Rapport qasir dwar l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku fuq il-kriżi fil-klima u li kienet ippublikata fl-4 ta’ Ottubru 2023.
Id-dinja mhix qed tagħmel biżżejjed biex ittaffi l-effetti devastanti tat-tibdil fil-klima”
L-ewwel ħaġa li ninutaw huwa li Laudate Deum huwa dokument pjuttost qasir, infatti filwaqt li din l-eżortazzjoni fiha biss madwar 8,000 kelma, il-Laudato si’ kienet madwar 40,000.
Franġisku huwa ċar fi kliemu. Il-pjaneta tagħna qed toqrob lejn punt li ma tkunx tista’ terġa lura minnu għaliex it-tisħin globali qorob ħafna lejn il-limitu massimu rakkomandat. Anke jekk ma nilħqux din is-sitwazzjoni estrema, huwa ċert li l-konsegwenzi jkunu tant diżastrużi li jkunu meħtieġa jittieħdu miżuri preċipitanti, bi spiża enormi u b’effetti ekonomiċi u soċjali gravi u intollerabbli. Għalkemm il-miżuri li nistgħu nieħdu issa jiswewlna ħafna, imma aktar ma nistennew, aktar jikbru l-ispejjeż u dawn ikunu ta’ piż ferm akbar.
Faħħru lil Alla
L-isem tal-eżortazzjoni huwa relatat ma’ San Franġisk ta’ Assisi, il-qaddis patrun tal-ekoloġija. “Faħħru lil Alla għall-ħlejjaq kollha tiegħu” jibda il-Laudate Deum.
“Faħħru lil Alla” huwa t-titlu ta’ din l-ittra għaliex meta l-bnedmin jippretendu li jieħdu post Alla, isiru l-agħar għedewwa tagħhom stess.
Dokument li jindirizza wkoll lix-xettiċi
Fil-Laudate Deum, il-Papa Franġisku jidħol f’dibattitu ma’ dawk li jiċħdu għal kollox is-severità tat-theddida maħluqa mit-tibdil fil-klima. Huwa jiddedika 10 paragrafi biex jirribatti oġġezzjonijiet komuni, bħal dak li d-dinja storikament esperjenzat perjodi ta’ tkessiħ u tisħin, u li passi biex jipproteġu l-ambjent se jeqirdu l-impjiegi.
Il-pass mgħaġġel u mhux tas-soltu ta’ dawn il-bidliet perikolużi fil-klima huwa fatt li ma jistax jinħeba. Ma hemmx dubju li l-bidliet enormi fil-klima huma riżultat dirett tal-intervent mhux ikkontrollat tal-bniedem fuq in-natura fl-aħħar żewġ sekli.
Sens ta’ urġenza
Matul it-test kollu tal-Laudate Deum jinħass sens qawwi ta’ urġenza. Tmien snin wara l-pubblikazzjoni tal-Laudato si’, Franġisku jemmen li d-dinja fil-biċċa l-kbira naqset milli tlaħħaq mal-isfidi li huwa kien semma fl-enċiklika. Il-passi meħuda ma kinux biżżejjed, filwaqt li d-dinja li ngħixu fiha qed tiġġarraf u tistaʼ toqrob lejn il-punt li titfarrak.
Il-Papa jikteb li l-kunsens internazzjonali meħtieġ biex jiġi mrażżan it-tibdil fil-klima għadu dgħajjef. Huwa jagħmel kritika dettaljata tal-konferenzi riċenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima, u jħares lejhom bħala fallimenti, bl-eċċezzjoni possibbli tal-edizzjoni tal-2015 f’Pariġi, li wasslet għal ftehim li l-osservaturi jemmnu li kien influwenzat mill-pubblikazzjoni ta’ Laudato si’.
Franġisku jħares ukoll ‘il quddiem lejn il-konferenza li jmiss, li se ssir fi ftit ġimgħat oħra fl-Emirati Għarab Magħquda. Fl-istess waqt ma tantx jidher entużjast dwar il-post magħżul għax dan huwa magħruf bħala esportatur kbir tal-fossil fuels. Fl-istess waqt ma joqgħodx lura milli jikteb li l-Istati Uniti wkoll hija waħda mill-ħatja ewlenin tal-kriżi klimatika.
Minkejja kollox il-Papa jinsisti li ma nistgħux nitilfu t-tama għaliex dan ikun suwiċidju.
joe farrugia
NOTA: L-Ittra Appostolika tal-Papa Franġisku, Laudate Deum tkun ippublikata bil-Malti fil-Laikos, malli t-tradizzjoni tkun lesta.