San Franġisk: Il-bniedem tar-rikonċiljazzjoni

L-Erbgħa, 4 ta’ Ottubru 2023: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi. Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, Victoria.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Naħseb li llum ta’ min jistaqsi mistoqsija importanti għall-ħajja ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Għal liema raġuni San Franġisk kien bniedem ferħan, kif ilkoll naqblu u nafu li kien? Jiena naħseb li jekk jirnexxilna nirriflettu ftit dwar ir-raġunijiet li jwasslu lil San Franġisk biex ikun ferħan, nistgħu ngħinu ħafna lilna nfusna. Imma kien ferħan għax kien bniedem b’saħħtu u qatt ma marad f’ħajtu? Kien ferħan għaliex kellu ħafna proprjetà u flus? Kien ferħan għaliex kien popolari ħafna, ma bata xejn biex beda t-triq flimkien mal-ewwel irħieb tiegħu f’Assisi? Jew għax kien saħansitra approvat u imbuttat fit-triq tiegħu mill-ġenituri tiegħu u sab appoġġ minn ħafna nies? Għalhekk kien ferħan San Franġisk?

Jiena naħseb illi aħna nfittxu l-ferħ f’dan li għadna kemm semmejna: fil-flus, fil-popolarità, fil-proprjetà, fis-saħħa, fil-mod kif nidhru. Imma nistgħu ngħidu li aħna kuntenti, li aħna tassew ferħanin? Jew tonqosna xi ħaġa? Ejjew inkunu sinċieri magħna nfusna. Jiena naħseb li San Franġisk sab is-sigriet u r-raġuni tal-ferħ l-ewwel u qabel kollox fil-konvinzjoni li hu maħbub minn Alla. San Franġisk kellu fidi sħiħa illi Alla jħobbu, li kien importanti ħafna f’għajnejh, b’fiduċja sħiħa f’dan il-Missier tas-Sema. Tant kienet qawwija din il-fiduċja f’dan il-Missier tas-Sema li, kif tafu intom, wasal biex lill-missier tiegħu tal-art jgħidlu: ‘Jien ma baqagħlix bżonnok, ma għandix bżonn tal-ġid tiegħek, għax għandi Missier’. Iltaqa’ mal-imħabba tal-Missier tas-Sema, li qalbitlu ħajtu ta’ taħt fuq.

Aħna x’jinkwetana l-iktar f’ħajjitna? L-inkwiet tagħna f’ħajjitna, jekk ikollna nirriflettu sew, nindunaw li jiġi minħabba r-rabja li aħna jkollna lejna nfusna: għax ġrali hekk, għax ma kellix ngħaddi minn din il-ħaġa, għax l-oħrajn qegħdin jaħsbu hekk fija. Kollna kemm aħna nagħrfu li hemm doża ta’ rabja li aħna għandna kontra tagħna nfusna. Minn fejn jiġi l-inkwiet tagħna? Minn fejn jiġi n-nuqqas ta’ paċi tagħna? In-nuqqas ta’ paċi tagħna jiġi minħabba l-kunflitti li jkollna mal-oħrajn, minħabba li ma naqblux mal-oħrajn, minħabba l-kunflitti li jiġrulna mal-oħrajn. L-inkwiet tagħna jiġi meta aħna ma nħossuniex sew ma’ Alla, meta din l-imħabba ta’ Alla mhux talli ma nħossuhiex, imma talli nimmaġinaw li Alla rrabjat għalina: ikollna viżjoni li mhix vera ta’ kif Alla jġib ruħu magħna fil-ħajja. Meta jkollna l-inkwiet? Meta fid-dinja u fil-ħolqien li ngħixu fih aħna ma nħossuniex parti integrali, ma nħossuniex parti illi hija verament marbuta mal-bqija tal-ħolqien.

Jekk aħna nirriflettu ftit fuq il-ħajja ta’ dan ir-raġel kbir, x’għamel f’ħajtu, minn fejn ġabha l-paċi, il-ferħ? Il-ferħ ġabu minn din il-konvinzjoni, minn din il-fiduċja tal-imħabba li Alla għandu għalih, imma mhux biss. Il-ferħ u l-paċi San Franġisk ġabhom minħabba li pprietka u li għex kontinwament il-ħajja komunitarja, il-ħajja fil-paċi mal-oħrajn, il-maħfra lejn l-oħrajn. Il-ferħ ġabu mill-paċi, mill-integrità, mill-kapaċità tiegħu li jsir ħaġa waħda mal-ħolqien ta’ madwaru, tant li lil Alla jfaħħru fl-Għanja tal-Ħlejjaq, fit-tifħir li jagħtu l-ħlejjaq: mhux ifaħħru għall-ħlejjaq biss, imma jfaħħru mal-ħlejjaq. Għax San Franġisk jaf li huwa ħlejqa, bħalma huma x-xemx, il-qamar, l-annimali, is-siġar, il-ħxejjex… parti mill-ħolqien, wieħed minn u wieħed mal-ħolqien.

San Franġisk kellu dan is-sens ta’ rikonċiljazzjoni – forsi din hi l-kelma li tiġbor kollox fiha: rikonċiljazzjoni miegħu nnifsu, kien fil-paċi miegħu nnifsu, għax jaf li Alla qiegħed iħares lejh b’għajnejn ta’ ħniena u ta’ mħabba. Alla jħares lejna b’għajnejn ta’ maħfra u ta’ mħabba b’xejn, ġara x’ġara f’ħajjitna, għamilna x’għamilna. Din ir-rikonċiljazzjoni San Franġisk għamel esperjenza tagħha matul ħajtu kollha. Meta aħna nagħrfu illi fil-ħajja tagħna aħna maħbubin sew minn Alla, allura l-ħarsa tagħna tkun ħarsa ta’ ħniena, anki lejna nfusna stess.

Imma din il-ħarsa ta’ ħniena lejna nfusna titwessa’, tinxtered, tasal ukoll lejn l-oħrajn. Il-Mulej lilna jistedinna biex inħarsu mhux biss lejna nfusna bl-għajnejn ta’ ħniena, imma nħarsu bl-għajnejn ta’ ħniena lejn xulxin. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna jirnexxilna naċċettaw lil xulxin bid-dgħufijiet tagħna, bid-dnubiet tagħna, bil-weġgħat li nagħmlu lil xulxin! Imma din kollha kemm hi tista’ titlaq biss mill-għajnejn mimlija ħniena li Alla għandu għal kull wieħed u kull waħda minna.

Din il-ħniena, biex tkun sħiħa, biex tassew tnissel paċi fil-qalb ta’ kull wieħed u kull waħda minna, trid titwessa’ u tasal anki lejn il-ħolqien: rispett kbir lejn il-ħolqien ta’ madwarna. Forsi llum aktar minn qatt qabel qegħdin insiru kulma jmur sensittivi għar-rigal tal-ħolqien u tan-natura. Nistaqsu lilna nfusna: kemm qegħdin nirrispettawha lin-natura? Il-mistoqsija li rridu nagħmlu mhix biss kemm nirrispettaw lil xulxin, imma kemm nirrispettaw lill-ħolqien ta’ madwarna. Ħallina ħalli nirrispettaw l-annimali – il-qattus, il-kelb… – u allaħares xi ħadd imissu; imma kemm qegħdin nirrispettaw l-art Għawdxija tagħna? Jew inkella l-art saret sempliċiment mezz ta’ qligħ, ta’ flus għall-interessi personali ta’ xi ħadd jew ta’ xi wħud? Dan kollu jtellifna mill-paċi vera. Altru xħin inqumu nsibu ruħna qalb is-siment u qalb il-ġebel, u altru meta tqum u forsi titbiegħed ftit mid-dar, tista’ tiltaqa’ ma’ ftit arja pura, ma’ ftit natura, ma’ ftit siġar, ma’ ftit raba’, ma’ ftit ħdura, ma’ ftit blat… illi llum kulma jmur qed isiru rari f’pajjiżna. Dan kollu jagħmel differenza kbira fil-paċi tal-qalb tagħna.

San Franġisk jgħallimna li mhux il-flus jagħtuna l-paċi, mhux il-proprjetà, mhux il-ġid jagħmluna nies kuntenti, fil-paċi. Allura dan kollu San Franġisk iċċelebrah b’mod speċjali f’dik il-festa li b’kuraġġ kbir, għax kien imnebbaħ minn Alla u mill-persuna ta’ Ġesù, waqqaf fit-2 ta’ Awwissu: il-festa tar-rikonċiljazzjoni, tal-maħfra sħiħa u ta’ kulħadd, tal-maħfra ta’ kull dnub. Tant kienet għalih importanti din il-festa, tant hi ħaġa waħda mal-Ordni tiegħu, li din il-festa tiegħu bdiet proprju fil-Porzjunkola, hemm f’dawk l-inħawi fejn iltaqgħu l-ewwel irħieb, fejn seħħet l-ewwel komunità. Il-bżonn li kull wieħed u kull waħda minna nagħrfu li aħna maħbubin, li aħna maħfurin minkejja d-dnub tagħna. Aħna midinbin maħbubin, aħna midinbin maħfurin.

Din hija l-Aħbar it-Tajba, b’mod speċjali fil-kuntest tas-Sena Pastorali li qegħdin nibdew fil-gżira u fid-Djoċesi tagħna. Din is-Sena nistgħu ngħidulha ‘tal-Maħfra’: is-sena li tiffoka fuq is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, is-Sagrament tal-Qrar. Il-qrar mhux biss li neħles mill-problemi u d-diffikultajiet tiegħi ma’ Alla. Il-qrar għandu konsegwenzi qawwija fil-ħajja ta’ min jagħmel l-esperjenza tiegħu u jiċċelebrah. Meta jien immur inqerr, u nħoss il-maħfra ta’ Alla fuqi, il-ħarsa tiegħi lejja nnifsi tinbidel. Nibda nħares jien ukoll b’ħarsa ta’ ħniena, ta’ mħabba, ta’ aċċettazzjoni lejja nnifsi bl-iżbalji tiegħi, bl-iżbalji li għamilt miegħi nnifsi, li għamilt mar-raġel tiegħi, mal-mara tiegħi, ma’ wliedi, mal-ġenituri tiegħi, ma’ ħuti, ma’ sħabi, mal-komunità fejn ngħix. Il-ħarsa tiegħi tinbidel meta nħoss il-ħniena u l-maħfra ta’ Alla fuqi.

Din il-ħarsa tbiddel mhux biss ir-relazzjoni tiegħi ma’ Alla, imma wkoll il-ħarsa tiegħi miegħi nnifsi, bil-mod kif inħares lejja nnifsi. Din il-ħarsa jirnexxilha titwessa’ u tinxtered, u tbiddel ukoll il-mod ta’ kif inħares lejn ħuti. Jekk Alla, jien li jien midneb, jien li jien dgħajfa, lili jaħfirli, għax m’għandix naħfer, naċċetta, ikolli ħniena, nieħu paċenzja, ikolli sabar mal-persuni ta’ madwari? U din il-ħarsa ta’ ħniena saħansitra tinxtered fuq il-ħolqien, fl-ambjent fejn ngħix: toħloq ordni, armonija, sempliċità hemm fejn ngħix. Dan kien is-sigriet li mexxa lil Franġisku. Dan hu l-qofol tal-esperjenza li lil Franġisku għamlu ħaġa waħda u identifikah mal-persuna ta’ Ġesù.

Ejjew nitolbuh illejla lil San Franġisk biex f’din il-festa tiegħu, hu li kien l-għannej, ix-xandâr, il-ħabbâr tal-fejqan, tar-rikonċiljazzjoni, tal-ferħ, jagħtina li nwarrbu ftit ir-riċetta li issa drajnieha, li nafu li ma twassalx għal ferħ veru: ir-riċetta tal-popolarità, tal-ġid, ta’ li aħna nkunu b’saħħitna, jew li nidhru sbieħ. Fl-aħħar mill-aħħar nafu li din ir-riċetta mhix twassal għall-ferħ veru. Ejjew nitolbuh jagħtina l-qawwa u l-kuraġġ biex nibdew inħaddmu ftit din ir-riċetta tiegħu, tal-ħniena li tiġi mingħand Alla, l-aċċettazzjoni tagħna nfusna, il-ħniena magħna nfusna; l-aċċettazzjoni tal-oħrajn, l-imħabba lejn l-oħrajn; u rispett kbir lejn il-ħolqien ta’ madwarna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading