Malta Missjunarja ta’ Ottubru 2023

Matul Ottubru, ix-Xahar Dinji Missjunarju kif ukoll fil-Jum Dinji Missjunarju, li din is-sena se jaħbat nhar il-Ħadd 22 t’Ottubru, bit-tema: ‘Qlub Imkebbsa, Saqajn Mexjin’ (Lq.24:13-35), nitolbu b’mod speċjali għall-Knisja batuta fil-missjoni u għall-missjunarji kollha. Il-kura tal-Papa għall-knejjes kollha hija espressa permezz tat-talb u tas-solidarjetà inkoraġġuti minn Missio.

‘Qlub Imkebbsa, Saqajn Mexjin’ (Lq.24:13-35)

Matul ix-xahar t’Ottubru tista’ taqra aktar dwar dan il-messaġġ fil-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun se jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin. Fl-editorjal ta’ Claudia Cini naqraw dwar kif Missio Malta se jkun qed jgħin jaqta’ x-xewqa tal-għalliema u tal-istudenti tas-Seminarju ta’ Arusha fit-Tanżanija jkollhom biżżejjed fondi sabiex jibnu klassijiet ġodda ħalli jkunu jistgħu jitgħallmu fihom f’aktar kumdità u mingħajr problemi ta’ għargħar. F’artiklu ieħor naqraw kif bis-saħħa ta’ benefattur li għoġbu jisponsorja lil Rovina Iobo, din tista’ tattendi l-iskola u tkompli bl-istudji tagħha.

Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt  Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading