Minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?
Aktarx li dik ma kinitx l-ewwel darba li Marija żaret lil qaribitha, u forsi wkoll lanqas kienet tal-aħħar. Madankollu żġur, li dakinhar kien differenti għaliex għall-ewwel darba, hija ġarret magħha lil Ġesù f’ġufha. Sabiex jiggwidaha kien hemm lill-Ispirtu s-Santu. Bihom u magħhom it-tnejn, mixjitha nbidlet f’pellegrinaġġ – pellegrinaġġ ta’ tama. Kienet tama mhux biss għaliha, imma għal dawk kollha li minn dak il-mument kellhom jiltaqgħu magħha, l-ewwel fosthom l-istess Eliżabetta, u magħha wkoll, binha li hija wkoll kienet qed iġġor f’ġufha.
Il-mixja tagħna tal-ħajja tinbidel f’pellegrinaġġ tassew, meta wara li aħna stess inħallu lil Kristu jsir parti minna, imbagħad dakinhar stess, nitilqu biex inlaqqgħuh mal-oħrajn.
Il-Mulej li permezz tal-Arkanġlu Gabriel kellem lit-tfajla, Marija ta’ Nazaret u wrieha li xtaqha tkun omm Ibnu, illum jixtieq ikellem lili u jurini r-rieda tiegħu għalija.
Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.
Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’. 1Sam 3:9)
QARI
Marija żżur lil Eliżabetta. Lq1:39-45
F’dawk il-jiem, Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Mbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!”
Ftit mumenti ta’ skiet
MEDITAZZJONI I
Marija, Omm il-Ħniena
Dik, li f’dak il-mument kellha bżonn min jgħin lilha, qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet biex tgħin lil qaribitha. Tgħid kienet għarfet li l-qaddejja tal-Mulej, ħtieġilha tkun ukoll qaddejja tal-oħrajn? Tgħid kienet intebħet li s-sigriet tal-hena ma kienx f’li tkun moqdi, imma li taqdi? Forsi dik li stqarret li l-Mulej kien għamel magħha ħwejjeġ kbar, ma kienetx lesta li hija wkoll tagħmel xi ħaġa għall-oħrajn?
U jiena, llum kemm jiena lest li nagħmel kif għamlet Marija dakinhar? Nagħraf u nistqarr il-ħwejjeġ kbar li għamel miegħi, l-Mulej. Nimxi mal-oħrajn, kif mexa miegħi Hu.
Ftit mumenti ta’ skiet
MEDITAZZJONI II
Marija, Omm it-Tama
Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu. Għax min ikun mimli bl-Ispirtu s-Santu, m’għandux bżonn jagħmel priedki. It-tislima tiegħu tkun biżżejjed.
Dan huwa l-mod kif jaħdem l-Ispirtu. Minn Marija għal Eliżabetta. Mill-omm għal binha fil-ġuf. Minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni. F’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Din kienet it-tama ta’ Iżrael. Din hija t-tama tal-poplu ta’ Alla, mhux biss għalih innifsu, imma wkoll għal kumplament tal-umanità. Anzi għall-kumplament tal-ħolqien.
Dan huwa l-pellegrinaġġ tat-tama, min nisel għal nisel, minn persuna għall-oħra. U dawk li jissieħbu f’dan il-pellegrinaġġ tat-tama, isiru huma stess, Pellegrini tat-Tama, ħabbara tat-tama.
Din hija s-sejħa tal-Knisja ta’ Kristu, mhux li hija tkun it-tama tal-popli, imma li tkun ħabbara tat-tama. It-tama mhix kunċett astratt x’imkien hemm barra, imma l-persuna ta’ Kristu nnifsu, dak l-istess wieħed li Marija wasslet lil Eliżabetta.
Huwa l-istess Kristu li kellha fiha, u li llum qiegħed fija. Mhux għax jien tajjeb, imma “għaliex Hu ftakar fil-ħniena tiegħu, bħalma kien wiegħed lil missirijietna.”
L-ewwel pellegrinaġġ tat-tama, għamlitu Marija meta ġarret fiha lil Ġesù. Huwa biss permezz tiegħu, u miegħu, u bih, li l-mixja ta’ ħajjti tista’ tinbidel f’pellegrinaġġ tassew.
Nemmnu dan? Lest jiena wkoll inwassal lilu u mhux aktar lili nnifsi?
Ftit mumenti ta’ skiet
TALB
Għajnuna f’dan il-mument ta’ talb, jista’ jkun il-kantiku ta’ Marija. Ma nikkwotax lilha, imma kliemha nagħmlu tiegħi. Huwa jiena li bħalissa qed ngħid, “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.” Huwa jiena li qed nistqarr li s-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.
Il-Kantiku ta’ Marija. Lq 1:47-55
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja, għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu, bħalma wiegħed lil missirijietna, b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.
Ftit mumenti ta’ skiet
KONTEMPLAZZJONI
Nieqaf issa fis-skiet, mistrieħ fil-preżenza ta’ Alla tiegħi. Hu, mhux qiegħed hemm fuq, x’imkien fis-sħab jew ‘il fuq minnu, imma hawn maġenbi. Huwa bħal tarbija ċkejkna fil-ġewwieni tiegħu, tistennieni nwellidha lid-dinja. Huwa l-istess nifs li jżommni ħaj. L-istess Spirtu li kull darba li niġbdu fija u nerġa’ nroddu lura lid-dinja, inkun qiegħed insejjah ismu, “Jah-weh … Jah-weh … Jah-weh …”
Kitba ta’ Joe Farrugia
