Adorazzjoni – Ħamis ix-Xirka

Kant:  Jiena nadurak bil-Qima (2 strofi)

Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni

F’dan il-lejl Qaddis, quddiem Ġesù, l-Maħbub ta’ qalbna, ejjew nisktu u nirriflettu. Ejjew nisktu quddiem il-misteru tal-Ewkaristija, l-ikel li jsaħħaħ lir-ruħ; il-misteru li jikxef il-qalb ta’ Alla; li ma jafx ħlief li jingħata għalina. U nsammru ħarsitna fuqhu, li għoġbu jagħti lilu nnifsu għalina. Nirringrazzjawk o Sinjur, ta’ din l-imħabba profonda li għandek għal kull wieħed u waħda minna.

Silenzju       30 sekonda

Jien nadurak bil-qima. (5 sek pawsa) Liema nisrani, li qed jagħmel l-almu tiegħu li jgħix ta’ bilħaqq il-fidi, li matul dan il-lejl, ma jagħmilx tiegħu dan il-kliem. (5 sek pawsa) Liema nisrani, f’dan il-lejl hekk għażiż, li ma jilqax is-sejħa ta’ Kristu, biex jitlob, u biex jishar, imqar siegħa waħda. Hekk talab il-Mulej, lil dawk it-tliet dixxipli speċjali, li riedhom ikunu miegħu,: “Ishru, u itolbu, biex ma tidħlux fit-tiġrib” (Mt 26,41).

Silenzju       3 min

Grazzi, o Ġesù, talli l-lejla sejjaħtilna, biex niġu u nishru ftit miegħek, biex noqgħodu qribek. (5 sek pawsa) Kien f’dan il-lejl qaddis, meta Int, o Mulej, waqqaft l-Ewkaristija Mqaddsa, u pproklamajt ruħek Saċerdot u offrejt lill-Missier Alla l-istess Ġisem u Demm tiegħek, taħt ix-xbihat Ewkaristiċi. Int ridt tibda ħbiberija li ma jkollhiex tmiem. U f’dan is-sagrament ta’ ħbiberija bejn Alla u l-bniedem, Inti sejjaħtilna biex nidħlu f’għaqda intima miegħek. (10 sek pawsa)

Kien f’dan il-lejl qaddis, meta Ġwanni straħ fuq il-Qalb Ħanina Tiegħek. Dan id-dixxiplu l-maħbub, li jippreżenta l-imħabba personali, li Inti, għandek għal kull wieħed u waħda minna. (5 sek pawsa) Iva, Mulej, kull persuna hija prezzjuża u maħbuba f’għajnejk. Tant aħna prezzjużi għalik, li bil-Passjoni u l-mewt Tiegħek, tajt ħajtek, u xerridt Demmek il-Għażiż għalina.

Silenzju       3min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Mark                                      Mk 14,12-16. 22-25

Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalulu: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?” Mbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel, ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?’ U hu jurikom kamra kbira fuq, mgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk.” U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid.

Meta sar il-ħin, qagħad fuq il-mejda flimkien mal-appostli. Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi.” Mbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, d-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej

It-tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min

Ġesù bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu, isegwu raġel li kien qed ‘iġorr ġarra ilma’. Dak ir-raġel bla isem, li ma nafu xejn dwaru, illum, huwa jien u int. U l-ġarra hija sinjal li ġagħalna naħsbu fl-umanità bil-għatx, dejjem tfittex għajn tal-ilma li jaqtgħalha l-għatx u jagħtiha ħajja ġdida. Kemm hemm bżonn li nkunu ta’ gwida għal dawk li huma bil-għatx u li qed ifittxu li jiltaqgħu ma’ Ġesù.

Imma, ejjew niftakru, li lkoll kemm aħna, fil-ħajja mexjin b’ġarra f’idejna: lkoll kemm aħna, kull wieħed u kull waħda minna, għatxana għall-imħabba, għall-ferħ, għal ħajja ta’ suċċess f’dinja iktar umana. L-ilma tad-dinja, iħallilna vojt kbir, u jagħmlilna iktar bil-għatx. Huwa Alla biss, li jista’ jaqta’ l-għatx tagħna. (5 sek pawsa)

Kemm hemm bżonn li qabel xejn nagħrfu l-għatx li għandna għal Alla: li nħossu l-bżonn tiegħu, li nixxennqu għall-preżenza u l-imħabba tiegħu. Ejjew nagħrfu, li fil-ħajja tagħna, għandna bżonn ta’ Ikel u ta’ Xorb li jweżnuna fil-mixja tagħna; u din hi l-Ewkaristija.

Jien, fejn qiegħed insib il-ferħ veru? (10 sek pawsa)

Qiegħed inkun għatxan għal Alla, biex inkun fil-preżenza tiegħu? Jew noqgħod mingħajru?

Silenzju biss                    3 min

Dan ir-raġel bla isem, lil Ġesù, jisliflu l-akbar kamra li kellu, biex jiċċelebra l-ikla mad-dixxipli tiegħu. Hemm bżonn, li dik il-kamra l-kbira, tkun il-qalb tiegħi, u l-qalb tiegħek. Hemm bżonn li jkollna qalb kbira biex inkunu nistgħu nagħrfuh, nqimuh, u nilqgħuh.

Faċli, li l-qalb tagħna, iktar milli hi kamra kbira, tixbah lil kmajra tal-imbarazz, fejn b’nostalġija nżommu l-affarijiet qodma; jew tixbah lill-kamra tal-bejt, fejn ilna li rekkinna l-entużjażmu u l-ħolm tagħna. Faċli li l-qalb tagħna tixbah lil kmajra żgħira u mudlama, għax ingħalaqna fina nfusna, bil-problemi, u l-qrusa tagħna; allura jkun impossibli li nagħrfu din il-preżenza ħiemda u umli ta’ Alla. (5 sek pawsa)

Ejjew inwessgħu qlubna, u noħorġu mill-kamra ċkejkna tal-jien, u nidħlu fl-ispazju kbir tal-istagħġib u l-adorazzjoni. Dan hu l-atteġġjament li għandu jkollna quddiem l-Ewkaristija, u dan għandna bżonn: li nkunu fil-preżenza tiegħu. Li nħallu lil Kristu jidħol u jgħammar fil-qalb tagħna.

Silenzju                 3 min

 ‘Ġesù, jaqsam il-Ħobż’. Huwa l-ġest Ewkaristiku per eċċellenza, l-ġest li jagħti identità lill-fidi tagħna, fejn il-Mulej joffri lilu nnifsu biex jerġa’ jwellidna għal ħajja ġdida. Fl-Ewkaristija nikkontemplaw u nqimu lil Alla tal-imħabba. L-Mulej ma jitlobx sagrifiċċji, imma Hu jissagrifika lilu nnifsu. L-Mulej ma jitlobna xejn, imma jagħtina kollox.                                                                                                                                        (5 sek pawsa)

Biex niċċelebraw u ngħixu l-Ewkaristija, aħna wkoll imsejħin li ngħixu din l-imħabba. Ma nistax nersaq lejn l-Ewkaristija tal-Ħadd, jekk qalbi hi magħluqa għal ħuti. Ma nistax niekol minn dan il-Ħobż, jekk ma newwilx il-ħobż lil min hu bil-ġuħ. Ma nistax naqsam dan il-Ħobż, jekk ma naqsamx fit-tbatijiet ta’ min hu fil-bżonn. Fl-aħħar mill-aħħar, l-Ewkaristija trid twassalna li ngħixu l-veru mħabba, u li ningħataw kollna kemm aħna għall-oħrajn. Qed ngħix l-Ewkaristija, kif jitlob minni l-Mulej, li nkun ħobż maqsum għall-oħrajn? Qiegħed inħalli lill-Mulej, jibdielni fih?

Silenzju                 3 min

Kant: ________________

Qari mill-Evanġelju skont San Mark                                       Mk 14,32-40

Waslu f’qasam jismu Ġetsemani, u qal lid-dixxipli tiegħu: “Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm nitlob.” U ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, u bdew jaħkmuh il-biża’ u d-dwejjaq. Qallilhom: “Nħossni mnikket għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru.” Mexa kemmxejn ‘il quddiem, nxteħet fl-art, u talab li, jekk jista’ jkun titwarrab minnu dik is-siegħa. U qal: “Abbà, Missier, kollox jista’ jkun għalik; biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int.”

Ġie ħdejhom u sabhom reqdin u qal lil Pietru: “Xmun, rieqed? Ma flaħtx tishar siegħa waħda! Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef.” U raġa’ mar u tenna l-istess talba. Mill-ġdid ġie u għal darb’oħra sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas; u ma għarfux x’jaqbdu jgħidulu.

Il-Kelma tal-Mulej

                    It-Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min   

Lanqas tobsor, li minn dik l-arja kollha, li lest jagħti ħajtu għalik, li mbagħad meta veru kellek bżonnhu raqad: “L-ispirtu jrid, imma l-ġisem dgħajjef”. Mulej, m’għandiex għalfejn niskandalizza ruħi, għax jien ukoll, nieħu sehem fl-Ikla Ewkaristika, u ħafna drabi jaħkimni nagħas tqil.

In-ngħas tal-aljenazzjoni u lanqas naf x’laqatni. Aħseb u ara kemm jien attent għalik, o Ġesù. N-nagħas tal-moħħ imtajjar fuq elf ħaġa, u ma nafx jekk hux qed ngħix, aħseb u ara kemm moħħni fik. Nipprova, imma moħħi mill-ewwel jitlaq ma nafx fejn. In-nagħas tqil tar-rittmu sfrenat tal-ħajja. Lanqas għandi ħin għalija nnifsi; mhux bilfors li ma nsibx ħin għat-talb! Il-ħin jaħrab minn idejja. N-nagħas tal-problemi li jifnuni. Tiegħi biżżejjed! M’għandhiex bżonn ta’ ħaddieħor. Qed tara Mulej, lanqas tiegħek m’għandi aptit. Iżżidlix ma’ dawk li għandi.

L-ispirtu jrid, imma l-ġisem dgħajjef. Għinni Mulej, fil-mumenti ta’ dgħjufija, għadirni, ħu paċenzja bija.

Silenzju biss                    3 min

Il-ħasda tiegħek, Mulej, għandi bżonnha. Mhux biss tkellimni, imma ċċaqlaqni wkoll. Int, ma tieqafx tgħidli: “Ishar u itlob biex ma tidħolx fit-tiġrib”. Kemm nagħmel riżoluzzjonijiet li nsib ħin biex nitlob… li nagħmel sagrifiċċju… li nżid quddiesa matul il-ġimgħa… li nagħti kas aktar tal-oħrajn… li nieqaf u nappreżża… Kollox itir mar-riħ… u n-ngħas jerġa’ jeħodni. (5 sek pawsa)

Għinni Mulej, biex inqum min-ngħas tal-aljenazzjoni, u nagħrfek f’ħuti li jeħtieġu l-għajnuna tiegħi. Għinni Mulej, biex quddiem il-problemi tal-ħajja, quddiem il-mard, quddiem il-mewt, ma nikkrollax, imma nafda aktar fik. Għinni o Sinjur, biex quddiem id-dgħufija tiegħi, ma nitkaxkarx u nibqa mjassar mid-dnub, imma nqum u nitolbok ħniena u maħfra. Ibqa’ ċċaqlaqna, ibqa’ għidilna: “Ishru biex ma tidħlux fit-tiġrib”.

Silenzju                 3 min

Kant: ________________  

Talb tal-Komunità

Is-Salvatur tagħna, fl-aħħar ikla tiegħu dik il-lejla li fiha kien se jingħata għalina, ħalla lill-Knisja t-tifkira tal-mewt u l-qawmien tiegħu biex tibqa’ ġġeddidna dejjem. Nadurawh u ngħidulu:

Qaddes, Mulej, il-poplu li int fdejt b’demmek.

Agħmel, Feddej tagħna, li nindmu u ningħaqdu aktar bis-sħiħ mal-passjoni tiegħek: biex niksbu s-sebħ tal-qawmien għall-ħajja. Ngħidu flimkien.

Kristu, li int waħdek il-Qassis ta’ Alla l-Għoli, int ħallejt f’idejn is-saċerdoti biex joffru s-sagrifiċċju u jamministraw is-sagramenti tiegħek: għinnhom jgħixu ħajja li taqbel mal-qdusija tal-misteri li jiċċelebraw. Ngħidu flimkien.

Għinna dejjem bil-ħarsien ta’ Ommok Marija, li hi l-faraġ tal-imnikktin: biex bħalma int tfarraġ lilna, hekk aħna nfarrġu u nsabbru lil min hu mnikket. Ngħidu flimkien.

Sieħeb fil-passjoni tiegħek lill-fidili kollha li qegħdin ibatu: biex fihom infushom ikunu xhieda tas-salvazzjoni tiegħek. Ngħidu flimkien.

Kristu, inti l-manna li nżilt mis-sema, u tgħajjex lill-Knisja tiegħek b’Ġismek u b’Demmek: saħħaħ il-mixja tagħna sa ħdejk bil-qawwa ta’ dan l-ikel. Ngħidu flimkien.

Fis-skiet nagħmlu t-talba personali tagħna.

Silenzju biss                    1 min

Nagħlqu din l-Adorazzjoni flimkien billi ngħidu flimkien it-talba sabiħa ta’: Ruħ ta’ Kristu

Ruħ ta’ Kristu qaddisni

Ġisem ta’ Kristu, salvani.

Demm ta’ Kristu, isqini.

Ilma tal-kustat ta’ Kristu, aħsilni.

Passjoni ta’ Kristu, sabbarni.

O Ġesù twajjeb, ismagħni.

Fil-pjagi tiegħek, aħbini.

Tħallini qatt ninfired minnek.

Mill-għadu ħażin ħarisni.

Fis-siegħa ta’ mewti sejjaħli.

Ġewwa ħdanek ilqagħni,

biex mal-qaddisin tiegħek

infaħħrek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading