Fit-Tieni Ħadd tal-Avvent ma’ Daniel Borg
Il-Vanġelu tat-tieni ħadd tal-Avvent (Mk 1, 1-8) jitkellem minn San Ġwann Battista il-jiġi qabel Ġesu biex ilestilu t-triq. Il-Vanġelu jiddeskrivih bħala “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert” (Mk 1, 1-3). Fl-Angelus il-Papa jagħfas fuq ‘leħen’ u ‘deżert’. Id-deżert mhux post fejn wieħed jikkomunika. Allura dawn iż-żewġ kelmiet jidhru jistonaw bejniethom!
Imma fil-fatt mhux hekk. Id-deżert huwa l-post fejn wieħed jirrifletti. Il-poplu ta’ Alla dam erbgħin sena fid-deżert qabel kien ippreparat biex jidħol fl-art imwiegħda. Id-deżert huwa l-post idejali fejn nirriflettu, fejn inwarrbu dak kollu li mhux bżonnjuż, u nfittxu dak li hu verament meħtieġ. Is-skiet u t-talb huma essenzjali biex inwessgħu qalbna għal Alla. U huwa biss meta nsibu l-ispazju għas-skiet u t-talb, li kliemna jkun kliem ta’ ġid, li jagħmel differenza fil-ħajja tal-oħrajn. Din kienet ukoll l-esperjenza tal-Battista.
Tista’ tarah ukoll fuq facebook fuq din il-ħolqa: https://www.facebook.com/daniel.borg.75/posts/pfbid0885mocLatzowKLjYFQKzHoGfHDzxQoufev1XUYEMppkw2FpT1np8DFtx9rZNN6MNl