Qari tat-Tnejn tal-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent

It-Tnejn

QARI I
Fuq in-nies miġmugħa tinfirex il-glorja.
ara Iż 4, 2-6

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Dakinhar ir-rimja tal-Mulej tkun ġmiel u glorja, u l-frott tal-art ikun kburija u żîna tal-fdal ta’ Iżrael. U jiġri li min jibqa’ f’Sijon u min jitħalla f’Ġerusalemm, qaddis jissejjaħ, min hu miktub għall-ħajja f’Ġerusalemm.

Meta Sidi jkun naddaf il-ħmieġ tal-bniet ta’ Sijon, u ħasel id-dmija ta’ Ġerusalemm minn ġo nofsha b’ruħ il-ġustizzja u b’riħ il-qerda, joħloq il-Mulej fuq il-medda kollha tal-muntanja ta’ Sijon, u fuq in-nies miġmugħa fiha sħaba binhar u duħħan, u dija ta’ nar iħeġġeġ billejl, għax fuq kollox tinfirex il-glorja bħal għarix għad-dell mis-sħana binhar u kenn u lqugħ mill-irwiefen u x-xita.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 121 (122), 1-2.3-4a. 4b-5.6-7.8-9

R/. (ara 1): Immorru ferħana f’dar il-Mulej

Fraħt meta qaluli:
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna
fi bwiebek, Ġerusalemm! R/.

Ġerusalemm, mibnija bħal belt,
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu,
it-tribujiet tal-Mulej. R/.

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm:
Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!
Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek,
u l-ġid fil-palazzi tiegħek. R/.

Minħabba ħuti u ħbiebi,
ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!”.
Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna,
nixtieq illi jkollok il-ġid. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Salm 79 (80), 4

Hallelujah. R/. Hallelujah
Mulej, Alla tagħna, ejja ħa teħlisna:
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Għad jiġu ħafna mil-Lvant u mill-Punent u joqogħdu fis-Saltna tas-Smewwiet.
Mt 8, 5-11

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal Kafarnahum, u resaq fuqu wieħed ċenturjun jitolbu bil-ħerqa u jgħidlu: “Sinjur, id-dar għandi l-qaddej mixħut, mifluġ u batut wisq”. Qallu Ġesù: “Niġi jien infejqu”. Qallu ċ-ċenturjun: “Sinjur, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int għid kelma biss, u l-qaddej tiegħi jfiq. Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jien stess għandi suldati taħti; lil wieħed ngħidlu: “Mur!”, u jmur; lil ieħor ngħidlu: “Ejja!”, u jiġi; u lill-ilsir tiegħi ngħidlu: “Agħmel dan!”, u jagħmlu”. Ġesù baqa’ mistagħġeb meta sama’ dan, u qal lil dawk li kienu miexja warajh: “Tassew, ngħidilkom, f’ħadd minn Iżrael ma sibt fidi bħal din. Jiena ngħidilkom li għad jiġu ħafna mil-Lvant u mill-Punent u joqogħdu fuq il-mejda ma’ Abraham u ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb fis-Saltna tas-Smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading