l-iżbroff tal-Vessuvju tas-sena 79 wara Kristu kien difen taħt l-irmied is-sinjali ta’ ċiviltà kbira u pproteġieha għal sekli sħaħ, San Bartolo Longo, flimkien ma’ martu l-Kontessa Marianna Farnararo De Fusco, poġġa l-bażi mhux biss ta’ tempju, imma ta’ belt Marjana sħiħa. Hekk hu esprima l-għarfien ta’ pjan ta’ Alla, li San Ġwanni Pawlu II, meta tkellem f’dan il-post ta’ grazzja fis-7 ta’ Ottubru 2003, fl-għeluq tas-Sena tar-Rużarju, reġa’ nieda għat-Tielet Millennju, fil-perspettiva tal-evanġelizzazzjoni ġdida: “Illum”, huwa qal, “bħal fiż-żminijiet ta’ Pompej tal-qedem, hemm bżonn li nħabbru lil Kristu lil soċjetà li qed tibiegħed mill-valuri Nsara u trid saħansitra tidfen il-memorja tagħhom”.

Eżattament sena ilu, meta ġie fdat lili l-ministeru ta’ Suċċessur ta’ Pietru, kien proprju l-jum tas-Supplika lill-Verġni, dan il-jum hekk sabiħ tas-Supplika lill-Verġni tar-Rużarju Mqaddes ta’ Pompej! Allura ridt niġi hawn, biex inqiegħed is-servizz tiegħi taħt il-ħarsien tal-Verġni Mqaddsa. Imbagħad, ladarba għażilt l-isem ta’ Ljun, dan xeħetni fuq il-passi ta’ Ljun XIII, li kellu, fost il-merti l-oħra, anki dak li żviluppa Maġisteru wiesa’ fuq ir-Rużarju Mqaddes. Ma’ dan kollu nżidu l-kanonizzazzjoni riċenti ta’ San Bartolo Longo, appostlu tar-Rużarju. Dan il-kuntest jagħtina muftieħ biex nirriflettu fuq il-Kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna.

Il-Vanġelu tat-Tħabbira tal-Mulej jintroduċina għall-mument li fih il-Verb ta’ Alla jitlaħħam fil-ġuf ta’ Marija. Minn dan il-ġuf jilma d-Dawl li jagħti t-tifsira sħiħa lill-istorja u lid-dinja. It-tislima li l-anġlu Gabrijel jagħti lill-Verġni hi stedina biex tifraħ: “Ifraħ, mimlija bil-grazzja” (Lq 1:28; ara Sof 3:14). Iva, l-Ave Marija hi stedina għall-ferħ: jgħid lil Marija, u fiha lilna lkoll, li fuq it-tifrik tal-umanità tagħna li ġab id-dnub u allura dejjem inklinata għal abbużi ta’ poter, kefrija u gwerer, niżlet iż-żegħila ta’ Alla, iż-żegħila tal-ħniena, li f’Ġesù tilbes wiċċ uman. Hekk Marija ssir Omm il-ħniena. Dixxiplu tal-Kelma u strument tal-inkarnazzjoni tagħha, tidher tassew bħala l-“mimlija bil-grazzja”. Kollox fiha huwa grazzja! Hija toffri lill-Verb il-ġisem tagħha, u ssir ukoll, kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II fuq il-passi ta’ Santu Wistin, “l-omm tal-membri kollha (ta’ Kristu)… għaliex hija kkoperat bl-imħabba tagħha għat-twelid fil-Knisja tal-Insara li huma l-membri tal-istess ras” (Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 53; ara Santu Wistin, De S. Virginitate, 6). Fl-“Hawn jien” ta’ Marija jitwieled mhux biss Ġesù, imma wkoll il-Knisja, u Marija ssir fl-istess waqt Omm Alla – Theotòkos – u Omm il-Knisja.

Misteru kbir! Kollox iseħħ bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li jdellel lil Marija u jagħti l-ħajja għammiela lill-ġuf verġinali tagħha. Dan il-mument tal-istorja għandu ħlewwa u qawwa li jiġbdu l-qalb u jwassluha għal dak l-għoli kontemplattiv li fih twarrad it-talba tar-Rużarju Mqaddes. Talba li, għalkemm feġġet u żviluppat progressivament fit-tieni millennju, għandha l-għeruq tagħha fl-istorja tas-salvazzjoni, u sewwasew fit-Tislima tal-Anġlu lill-Verġni għandha l-preludju tagħha. “Sliem għalik, Marija”! Ir-ripetizzjoni ta’ din it-talba fir-Rużarju qisha l-eku tat-tislima ta’ Gabrijel, eku li jivvjaġġa fis-sekli u jmexxi l-ħarsa ta’ min jemmen lejn Ġesù, li aħna nħarsu lejh bl-għajnejn u l-qalb tal-Omm. Ġesù meqjum, ikkontemplat, assimilat f’kull wieħed mill-misteri tiegħu, sa ma flimkien ma’ San Pawl nistgħu ngħid: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:19).

Bix-xandir tal-Kelma ta’ Alla qabilha, magħluqa bejn il-Missierna u l-Glorja, is-Sliema li nirrepetu fir-Rużarju Mqaddes hi att ta’ mħabba. Forsi mhux att tal-imħabba dak li tirrepeti bla ma tegħja: “Inħobbok?”. Att ta’ mħabba li, fuq iż-żibeġ tal-kuruna, kif nistgħu naraw fil-kwadru Marjan ta’ dan is-Santwarju, itellagħna għand Ġesù, u jwassalna għand l-Ewkaristija, “għajn u quċċata tal-ħajja Nisranija” (Lumen gentium, 11). Dan kien konvint minnu San Bartolo Longo meta kiteb: “L-Ewkaristija hija r-Rużarju ħaj, u l-misteri kollha jinġabru fis-Sagrament imqaddes f’għamla attiva u vitali” (Il Rosario e la Nuova Pompei, 1914, p. 86). Kellu raġun. Fl-Ewkaristija l-misteri tal-ħajja ta’ Kristu jsibu ruħhom, biex ngħidu hekk, ikkonċentrati fil-memorjal tas-sagrifiċċju tiegħu u fil-preżenza reali tiegħu. Ir-Rużarju għandu fiżjonomija Marjana, imma qalb Kristoloġika u Ewkaristika (ara Ittra appostolika Rosarium Virgins Mariæ, 1). Jekk il-Liturġija tas-Sigħat timmarka l-ħinijiet tat-tifħir tal-Knisja, ir-Rużarju jimmarka r-ritmu tal-ħajja tagħna u jwassalha kontinwment għand Ġesù u l-Ewkaristija.

Ġenerazzjonijiet ta’ nies ta’ fidi ġew magħġuna u mħarsa minn din it-talba, sempliċi u popolari, u fl-istess waqt kapaċi għal livelli mistiċi għoljin u senduq tal-aktar teoloġija Nisranija essenzjali. Fil-fatt, x’hemm aktar essenzjali mill-misteri ta’ Kristu, tal-Isem imqaddes tiegħu, imlissen bil-ħlewwa tal-Verġni Marija? Hu f’dan l-Isem, u fl-ebda isem ieħor, li aħna nistgħu nsibu s-salvazzjoni (ara Atti 4:12). Meta ntennuh f’kull Sliema, b’xi mod inkunu nagħmlu l-esperjenza tad-dar ta’ Nazaret, u kważi nerġgħu nisimgħu leħen Marija u Ġużeppi fis-snin twal li fihom Ġesù għex magħhom. Nagħmlu wkoll l-esperjenza taċ-Ċenaklu, fejn l-Appostli ma’ Marija stennew l-inżul tal-Ispirtu s-Santu. Dan hu dak li wriena l-Ewwel Qari. Kif nistgħu ma naħsbux li, f’dak iż-żmien bejn it-Tlugħ fis-Sema u Għid il-Ħamsin, Marija u l-Appostli tellqu bejniethom min jiftakar l-aktar fid-diversi mumenti tal-ħajja ta’ Ġesù? Ma riedu jaħarbilhom ebda dettall! Kollox riedu jiftakru, jassimilaw, jimitaw. U hekk titwieled il-mixja kontemplattiva tal-Knisja, li tagħha, b’xebh mas-Sena liturġika, ir-Rużarju joffri s-sintesi fil-meditazzjoni ta’ kuljum tal-Misteri mqaddsa. Ġustament ir-Rużarju ġie meqjus kompendju tal-Vanġelu, li San Ġwanni Pawlu II riedu jintegra mal-Misteri tad-dawl. Anki din id-dimensjoni kienet ħajja ħafna f’San Bartolo Longo, li offra lill-pellegrini meditazzjonijiet profondi biex ma jaqgħux għat-tentazzjoni li jagħmlu mir-Rużarju Mqaddes reċita mekkanika u biex jara li jkollu fih in-nifs bibliku, Kristoloġiku u kontemplattiv li għandu jikkaratterizzah.

Ħuti, jekk ir-Rużarju jiġi “mitlub” u, nissogra ngħid, “iċċelebrat” b’dan il-mod, huwa jkun ukoll, b’konsegwenza naturali, għajn ta’ mħabba. Imħabba lejn Alla, imħabba lejn il-proxxmu: żewġt uċuħ tal-istess munita, kif fakkarna t-Tieni Qari, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann, li jagħlaq bl-eżortazzjoni: “Ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa” (1 Ġw 3:18). Għalhekk San Bartolo Longo kien appostlu tar-Rużarju u, fl-istess waqt, appostlu tal-karità. F’din il-belt Marjana hu laqa’ ltiema u wlied ta’ ħabsin, u wera l-qawwa tal-imħabba li tnissel mill-ġdid. Hawn illum ukoll l-iktar ċkejknin u l-iktar dgħajfa huma milqugħa u kkurati fl-Opri tas-Santwarju. Ir-Rużarju jixħtilna ħarsitna fuq il-bżonnijiet tad-dinja, kif saħqet l-Ittra appostolika Rosarium Virginis Mariæ, u pproponiet b’mod partikulari żewġ intenzjonijiet li jibqgħu ta’ attwalità qawwija: il-familja, li qed issofri minħabba li qed tiddgħajjef ir-rabta konjugali, u l-paċi, li qed tiġi pperikolata mit-tensjonijiet internazzjonali u minn ekonomija li tippreferi l-kummerċ tal-armi fuq il-ħajja umana.

Meta San Ġwanni Pawlu II sejjaħ is-Sena tar-Rużarju – is-sena d-dieħla jagħlaq kwart ta’ seklu –, ried iqegħidha b’mod speċjali taħt il-ħarsa tal-Verġni ta’ Pompej. Iż-żminijiet ta’ dakinhar ma tjibux. Il-gwerer li għadhom qed jiġu miġġielda f’tant reġjuni tad-dinja jitolbu impenn imġedded mhux biss ekonomiku u politiku, imma anki spiritwali u reliġjuż. Il-paċi titwieled fil-qalb. L-istess Papa, f’Ottubru 1986, kien ġabar f’Assisi lill-mexxejja tar-reliġjonijiet prinċipali, u stedinhom kollha jitolbu għall-paċi. F’diversi okkażjonijiet anki riċenti, kemm il-Papa Franġisku u kemm jien tlabna lill-fidili tad-dinja kollha jitolbu skont din l-intenzjoni. Ma nistgħux nirrassenjaw ruħna għall-immaġni ta’ mewt li ta’ kuljum juruna l-aħbarijiet. Minn dan is-Santwarju, li l-faċċata tiegħu San Bartolo Longo xtaqha tkun monument lill-paċi, illum nerfgħu bil-fidi s-Supplika tagħna. Ġesù qalilna li kollox jista’ jinkiseb bit-talb magħmul bil-fidi (ara Mt 21:22). U San Bartolo Longo, meta jaħseb fuq il-fidi ta’ Marija, jiddefiniha “omnipotenti bi grazzja”. Għall-interċessjoni tiegħu, ħa jkollna mingħand Alla tas-sliem tiswib kotran tal-ħniena, li tmiss il-qlub, issikket il-korla u l-mibegħda li toqtol l-aħwa, iddawwal lil dawk li għandhom responsabbiltajiet speċjali ta’ tmexxija.

Ħuti, ebda setgħa ta’ din l-art ma tista’ ssalva lid-dinja, imma biss il-qawwa divina tal-imħabba, din il-qawwa divina tal-imħabba li Ġesù, il-Mulej, uriena u tana. Ejjew nemmnu fih, nittamaw fih, nimxu warajh!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading