Il-Patrijarki Pizzabbala u Bartholomew I jilmentaw fuq l-attakk mill-ajru fuq knisja Ortodossa f’Gaża
Il-Patrijarka Latina ta’ Ġerusalemm, il-Kardinal Pierbattista Pizzabballa, esprima s-sogħba tiegħu għall-vittmi tal-attakk mill-ajru li laqat Knisja Griega Ortodossa ta’ San Porfirju fi-Belt ta’ Gaża, u li dan seħħ il-Ħamis. Dan wassal fil-kollass ta’ bini biswit il-knisja li kien qed jagħti kenn madwar 400 ruħ, l-aktar Nsara. In-numru ta’ mwiet huwa ta’ 18, b’bosta oħrajn huma midruba.
“L-uġigħ ta’ dawk il-familji, li diġà ilhom ibatu għal żmien twil, huwa enormi u aħna magħhom. Nitolbu biex din is-sitwazzjoni tispiċċa kemm jista’ jkun malajr”, qal il-Kardinal Pizzaballa lit-televiżjoni Kattoliku Taljan TV2000. “Ejja nittamaw li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jibdew jirraġunaw”, żied jgħid. “Il-gwerra u l-bombi qatt ma solvew problemi, anzi dejjem ħolqu oħrajn ġodda”. Ħafna familji, li kienu qed jistkennu fil-Knisja Griega Ortodossa, issa marru joqgħodu fil-knisja parrokkjali Kattolika tal-Familja Mqaddsa, li hija biswita, u li diġà qed tagħti kenn liċ-ċivili oħra.
Il-Patrijarka Pizzaballa spjega li l-komunità Kattolika ta’ elf ruħ f’Gaża ddeċidiet li tibqa’ minkejja l-perikli. “L-ewwelnett għax ma jafux fejn se jmorru u mbagħad għax qed jgħidu li l-ebda post fil-Medda ta’ Gaża mhu sigur”, qal. Il-Patrijarka nnota li minkejja dan kollu li għaddej, il-fidi tagħhom tibqa’ soda anke taħt il-bombi.
Il-Ġimgħa filgħodu, l-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew I ta’ Kostantinopli kellu konversazzjoni bit-telefon mal-Patrijarka Grieg Ortodoss ta’ Ġerusalemm Theophilos III, biex jesprimi l-kondoljanzi tiegħu għall-vittmi u għal fejqan ta’ malajr lill-midruba. Skont stqarrija maħruġa mill-Patrijarkat Ekumeniku Bartilmew I, esprima wkoll it-tama li “l-paċi u s-sigurtà jistgħu jiġu rrestawrati kemm jista’ jkun malajr għal kulħadd fil-Lvant Nofsani”.
Min-naħa tiegħu, Theophilis III rringrazzja lill-Patrijarka Ekumeniku għat-tħassib u l-appoġġ tiegħu, u ddeskriva “s-sitwazzjoni kerha fir-reġjun”. B’differenza għall-inċident fuq l-Isptar Għarbi Al-Ahli, li fis-17 ta’ Ottubru, inqatlu mijiet, il-militar Iżraeljan ikkonferma li l-isplużjoni tal-Ħamis fuq il-Knisja Griega Ortodossa kien riżultat tal-attakk mill-ajru minn naħa tiegħu, u qal li kellu fil-mira ċentru ta’ tmexxija tal-militanti li kien viċin u li qed jinvestigaw x’wassal għall-inċident.
Diversi kapijiet tal-Knejjes, inkluż il-Kunsill Dinji tal-Knejjes (WCC), ikkundannaw bil-qawwa ż-żewġ attaki bil-bombi. L-Arċisqof ta’ Canterbury, Justin Welby, li qed jagħmel żjara qasira f’Ġerusalemm biex juri s-solidarjetà mal-Anglikani wara splużjoni fl-Isptar Al-Ahli. Nhar il-Ġimgħa, kiteb fuq X (li qabel kien Twitter) u qal: “Ningħaqad ma ħuna fi Kristu, l-Patrijarka Theophilos III, bl-attakk li seħħ ilbieraħ fuq il-Knisja Ortodossa f’Gaża”. Il-WCC, il-Ġimgħa espremiet wkoll it-tħassib serju dwar rapporti min-Nofs Qamar l-Aħmar Palestinjan għat-talba mill-awtoritajiet Iżraeljani għall-evakwazzjoni immedjata tal-Isptar Al Quds f’Gaża, li bħaliss qed jassisti 400 pazjent u fejn 12-il elf ruħ qed ifittxu l-kenn.
Il-moderatur tal-WCC Isqof Heinrich Bedford-Strohm, qal li d-WCC qed isejjaħ lill-gvern u lill-militar Iżraeljana biex joqgħodu lura milli jagħmlu xi ħaġa li tipperikola l-ħajja taċ-ċivili innoċenti fi spazju protett bħal sptar. “L-isptarijiet huma protetti taħt il-liġi internazzjonali”, qal Bedford-Strohm. “Kull attakk fuqhom ikun delitt tal-gwerra”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2023-10/patriarchs-pizzaballa-and-batholomew-react-to-raid-on-church.html