Pellegrini tat-Tama fil-Kotba Mqaddsa

Il-Ġublew u l-Lectio Divina

Aħna u nimxu lejn il-Ġublew, ejjew nerġgħu lura għall-Iskrittura Mqaddsa u nisimgħu jitlissnu lilna dawn il-kelmiet: “Aħna, li sibna l-kenn, ikollna qalbna qawwija sewwa li niksbu t-tama li hemm lesta għalina. “Din it-tama hija għalina bħal ankra tar-ruħ, sħiħa u qawwija; biha aħna nidħlu ’l ġewwa mill-velu, fejn qabilna daħal Ġesù għalina” (Lhud 6:18-20). (Spes nin confundit, 25)

Il-Ġublew huwa għalina wkoll sena ta’ grazzja speċjali.

Minn dak li kiteb il-Papa Franġisku fil-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew 2025, toħroġ qawwija l-istedina sabiex matul il-mixja tagħna lejn il-ġrajja tal-Ġublew 2025: Pellegrini tat-Tama, imma wkoll ‘l hinn minnha, aħna nimxu pass pass mal-gwida li toffrilna l-Kelma ta’ Alla. 

Fis-sensiela ta’ 38 katekeżi dwar it-talb li l-Papa Franġisku għamel bejn l-2020 u l-2021, kien tkellem ukoll dwar it-talb bl-Iskrittura Mqaddsa u fisser kif aħna nistgħu nitolbu b’silta mill-Bibbja għaliex il-kelmiet tal-Iskrittura Mqaddsa ma ġewx miktuba biex jibqgħu msakkra fuq il-papir, fuq l-iskroll jew fuq il-karta, imma biex jiġu milqugħa minn persuna li titlob, biex tħallihom jagħmlu l-frott f’qalbha.  Dakinhar huwa fakkar li t-tradizzjoni Nisranija hi għanja b’esperjenzi u b’riflessjonijiet fuq it-talb bl-Iskrittura Mqaddsa. B’mod partikulari, issaħħaħ il-metodu tal-“lectio divina”, li nibet f’ambjent monastiku, imma llum hu pprattikat anki mill-Insara li jiffrekwentaw il-parroċċi.

Il-Lectio Divina, li l-Papa Franġisku tkellem dwarha diversi drabi, tista’ tkun għalina, forma ta’ talba li tgħinna b’mod prattiku biex illum, aħna wkoll ngħixu l-istess esperjenza li kellhom huma, elfejn sena ilu.  Hija spiss tkun deskritta bħala l-qari tal-Kelma ta’ Alla f’atmosfera ta’ talb, imma aktar minn hekk, din hija il-qari tal-Kelma ta’ Alla li ssir talba.

Il-metodu tradizzjonali huwa wieħed sempliċi u jinkonsisti f’erba’ passi, li jridu jsiru f’atmospera ta’ ġabra u skiet.  Importanti li qabel nibdew, aħna ninfetħu għall-preżenza tal-l-Ispirtu s-Santu li hemm fina, u li kien huwa stess li nebbaħ l-awturi sagri fil-kitbiet tagħhom tat-testi bibliċi.

Il-passi ssuġeriti fil-Lectio Divina huma dawn …

(a) Il-qari tas-silta.

(b) Il-meditazzjoni fuq dak it-test li jkun inqara.

(ċ) Mument ta’ talb. Hawn jistgħu jintuħzaw is-Salmi bibliċi, deskritti mill-Papa Franġisku bħala sinfonija ta’ talb.  Ara hawn …

(d) Il-kontemplazzjoni.  Din tal-aħħar hija differenti ħafna mill-mediazzjoni, għaliex fiha aħna nkunu mistiedna nistrieħu fil-preżenza tal-Mulej.  Spiss tfakkarni fid-dixxiplu l-maħbub, b’rasu mistrieħa fuq sider Ġesù.

Bħad-dixxiplu l-maħbub, insibu fl-Evanġelju, l-esperjenza ta’ diversi personaġġi oħra, li wara l-laqgħa li huma kellhom mal-Imgħallem, il-mixja tagħhom tal-ħajja, inbidlet f’pellegrinaġġ veru tat-tama.

Hawn taħt issib xi suġġeriment ta’ siltiet li nistgħu nirrakomandaw.  Imma minbarra dawn hemm tant oħrajn mill-Iskrittura kollha.  Jekk xi silta tkun waħda twila, tista’ titqassam f’mumenti differenti.  Hemm ukoll uħud fil-lista li fihom aktar minn silta waħda. Għalkemm dawn ikunu kollha relatati mat-tema ewlenija, madankollu, anke huma jistgħu jittieħdu f’waqtiet differenti.

Fl-Evanġelju naqraw dwar …

  • Marija żżur lil Eliżabetta. (Lq 1:39-56) – lectio
  • Il-pellegrinaġġ tat-tama tal-familja ta’ Nazaret lejn Betlehem (Lq 2:1-7), lejn l-Eġittu u lura (Mt:2:13-23), lejn it-tempju ta’ Ġerusalemm kemm b’Ġesù ta’ erbgħin jum (Lq:2:22-40) u kemm tnax ‘il sena wara (Lq 2:41-52) –lectio
  • Ġwanni l-għammiedi, xhud tad-dawl. (Ġw 1:6-23) u (Ġw 1:29-34) – lecio
  • L-ewwel żewġ dixxipli li mxew wara Ġesù. (Ġw 1:35-42)
  • Filippu u Natanajel. (Ġw 1:43-51)
  • Il-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana. (Ġw 2:1-12)
  • Mattew minn wara l-mejda tat-taxxi. (Mt 9:9-13)
  • Nikodemu li mar għand Ġesù bil-lejl. (Ġw 3:1-21)
  • Il-mara akkużata li nqabdet fl-adulterju. (Ġw 8:1-11) 
  •  Il-mara mis-Sammarija. (Ġw 4:1-42)
  •  Il-qaddej taċ-ċenturjun (Lq 7:1-10)
  •  L-għama ta’ Ġeriko. Li nara, Mulej. (Lq 18:35-43) 
  •  Marta u Marija. (Lq 10:38-42)
  •  Omm il-mara ta’ Xmun. (Lq 4:38-41) 
  •  Żakkew il-publikan. (Lq 19:1-10)
  •  Id-dixxiplu l-maħbub li serraħ rasu fuq sider Ġesù
  •  Marija ta’ Magdala. Appostlu tal-Appostli (Ġw 20:11-18)
  •  Iż-żewġ dixxipli fit-triq ta’ Għemmaws. (Lq 24:13-35)
  •  Pietru. Mulej, inti taf li jiena nħobbok. (Ġw 21:15-19)
  •  Tumas. Mulej tiegħi u Alla tiegħi. (Ġw 20:24-29) 

Nistgħu nieħdu, wkoll siltiet mill-istejjer li rrakkonta Ġesù nnifsu, dawk li nafuhom bħala l-parraboli.  Inkella hemm ukoll il-nirakli, jew kif isejħilhom ir-raba’ Evanġelista s-sinjali. Nistgħu nieħu siltiet qosra mit-tagħlim ta’ Ġesù, bħal ngħidu aħna il-priedka tal-muntanja jew id-diskors ta’ Ġesù fl-aħħar ċena. Hemm tant u tant aktar. 

Importanti li bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, aħna ninnamraw mal-Kelma ta’ Alla.

Kitba ta’ Joe Farrugia

Fittex aktar dwar il-Lectio Divina minn hawn … https://laikos.org/ld/
Aktar fuq il-Ġublew: Pellegrini tat-Tama … https://laikos.org/g2025/

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading