Qum, ħu miegħek lit-tifel u ‘l ommu.
Il-pellegrinaġġ uman tat-tama, mhux magħmul minn vjaġġ ippjanat lejn xi destinazzjoni qaddisa. Mhux ġrajja mfassla f’mument partikulari ta’ ħajjitna, imma huwa mixja kontinwa, li spiss tgħaddina minn toroq mhux ippjanati. Kultant ikunu imposti fuqna, forsi wkoll kontra r-rieda tagħna. Kważi dejjem jippreżentawlna bosta sfidi, li minħabba fihom jkollna bżonn l-għajnuna ta’ Alla u l-għajnuna ta’ xulxin.
Fi triqtna, minkejja kull tfixkil u kull nuqqas ta’ kuraġġ, ikun Hu, il-Kristu li hemm fina, li jibdel il-mixja tal-ħajja tagħna, f’pellegrinaġġ ta’ tama. Mhux biss għalina, imma wkoll għal dawk kollha li nkunu mexjin magħhom.
Illum, minflok qari wieħed, qed nippreżentaw erba’ siltiet qosra, li huma relatati għaliex juri mumenti differenti fil-pellegrinaġġ tat-tama tal-familja ta’ Nazaret.
Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.
Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’. 1Sam 3:9)
QARI I
Lejn Betlehem. Lq 2:4-8
Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem – għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David – biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila. Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.
Ftit mumenti ta’ skiet
QARI II
Lejn Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej. Lq 2:33-35
Missier u omm Ġesù baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”
Ftit mumenti ta’ skiet
QARI III
Lejn l-Eġittu u lura. Mt 2:13-15
Meta telqu l-Maġi, deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ‘l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu.” Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ‘l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal, ‘Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.’
Ftit mumenti ta’ skiet
QARI IV
Lejn it-Tempju. Lq 2:42-45
Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skont id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.
Ftit mumenti ta’ skiet
MEDITAZZJONI
Il mixja tal-ħajja tal-bniedem hija magħmula minn nisġa ta’ ġrajjiet li l-ebda waħda minnhom waħedha ma tista’ titqies li hija pellegrinaġġ ta’ tama. Bl-istess mod it-tama vera, li la tqarraq u lanqas tħalli warajha l-imrar tal-diżillużjoni, hija bħal biċċa bizzilla sabiħa, li minkejja l-vojt li hemm fiha, anzi huwa propju permezz tiegħu, li l-insiġ ta’ madwaru joffri riżultat aħħari li jpaxxi.
Forsi, it-twelid ta’ tarbija fih innifsu mhux mument ta’ tama, mhux biss ghall-istess familja, imma wkoll għar-razza umana kollha. Iżda, liema tarbija, inkluża dik imwielda fl-għar tal-annimali ġewwa Betlehem, ma ġabitx ukoll mumenti ta’ tensjoni u qtigħ il-qalb?
Forsi, għall-ġenituri ta’ tarbija ta’ erbgħin jum, ma jkunux mument ta’ tensjoni u qtigħ il-qalb, meta bħal Marija u Ġużeppi jisemgħu jingħad dwar binhom li dan ser ikun sinjal ta’ kontradizzjoni? X’tama jista’ jħalli f’omm, meta bniedem ta’ Alla jħabbrilha fit-tempju stess, li sejf għad jinfdilha ruħha, propju minħabba binha? Imma mill-banda l-oħra, teżisti tama li mhix minsuġa mill-waqgħat u mill-qawmien?
Kif tista’ tittama dik il-familja li jkollha taħrab minn darha u tfittex kenn f’art oħra, minħabba li l-mexxejja politiċi ta’ artha stess ikunu qed ifittxu lill-binha biex joqtluh? Kemm familji llum qed ikollhom jaħarbu minn arthom biex iħarsu ħajjet uliedhom?
Kif jistgħu omm u missier ma jitnikktux, meta jitilfu lit-tfajjel binhom, li huma kienu fdati mis-sema biex jindukrawh? Ma jkunx dan għalihom mument ta’ niket kbir u illużjoni fihom infushom stess?
Madankollu, dak l-istess iben, li nissel tant niket, tħassib fil-familja tiegħu, kien dak li dwaru, ntqal ukoll li dan kien is-salvazzjoni għall-popli kollha, id-dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu. Lq 2:3-32
Hekk huwa magħmul il-pellegrinaġġ tat-tama, u mhux biss minn xi vjaġġ lejn lok ta’ devozzjoni jew dħul minn xi bieb imqaddes, imma minn nisġa ta’ ġrajjiet. Huwa hawn fejn jidħol is-sehem ta’ kull nisrani, “għaliex l-hena u tama, in-niket u tħassib tal-bnedmin tal-lum, fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk kollha li jbatu, huma wkoll il-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu, u ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f’qalbhom.
Il-komunità nisranija hija magħmula minn bnedmin li, magħqudin flimkien fi Kristu, huma mmexxija mill-Ispirtu s-Santu fil-pellegrinaġġ tagħhom lejn is-Saltna tal-Missier u rċevew messaġġ ta’ salvazzjoni biex huma iwassluh lil kulħadd”. Gaudium et spes, Vatikan II, 1.
Ftit mumenti ta’ skiet
TALB
Kliem Żzkkarija fit-tempju ta’ Ġerusalemm, jista’ hawn isir ukoll it-talba personali tiegħi. Mhux intenni kliemu, imma b’kunfidenza ġewwinija nistqarru,
Lq 2:29-32
“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”
Ftit mumenti ta’ skiet
Ara wkoll Lq 2:36-38
Ħa nfaħħar jiena wkoll lil Alla, bħalma ghamelet l-armla, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Ħa naqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. Ħa nroddlu ħajr ta’ kull ma għamel miegħi. U jiena wkoll, nitkellem fuq dik it-tarbija ma’ dawk kollha li llum qed jistennew b’tama il-fidwa.
Ftit mumenti ta’ skiet
KONTEMPLAZZJONI
Possibilment fil-knisja jew f’xi kappella fejn nista’ nieqaf fil-kwiet fil-preżenza tal-Mulej fl-Ewkaristija. Imma anke jekk qiegħed id-dar jew f’xi post ieħor, hawn ukoll nista’ nieqaf ħiemed fil-preżenza divina tiegħu. Bħal Xmun bit-tarbija Ġesù f’idejja. Bħal Anna, inrodd ħajr lil Alla, biex wara wkoll nitkellem dwaru ma’ dawk kollha li niltaqa’ magħhom.
Kitba ta’ Joe Farrugia
